Mistoqsija Parlamentari - O-000027/2020Mistoqsija Parlamentari
O-000027/2020

Il-ħtieġa ta' konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi

6.3.2020

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000027/2020
lill-Kunsill
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Irène Tolleret, Nathalie Loiseau, Chrysoula Zacharopoulou, Sylvie Brunet, Sophia in 't Veld
f'isem il-Grupp Renew

L-ugwaljanza bejn is-sessi ilha stabbilita fit-trattati Ewropej mill-1957. L-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li l-irġiel u n-nisa għandhom jirċievu paga ugwali għal xogħol ugwali u jawtorizza azzjoni pożittiva li tagħti s-setgħa lin-nisa. L-Artikolu 153 tat-TFUE jippermetti lill-UE taġixxi fil-qasam aktar wiesa' tal-opportunitajiet indaqs u tat-trattament ugwali f'kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol. L-Artikolu 19 tat-TFUE jippermetti li tiġi adottata leġiżlazzjoni biex tiġġieled kull tip ta' diskriminazzjoni, inkluża dik fuq bażi ta' sess.

Illum, l-UE qed tħabbat wiċċha ma' sfidi serji fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi: l-eradikazzjoni ta' kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa, l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa, it-titjib fl-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol, iż-żieda fir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika u li jiġi żgurat ir-rispett għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi kif ukoll l-aċċess universali għalihom. Fis-sena 2020 jitfakkar l-25 anniversarju mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, u dan l-aħħar l-UE adottat Strateġija ġdida għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Filwaqt li l-Kummissarju Helena Dalli hija esklussivament responsabbli għall-Ugwaljanza u l-Parlament Ewropew għandu kumitat iddedikat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, ma hemm l-ebda konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-ministri u s-segretarji tal-istat inkarigati mill-ugwaljanza bejn is-sessi ma għandhomx forum iddedikat għad-diskussjoni.

Fil-konklużjonijiet tiegħu “Ekonomiji li Jiffavorixxu l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-UE: It-Triq 'il Quddiem", adottati fl-10 ta' Diċembru 2019, il-Kunsill jenfasizza li, "filwaqt li fadal sfidi mill-passat, qed ifiġġu oħrajn ġodda" u li "l-objettivi stabbiliti għall-ugwaljanza bejn is-sessi ma ntlaħqux kompletament" u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex “isaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi [...] billi jippromwovu b'mod attiv id-djalogu politiku ta' livell għoli dwar kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell tal-UE, u fl-ogħla livell politiku”.

Bi qbil mar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, il-Kunsill Ewropew jistabbilixxi l-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill. F'dan l-isfond:

Imressqa: 06/03/2020

Skadenza: 07/06/2020

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Settembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza