L-istrateġija komprensiva l-ġdida UE-Afrika
23.1.2020
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000007/2020
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Tomas Tobé
f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp
X’miżuri u mekkaniżmi se jiddaħħlu fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-istrateġija komprensiva futura għall-Afrika tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u, b’mod partikolari, l-objettiv fundamentali tal-iżvilupp li l-faqar estrem jinqered għalkollox u li l-faqar jitnaqqas, li għalihom impenjaw ruħhom l-UE u l-Istati Membri?
L-istrateġija l-ġdida kif se tikkontribwixxi għall-interessi strateġiċi tal-Unjoni u għall-prijoritajiet komuni taż-żewġ sħab, b’mod partikolari l-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-paċi u s-sigurtà, it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-ambjent?
Il-Kummissjoni kif biħsiebha tipprijoritizza l-impenji skont il-Ftehim ta’ Pariġi, u tallinja l-istrateġija UE-Afrika mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, hi u tqis il-vulnerabbiltà partikolari għat-tibdil fil-klima tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, kif ukoll tal-komunitajiet tal-gżejjer, tal-kosta u tad-deżert?
Il-Kummissjoni kif se taħdem mal-Unjoni Afrikana biex tiżgura, kemm fl-Afrika kif ukoll fl-Ewropa, l-involviment tal-gvernijiet, il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali, l-atturi tas-settur privat u s-soċjetà ċivili, inklużi n-nisa u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fit-tfassil tal-istrateġija l-ġdida?
Il-Kummissjoni kif se tiżgura l-konsistenza, u ttaffi r-riskji tal-koinċidenza tal-oqfsa strateġiċi li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Afrika, inkluż il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE futur? L-istrateġija l-ġdida kif se taffettwa n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar l-istrumenti finanzjarji futuri, u b’mod partikolari l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), li għalih l-Afrika hija wkoll prijorità?
L-istrateġija kif se tappoġġa l-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku fl-Afrika, u tiżgura li l-impenn Ewropew jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli b’mod trasparenti u effiċjenti? L-istrateġija l-ġdida kif se taċċelera t-tranżizzjoni tal-Afrika lejn ekonomija mmexxija mill-innovazzjoni, u kif se tikkontribwixxi għat-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni b’konformità mad-dokumenti strateġiċi relatati tal-Unjoni Afrikana?
Hi l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li teżamina mill-ġdid il-kooperazzjoni akkademika, u tiżviluppa l-programm Erasmus + għall-Afrikani żgħażagħ b’konformità mal-impenji preċedenti tagħha li tvara faċilità għaż-żgħażagħ Afrikani?
Liema miżuri speċifiċi hemm ippjanati biex tiġi żgurata l-koerenza tal-politika tal-iżvilupp fit-tfassil kif ukoll fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-istrateġija? L-istrateġija kif se tiżgura li l-objettivi tagħha jiġu implimentati u evalwati b’mod effettiv b’manjiera għalkollox trasparenti?
Imressqa: 23/01/2020
Skadenza: 24/04/2020