Mistoqsija Parlamentari - O-000099/2018Mistoqsija Parlamentari
O-000099/2018

L-emerġenza umanitarja fil-Mediterran: appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali

13.9.2018

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000099/2018
lill-Kunsill
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Cornelia Ernst, Barbara Spinelli, Merja Kyllönen, Marisa Matias, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Dimitrios Papadimoulis, Miguel Urbán Crespo, Ángela Vallina, f'isem il-Grupp GUE/NGL

Fil-kuntest kurrenti tal-politiki kemm nazzjonali u kemm Ewropej dwar l-asil u l-migrazzjoni, il-komunitajiet lokali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali (ALR) f'bosta okkażjonijiet intalbu jiffaċċjaw sfidi relatati mal-ilqugħ u l-integrazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti. Minkejja li huma lesti jilqgħu u jospitaw lir-refuġjati u lill-migranti, u minkejja l-isforzi tagħhom biex jagħmlu hekk, l-ALR ma għandhomx aċċess għal finanzjament adatt, jew minħabba n-nuqqas ta' qafas legali xieraq, jew inkella minħabba għażliet ta' politika, hekk li jkunilhom mill-aktar diffiċli jipprovdu l-appoġġ u s-servizzi meħtieġa mal-wasla tar-refuġjati u tal-migranti, jew għall-integrazzjoni ta' dawn tal-aħħar. Fin-nuqqas ta' dan, jikber ir-riskju li r-refuġjati u l-migranti jsiru vulnerabbli għal sfruttament spjetat u għal ħakma ekonomika u soċjali minn organizzazzjonijiet kriminali.

Fil-qies ta' din is-sitwazzjoni x'inhi l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-punti li ġejjin?

1. Il-ħtieġa ta' riforma komprensiva tal-politiki tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni biex ngħaddu lejn soluzzjonijiet sostenibbli u ġusti li jkunu allinjati mal-obbligi kemm tal-UE u kemm tal-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali.

2. L-iffaċilitar tal-aċċess tal-ALR għall-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza u l-għoti lill-ALR tal-opportunità li jiksbu aktar finanzjament u aċċess dirett għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) kif ukoll għal finanzjament rilevanti ieħor taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), b'tali mod li jkunu jistgħu jipprovdu servizzi li jirrispettaw bis-sħiħ id-dinjità tar-refuġjati u tal-migranti malli jintlaqgħu għall-ewwel darba u bi rbit mal-integrazzjoni tagħhom fit-tul, b'konċentrazzjoni speċjali fuq il-kura tas-saħħa, is-sostenn soċjali, id-djar, l-edukazzjoni u miżuri oħra ta' integrazzjoni.

3. Il-ħolqien ta' pjattaforma li tiffaċilita l-iskambji u l-qsim tal-aħjar prattiki bejn l-ALR, kif ukoll is-sinerġiji bejniethom u s-soċjetà ċivili, b'mod li jippermettilhom ikunu eliġibbli taħt il-fondi rilevanti.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Settembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza