Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd.
3.12.2018
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000138/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Julie Girling, Seb Dance, Jadwiga Wiśniewska, Catherine Bearder, Keith Taylor, Anja Hazekamp, Eleonora Evi
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
It-tniġġis tal-arja jibqa' l-kawża ambjentali ewlenija ta' mewt bikrija fl-UE, bi stimi ta' aktar minn 400 000 mewta prematura fis-sena. Is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar it-tniġġis tal-arja hija għolja u ċ-ċittadini jistennew azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet. F'dan il-kuntest, napprezzaw jekk il-Kummissjoni twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:
1. Attwalment l-Istati Membri jistgħu jiġu riferuti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, iżda ħafna drabi dan iġib miegħu proċess li jieħu fit-tul. X'miżuri se tieħu l-Kummissjoni biex tħaffef il-proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri?
2. Il-Kummissjoni temmen li d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (AAQD) hija adattata għall-iskop? Fl-2017 l-Kummissjoni nediet kontroll tal-idoneità tal-AAQD bir-riżultati ppjanati għal tmiem l-2019. Se jiġi propost aġġornament jekk ir-riżultati tal-kontroll tal-idoneità jitqiesu li mhumiex sodisfaċenti?
3. Fir-rigward tad-dettalji tal-programmi taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), il-Kummissjoni kif se tindirizza l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali biex ikollhom aċċess għall-finanzjament, sabiex ikollhom iktar opportunitajiet li jnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport?
4. Il-Kummissjoni u d-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent (DĠ Ambjent) x'miżuri se jinkorporaw fir-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) li jmiss biex iħeġġu lill-bdiewa jnaqqsu l-emissjonijiet, b'mod partikolari l-ammonijaka?
5. Il-Kummissjoni biħsiebha tistudja t-tossiċità potenzjali tal-karbonju iswed, sew waħdu u sew bħala komponent ta' partikuli fini u ta' partikuli ultrafini? Il-Kummissjoni kif se tindirizza t-tħassib dejjem ikbar dwar l-impatt tal-PM1 u l-partikuli ultrafini fuq is-saħħa tal-bniedem? Il-Kummissjoni qed tippjana li twettaq studji dwar l-esponiment b'rabta mat-tħassib ta' tali tniġġis emerġenti?
Imressqa: 3.12.2018
Mgħoddija: 5.12.2018
L-iskadenza għat-tweġiba: 12.12.2018