Mistoqsija Parlamentari - O-000005/2020Mistoqsija Parlamentari
O-000005/2020

Strateġija għall-Bijoekonomija aġġornata – Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa

20.1.2020

Mistoqsija għal tweġiba orali  O-000005/2020
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Norbert Lins
f'isem il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Fid-29 ta' Novembru 2019, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-Istrateġija għall-Bijoekonomija aġġornata, "Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: insaħħu r-rabta bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent", li hija bbażata fuq komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2018.

Il-Kunsill irrikonoxxa li l-promozzjoni tal-impjiegi, it-tkabbir, l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp lokali fiż-żoni rurali, inkluż il-bijoekonomija u l-forestrija sostenibbli hija waħda mid-disa' objettivi tal-proposta tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għas-snin 2021 sa 2027 u enfasizza li l-bijoekonomija tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal dak l-objettiv, minħabba l-kapaċità tagħha li toħloq valur ekonomiku u prosperità, u fil-qies tal-fatt li l-agrikoltura u l-forestrija huma fost il-fornituri ewlenin tal-bijomassa bbażata fuq l-art. Barra minn hekk, il-Kunsill enfasizza li bijoekonomija Ewropea sostenibbli għandha tkun waħda mill-komponenti ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-Parlament iqis li l-agrikoltura, bħala settur strateġiku, għandha potenzjal qawwi biex tippromwovi bijoekonomija sostenibbli fl-Istati Membri permezz ta' diversi strumenti previsti fil-PAK, b'mod partikolari fil-qasam tal-iżvilupp rurali, li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet u jipprovdu għajxien, kundizzjonijiet tax-xogħol u kundizzjonijiet ekonomiċi deċenti. Biex dan jitwettaq, jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura koerenza politika bejn il-bijoekonomija u politiki oħra, inkluża l-PAK.

Il-Kummissjoni kif sejra tippromwovi bijoekonomija sostenibbli fl-agrikoltura u l-forestrija, u kif biħsiebha tiżgura koerenza politika bejn il-bijoekonomija u l-PAK?

Il-Kummissjoni kif sejra tqis kwalunkwe effett soċjali u ekonomiku tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima fuq iż-żoni rurali?

Il-Kummissjoni kif sejra tinkorpora l-messaġġ tal-konklużjonijiet tal-Kunsill imsemmija hawn fuq fil-programm ta' ħidma li jmiss tagħha, b'mod aktar speċifiku fil-Patt Ekoloġiku Ewropew?

Imressqa: 20/01/2020

Skadenza: 21/04/2020

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Novembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza