Mistoqsijiet parlamentari
PDF 55kWORD 10k
30 ta' Ġunju 2020
O-000043/2020
Mistoqsija għal tweġiba orali
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Hélène Laporte
f'isem il-Grupp ID
 Suġġett: Next Generation EU u l-Artikolu 311 tat-TFUE

Fis-27 ta' Mejju 2020, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen żvelat il-pjan ta' rkupru tagħha, "Next Generation EU", b'baġit ta' EUR 750 biljun biex tgħin lill-Istati Membri jegħlbu x-xokk ekonomiku kkawżat mill-kriżi tal-COVID-19. Għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, il-Kummissjoni se titħalla tissellef mis-swieq finanzjarji. Madankollu, l-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddikjara li l-baġit għandu jkun iffinanzjat kompletament minn riżorsi proprji, huwa inkompatibbli ma' din il-proposta. Fit-tweġiba tagħha għall-Mistoqsija bil-Miktub E-001662/2015, il-Kummissjoni ddikjarat b'mod espliċitu li mhuwiex possibbli li l-lakuna bejn id-dħul u l-infiq timtela permezz tal-ħruġ ta' dejn pubbliku, għax dan mhuwiex konformi mat-Trattati. Il-ħruġ tad-dejn jibdel b'mod sostanzjali r-relazzjonijiet finanzjarji fi ħdan l-UE, peress li dan ikun ifisser qasma fir-rabta bejn ir-responsabbiltà għall-politika finanzjarja u ekonomika u r-responsabbiltà għar-riskji li jirriżultaw. Dan ikun jirrikjedi bidla fit-Trattat – punt li għamel id-Deutsche Bundesbank fil- Monatsbericht (rapport ta' kull xahar) tiegħu ta' April 2020.

1. Il-Kummissjoni kif biħsiebha tiżgura li l-pjanijiet ta' rkupru jkunu konformi mal-Artikoli 310 u 311 tat-TFUE?

2. Il-Kummissjoni kif biħsiebha tirrikonċilja l-ħruġ tad-dejn mal-prinċipju fundamentali minqux kemm fit-Trattati kif ukoll fil-kostituzzjonijiet nazzjonali li l-awtonomija baġitarja trid tibqa' fil-livell baġitarju nazzjonali, u li dan irid jibqa' l-każ sakemm l-UE ma tkunx ġiet rikonoxxuta bħala stat skont id-dritt internazzjonali?

3. Skont l-istimi tagħha, il-Kummissjoni kemm għandha persunal u kemm għandha riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha għall-immaniġġjar ta' dan id-dejn, fid-dawl tal-fatt li l-parti l-kbira tal-Istati Membri jesternalizzaw dan lil aġenzija indipendenti tal-ġestjoni tad-dejn jew lil fondi privati?

Imressqa: 30/06/2020

Skadenza: 01/10/2020

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Lulju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza