Mistoqsija Parlamentari - O-000054/2020Mistoqsija Parlamentari
O-000054/2020

Il-ħtieġa ta' konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

10.9.2020

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000054/2020
lill-Kunsill
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Irène Tolleret, Nathalie Loiseau, Chrysoula Zacharopoulou, Sylvie Brunet, Sophia in 't Veld, Samira Rafaela
f'isem il-Grupp Renew

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri ilha stabbilita fit-trattati Ewropej mill-1957. L-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li l-irġiel u n-nisa għandhom jirċievu paga ugwali għal xogħol ugwali u jawtorizza azzjoni pożittiva li tagħti s-setgħa lin-nisa. L-Artikolu 153 tat-TFUE jippermetti lill-UE taġixxi fil-qasam usa' tal-opportunitajiet indaqs u tat-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta' impjiegi u ta' xogħol. L-Artikolu 19 tat-TFUE jippermetti li tiġi adottata leġiżlazzjoni biex tiġġieled kull tip ta' diskriminazzjoni, inkluża dik fuq bażi ta' sess.

Illum, l-UE qed tħabbat wiċċha ma' sfidi serji fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri: l-eradikazzjoni ta' kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa, l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa, it-titjib fl-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol, iż-żieda fir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika u li jiġi żgurat l-aċċess universali għas-saħħa sesswali u riproduttiva u r-rispett tad-drittijiet relatati magħhom. Fis-sena 2020 jitfakkar l-25 anniversarju mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni u tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u dan l-aħħar l-UE adottat Strateġija ġdida dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri.

Jekk, minn naħa, il-Kummissarju Helena Dalli hija responsabbli esklużivament għall-Ugwaljanza u l-Parlament Ewropew għandu kumitat iddedikat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, min-naħa l-oħra ma hemm l-ebda konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ministri u s-segretarji tal-Istat inkarigati mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma għandhomx forum iddedikat għad-diskussjoni.

Fil-konklużjonijiet tiegħu "Ekonomiji li Jiffavorixxu l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-UE: It-Triq 'il Quddiem", adottati fl-10 ta' Diċembru 2019, il-Kunsill jenfasizza li, "filwaqt li fadal sfidi mill-passat, qed ifiġġu oħrajn ġodda. "L-objettivi stabbiliti għall-ugwaljanza bejn is-sessi ma ntlaħqux kompletament" u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri "isaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi [...] billi jiġi promoss b'mod attiv id-djalogu politiku ta' livell għoli dwar kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell tal-UE, u fl-ogħla livell politiku."

Bi qbil mar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, il-Kunsill Ewropew jistabbilixxi l-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill. Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq, il-Kunsill jista' jgħarraf:

Imressqa: 10/09/2020

Skadenza: 11/12/2020

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Settembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza