Sfidi u strateġiji politiċi kontra l-kansers tan-nisa u l-komorbożitajiet relatati
28.11.2018
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000134/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Daniela Aiuto
f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Wieħed minn kull tliet Ewropej ibatu bil-kanser matul ħajjithom u l-Istati Membri mhux qed jagħmlu biżżejjed biex jiġġilduh. Ċerti forom ta' kanser, bħal dawk tas-sider, tal-utru u tal-għonq tal-utru, jeżistu b'mod predominanti fin-nisa, jew huma esklużivi għalihom. Barra minn hekk, il-kanser tas-sider huwa l-kanser fatali l-aktar komuni fin-nisa, mhux biss fl-UE iżda fid-dinja kollha. Id-data turi li jekk in-nisa jiġu dijanjostikati minn kmieni bil-kanser tas-sider u jingħataw trattament fil-ħin, ir-rata ta' sopravivenza tista' tilħaq madwar 80%. Dan juri l-importanza tal-iskrining tal-popolazzjoni bi kwalità ggarantita. Madankollu, jekk in-nisa jirnexxilhom jegħlbu l-kanser, ħafna drabi l-ġlieda ma tkunx spiċċat peress li jiffaċċjaw problemi psikoloġiċi serji u normalment sottovalutati – speċjalment jekk ikunu għaddew minn isterektomija jew mastektomija. In-nisa u l-membri tal-familja tagħhom għandhom jingħataw appoġġ imfassal apposta fil-forma ta' counselling.
Għalkemm mifruxa, dawn it-tipi ta' kansers tan-nisa ma jingħatawx l-attenzjoni li jistħoqqilhom mill-pubbliku u minn dawk li jfasslu l-politika. Huwa diffiċli ħafna għan-nisa u għall-familji tagħhom li jirċievu trattament olistiku li jissodisfa l-ħtiġijiet kollha tagħhom. Huwa ta' importanza vitali li n-nisa jkollhom aċċess faċli għal programmi ta' skrining, trattament ugwali u għall-but ta' kulħadd, għajnuna mfassla apposta għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom u informazzjoni dwar il-fatturi tal-istil ta' ħajja li jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni tal-kanser.
1. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jikkunsidraw li jħejju strateġija fil-livell tal-UE sabiex jiżguraw li s-settur tas-saħħa jkopri l-aspetti kollha tal-kanser li jaffettwaw lin-nisa? L-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq il-ġbir u l-analiżi komprensivi ta' data dwar il-każijiet ta' kanser u s-sopravivenza diżaggregata skont is-sess u għandha tkopri l-aċċess għal informazzjoni preċiża, il-prevenzjoni, l-iskrining ta' kwalità, id-dijanjożi, il-monitoraġġ, l-aċċess għat-trattament u l-appoġġ wara l-irkupru.
2. Il-Kummissjoni biħsiebha tħejji standards għall-programmi ta' skrining għall-kanser li japplikaw għall-Istati Membri kollha, minbarra li tappoġġja u tinvesti aktar fi programmi ta' riċerka u fl-infrastrutturi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri fejn il-programmi ta' skrining mhumiex daqstant żviluppati?
3. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jippjanaw kampanja ta' sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-kanser, li tinkludi informazzjoni dwar kif wieħed jgħix ħajja sana u dwar il-parteċipazzjoni fi programmi nazzjonali ta' skrining għall-kanser tal-popolazzjoni bi kwalità ggarantita, għall-kansers tas-sider u tal-għonq tal-utru?
Imressqa: 28.11.2018
Mgħoddija: 30.11.2018
L-iskadenza għat-tweġiba: 7.12.2018