L-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" – ir-rwol ewlieni tal-bdiewa u ż-żoni rurali
3.2.2020
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000013/2020
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Norbert Lins
f'isem il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Fit-12 ta' Diċembru 2019, il-Kummissjoni ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), inkluż pjan direzzjonali, li t-tnejn li huma jsemmu l-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt".
Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ambizzjuż u estensiv biex is-Sistema Agroalimentari Ewropea ssir l-istandard globali f'dak li jirrigwarda s-sostenibbiltà. Dan il-pjan ikopri politiki rilevanti għall-agrikoltura u ż-żoni rurali li bħalissa qed jiġu riveduti, inklużi l-Politika Agrikola Komuni (PAK), l-Istrateġija għall-Foresti, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, il-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà u miżuri biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità.
Il-Parlament jappoġġja bis-sħiħ dan il-pjan u jenfasizza l-fatt li l-qafas leġiżlattiv u politiku attwali tal-UE li jirregola s-sistema agroalimentari Ewropea mill-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni sal-konsum jipprovdi prodotti u servizzi ta' kwalità għolja filwaqt li jipprovdi wkoll livelli għoljin ta' sikurezza għall-bnedmin, l-annimali u n-natura. Dan il-qafas irid ikompli jiżgura dħul ġust għall-bdiewa u l-ħaddiema f'komunitajiet rurali vibranti, filwaqt li jrawwem ukoll is-sostenibbiltà fil-produzzjoni agrikola u l-ġestjoni tal-foresti, li t-tnejn huma ċentrali għall-bijoekonomija inġenerali.
Il-Kummissjoni kif se tiżgura li dawn l-għanijiet jintlaħqu b'rispett sħiħ tad-diversità tas-sistemi agroalimentari fl-UE, filwaqt li jinżammu fil-qalba dawk il-persuni li jgħixu u jaħdmu fiż-żoni rurali, inklużi l-bdiewa u dawk involuti fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom, u filwaqt li jitqiesu wkoll l-isfidi futuri?
Il-Kummissjoni kif se tiżgura l-kompetittività tal-produtturi tal-UE kemm fl-UE kif ukoll fis-suq internazzjonali u redditi ġusti għall-bdiewa fil-kuntest tar-rekwiżiti addizzjonali skont il-politiki ġodda u riveduti, meta wieħed iqis li s-sostenibbiltà ekonomika u dik ambjentali jimxu id f'id u li s-settur se jkun jeħtieġ riżorsi finanzjarji addizzjonali biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-ġodda?
Il-Kummissjoni kif se tiżgura li l-politiki ġodda u riveduti se jiġu applikati b'mod konsistenti u koerenti u mingħajr dewmien, u se jissalvagwardjaw il-kisbiet tal-passat filwaqt li jrawmu sostenibbiltà ikbar, b'mod partikolari fir-rigward tal-PAK?
Il-Kummissjoni kif se tiżgura li l-atturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel mill-produttur/il-bidwi sal-konsumatur/iċ-ċittadin ikunu konxji mir-rwol tagħhom fit-trawwim ta' sostenibbiltà ikbar, u kif se tawtonomizzahom sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati b'konformità mal-għażliet preferuti tagħhom mingħajr ma jiġu żgwidati?
Imressqa: 03/02/2020
Skadenza: 04/05/2020