Mistoqsijiet parlamentari
PDF 58kWORD 11k
1 ta' Lulju 2020
O-000045/2020
Mistoqsija għal tweġiba orali
lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Anna Fotyga (ECR), Mazaly Aguilar (ECR), Petras Auštrevičius (Renew), Franc Bogovič (PPE), Marco Campomenosi (ID), Derk Jan Eppink (ECR), Rosa Estaràs Ferragut (PPE), Raffaele Fitto (ECR), Rasa Juknevičienė (PPE), Elżbieta Kruk (ECR), Andrius Kubilius (PPE), Miriam Lexmann (PPE), Ljudmila Novak (PPE), Juozas Olekas (S&D), Urmas Paet (Renew), Maite Pagazaurtundúa (Renew), Stanislav Polčák (PPE), Elżbieta Rafalska (ECR), Frédérique Ries (Renew), Bert-Jan Ruissen (ECR), Bogdan Rzońca (ECR), Massimiliano Salini (PPE), Jacek Saryusz-Wolski (ECR), Radosław Sikorski (PPE), Ivan Štefanec (PPE), Hermann Tertsch (ECR), Ruža Tomašić (ECR), Romana Tomc (PPE), Alexandr Vondra (ECR), Veronika Vrecionová (ECR), Charlie Weimers (ECR), Jadwiga Wiśniewska (ECR), Jan Zahradil (ECR), Roberts Zīle (ECR), Milan Zver (PPE), Kosma Złotowski (ECR)
 Suġġett: Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi kkundannati għall-mewt

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran għadha waħda devastanti. Meta bdew il-protesti f'Novembru li għadda ġew arrestati aktar minn 12 000 persuna u nqatlu mill-inqas 1 500 persuna. Għad ma hemm l-ebda informazzjoni dwar id-destin ta' bosta detenuti. Fit-18 ta' Diċembru 2019, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat riżoluzzjoni fejn tikkundanna għal darb'oħra r-reġim Iranjan għal ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-arresti arbitrarji, id-detenzjoni ta' priġunieri, il-fastidju ta' minoranzi etniċi u r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni. Fid-19 ta' Diċembru 2019, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tikkundanna r-reazzjoni tar-reġim Iranjan għall-protesti mhux vjolenti f'Novembru 2019 u li titlob li l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u d-dimostranti kollha miżmuma taħt arrest jinħelsu inkondizzjonalment. F'dawn l-aħħar xhur kien hemm sensiliet ġodda ta' arresti madwar il-pajjiż. Fl-10 ta' April 2020 ġew arrestati u msawta għal xejn b'xejn żewġ studenti Iranjani tal-ogħla livell, Ali Younesi u Amir Hossein Moradi. Sussegwentement, l-oppożizzjoni Iranjana ħarġet l-ismijiet ta' 18-il persuna oħra arrestati matul il-protesti reċenti. Ftit jiem ilu, il-Qorti Suprema tal-Iran ikkonfermat il-piena tal-mewt kontra Amir Hossein Moradi, Mohammad Rajabi u Saeed Tafal, li ġew arrestati b'akkużi politiċi matul il-protesti ta' Novembru li għadda. Ir-reġim regolarment jagħti kundanni ta' swat kontra d-dimostranti u d-dissidenti fost oħrajn. Ir-reġim Iranjan s'issa ċaħad id-dħul ta' Rapporteur Speċjali tan-NU u xekkel kwalunkwe mezz ta' monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

1. Dawk li ġew arrestati u detenuti inġustament qed jiġu soġġetti għal tortura, u xi wħud minnhom jistgħu saħansitra jingħataw il-piena tal-mewt. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) x'inizjattivi konkreti u urġenti qed jippjana li jieħu sabiex jara li ma titwettaq l-ebda eżekuzzjoni, titwaqqaf it-tortura u jiġi żgurat li r-reġim Iranjan jeħles lill-persuni li ġew detenuti u arrestati inġustament?

2. X'inhuma l-politiki proattivi li l-UE qed tikkunsidra biex id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran jissaħħau u jiġi żgurat li l-Iranjani jgawdu l-libertà ta' għaqda u jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-kelma fil-protesti tal-ġejjieni mingħajr riperkussjonijiet mir-reġim?

3. Is-SEAE x'passi ħa fir-rigward tal-każijiet tal-priġunieri politiċi li ġew ikkundannati għall-mewt wara l-protesti ta' Novembru, fosthom Amir Hossein Moradi, Mohammad Rajabi u Saeed Tamjidi, u x'għamel b'reazzjoni għall-każ ta' Ali Youngesi?

4. L-influwenza u l-poter tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) qed jespandu. L-Istati Uniti elenkaw l-IRGC bħala grupp terroristiku. L-UE se tagħmel l-istess, b'kont meħud tar-rwol tal-IRGC fit-trażżin vjolenti ta' dimostranti mhux vjolenti f'Novembru? L-UE kif tikkunsidra l-ħakma li qed tikber tal-IRGC fuq il-poter fl-Iran f'termini ta' drittijiet tal-bniedem u relazzjonijiet bilaterali UE-Iran?

5. Il-VP/RGħ se tikkunsidra tieħu passi biex timponi sanzjonijiet personali mmirati kontra dawk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u tibgħat messaġġ ċar u deċiżiv lill-Iran li l-UE topponi din is-sitwazzjoni?

Imressqa: 01/07/2020

Skadenza: 02/10/2020

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Lulju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza