Obbligi fil-qasam tar-reċiproċità tal-viża skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/1806
22.7.2020
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000049/2020
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Juan Fernando López Aguilar
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Fl-2013, il-Parlament u l-Kunsill adottaw ir-Regolament 1289/2013 li jimmodifika, fost elementi oħrajn, l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu ta' reċiproċità tar-Regolament 539/2001 (b'segwitu għall-kodifikazzjoni, ir-Regolament (UE) 2018/1806). L-objettiv ta' dan il-mekkaniżmu huwa li jiżgura li meta jivvjaġġaw lejn pajjiż terz iċ-ċittadini tal-UE jkunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż terz meta jivvjaġġaw lejn l-UE. Il-mekkaniżmu ta' reċiproċità jagħti bidu għal proċedura, bi skadenzi preċiżi u azzjonijiet li għandhom jittieħdu bl-għan li tintemm sitwazzjoni ta' nonreċiproċità, malli l-Kummissjoni tiġi nnotifikata dwar tali sitwazzjoni minn Stat Membru. Fit-12 ta' April 2014 il-Kummissjoni ppubblikat notifiki minn ħames Stati Membri [1] .
Il-mekkaniżmu jipprevedi li, wara passi intermedjarji, "jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża fi żmien 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifiki, ir-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta att delegat li jissospendi temporanjament għal 12-il xahar, l-eżenzjoni tal-viża għaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż terz" [2] .
Minflok ma ppreżentat l-att delegat kif meħtieġ, madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta sensiela ta' komunikazzjonijiet biex tispjega s-sitwazzjoni attwali.
F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni mitluba twieġeb dawn il-mistoqsijiet:
- 1.Taqbel mal-valutazzjoni legali li skontha obbligata tadotta att delegat – li temporanjament jissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li ma jkunux neħħew il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta' ċerti Stati Membri tal-UE – fi żmien perjodu ta' 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' notifika, li f'dan il-każ, intemm fit-12 ta' April 2016?
- 2.Fil-każ li taqbel mal-valutazzjoni li obbligata tadotta att delegat, il-Kummissjoni meta biħsiebha tippreżenta l-att delegat?
- 3.Jekk ma taqbilx, x'inhuma r-raġunijiet tagħha?
Imressqa: 22/07/2020
Skadenza: 23/10/2020