L-istituzzjonijiet u l-korpi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja: Il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku
12.12.2019
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000048/2019
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Irene Tinagli
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Fid-dawl tar-rwol ċentrali tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji Ewropej, huwa tal-akbar importanza li sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess li jinvolvu uffiċjali għolja jiġu ttrattati kif xieraq. Sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess mhux indirizzati jistgħu mhux biss jikkompromettu l-infurzar ta' standards etiċi għoljin fl-amministrazzjoni Ewropea kollha, iżda wkoll jipperikolaw id-dritt għal amministrazzjoni tajba.
Għalhekk, il-ħatra tad-direttur eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), is-Sur Farkas, bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tas-Swieq Finanzjarji fl-Ewropa (AFME) fl-1 ta' Frar 2020 qajmet tħassib fil-Parlament Ewropew. Il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea (BoS) ivvaluta l-kunflitt potenzjali ta' interess. Huwa rrikonoxxa kunflitt ta' interess u għalhekk iddeċieda li jimponi ċerti restrizzjonijiet fuq din il-ħatra. Dawn ir-restrizzjonijiet ġew ippubblikati fis-17 ta' Settembru 2019.
Il-Parlament Ewropew għandu l-mistoqsijiet li ġejjin għall-Kummissjoni:
- 1 Il-Kummissjoni tqis ir-restrizzjonijiet imposti mill-EBA bħala suffiċjenti sabiex jiġi evitat il-kunflitt ta' interess rikonoxxut? Il-Kummissjoni tqis li projbizzjoni tal-ħatra kienet tkun possibbli taħt il-qafas legali attwali? Projbizzjoni kienet tkun miżura proporzjonata?
- 2 Sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku jew ''revolving door'' huma kwistjonijiet rikorrenti u ġew ivvalutati u analizzati minn korpi internazzjonali u tal-UE, b'mod partikulari mill-Ombudsman tal-UE u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Liema azzjonijiet ħadet il-Kummissjoni biex timplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet?
- 3 Fid-dibattitu plenarju tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar dan il-każ, il Kummissjoni ddikjarat li ''tqis li l-istandards ta' etika għoljin tagħha jiġu infurzati bl-aktar mod xieraq fl-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u b'mod aktar ġenerali fl-aġenziji kollha permezz tad-dħul fis-seħħ ta' qafas legali armonizzat. Il-Kummissjoni, u nista' nitkellem ukoll f'isem il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, se tieħu wkoll kont tad-dibattitu u tal-eżitu ta' dan id-dibattitu hawn fil-Parlament meta tkun qed tifli u teżamina mill-ġdid ir-Regolamenti etiċi ta' wara l-impjieg.'' Hemm xi passi konkreti previsti biex jiġi adattat il-qafas legali? Liema leġiżlazzjoni se tiġi adattata?
Imressqa: 12/12/2019
Skadenza: 13/03/2020