Mistoqsijiet parlamentari
PDF 49kWORD 10k
15 ta' Settembru 2020
O-000057/2020/rev.1
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000057/2020/rev.1
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Frances Fitzgerald, Dennis Radtke
f'isem il-Grupp PPE
 Suġġett: Azzjoni olistika tal-UE fil-qasam tal-kura, inkluża l-kura tat-tfal, il-kura tal-anzjani u l-persuni b'diżabilità – lejn Strateġija Ewropea dwar l-Għoti tal-Kura

Fir-rigward tal-għoti tal-kura, il-pandemija tal-COVID-19 kixfet kwistjonijiet bħall-kura għal persuni fir-residenzi tal-anzjani u l-piż bla waqfien tal-għoti tal-kura lil dawk b'mard kroniku jew b'diżabilità, kif ukoll il-pressjoni li jiffaċċjaw il-ġenituri li jaħdmu biex jipprovdu u jħallsu għall-indukrar tat-tfal. B'mod ġenerali, anqas minn nofs aktar minn 32 miljun tifel u tifla taħt l-età tal-edukazzjoni obbligatorja għandhom aċċess għall-għoti ta' servizzi tat-tfulija bikrija fl-UE. F'termini ta' kura ta' persuni anzjani, id-domanda qed tkun akbar mill-provvista, u qed tingħata enfasi partikolari lill-għoti ta' kura fi strutturi fit-tul. Jeħtieġ tinġabar data preċiża dwar il-kura disponibbli fl-UE, imqassma skont it-tip ta' kura, b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni b'mard kroniku u persuni b'diżabilità.

Aktar minn 50% ta' dawk taħt l-età ta' 65 sena jikkombinaw l-għoti ta' kura mal-impjieg, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom huma nisa. Ir-responsabbiltajiet tal-kura huma waħda mir-raġunijiet ewlenin tal-parteċipazzjoni aktar baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol, peress li jew jispiċċaw inaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom jew iħallu x-xogħol bi ħlas. Id-data disponibbli tindika l-eżistenza ta' differenza bejn il-ġeneri fil-kura, li tinfluwenza d-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet. Il-kura mogħtija minn dawk li jindukraw b'mod informali mingħajr l-ebda regolarizzazzjoni hija partikolarment problematika.

1. Il-Kummissjoni Ewropea tista' tispjega liema riżorsi ntefqu fuq is-servizzi tal-għoti ta' kura u taħt liema programmi tal-QFP eżistenti?

2. Il-Kummissjoni se tispjega liema riżorsi mill-QFP 2021-2027 biħsiebha tuża biex tissodisfa d-domanda għal servizzi ta' kura u biex tindirizza l-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol?

3. Il-Kummissjoni se tuża sinerġiji bejn il-programmi dwar it-tagħlim tul il-ħajja, ir-riċerka u l-iżvilupp infrastrutturali fl-għoti ta' servizzi tal-kura?

4. Il-Kummissjoni biħsiebha tiġbor data dwar l-għoti ta' tipi ta' kura differenti, fid-dawl tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-implikazzjonijiet tal-kriżi tal-COVID-19?

5. Abbażi ta' statistika simili, il-Kummissjoni se tkompli teżamina d-differenza fil-kura bil-għan li tiżviluppa Strateġija Ewropea dwar il-Persuni li Jindukraw biex issaħħaħ l-ugwaljanza, tagħti spinta lill-impjiegi u tiżgura l-provviżjoni ta' kura ta' kwalità?

6. Il-Kummissjoni se taġixxi bħala pjattaforma li tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà ta' servizzi tal-kura, kif ukoll fil-mudelli differenti ta' servizzi ta' kura?

7. Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-eżami tas-sitwazzjoni ta' dawk li jindukraw b'mod informali u se tikkondividi l-aħjar prattiki dwar kif l-Istati Membri jirregolarizzaw il-ħidma tagħhom?

Imressqa: 15/09/2020

Skadenza: 16/12/2020

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Ottubru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza