Id-drittijiet tat-tfal
3.2.2021
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000007/2021
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Juan Fernando López Aguilar
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tiddikjara li kull tifel u tifla fid-dinja – jiġifieri kull bniedem taħt it-tmintax-il sena – huwa intitolat għall-istess ġabra ta' drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, irrispettivament mill-etniċità, il-ġeneru, ir-reliġjon, il-lingwa, il-ħiliet, l-istatus tal-migrazzjoni, l-orjentazzjoni sesswali jew kwalunkwe status ieħor.
L-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jelenka l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fost l-objettivi tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal mill-istituzzjonijiet tal-UE, u mill-Istati Membri tal-UE meta jimplimentaw il-liġi tal-UE. Madankollu, ir-realtà turi li għad fadal ħafna xi jsir u li l-isfidi persistenti u eżistenti għad iridu jiġu indirizzati.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Dubravka Šuica ħabbret l-erba' pilastri li se jkunu koperti mill-istrateġija li jmiss: 1) id-drittijiet tat-tfal l-aktar vulnerabbli; 2) id-drittijiet tat-tfal fl-era diġitali; 3) il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-ġlieda kontriha; 4) il-promozzjoni ta' ġustizzja adattata għat-tfal.
Tista' l-Kummissjoni tispjega:
- 1.kif biħsiebha tgħin lill-Istati Membri jfasslu pjanijiet nazzjonali biex jimplimentaw l-objettivi stabbiliti fl-istrateġija fil-perjodu ta' żmien mogħti;
- 2.kif l-istrateġija se tappoġġja approċċ inklużiv u olistiku għall-protezzjoni tat-tfal kollha u għas-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal – speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli – fil-politiki, il-programmi u l-azzjonijiet kollha tal-UE f'konformità mad-drittijiet fundamentali tal-UE;
- 3.kif biħsiebha tirrikonoxxi lit-tfal bħala aġenti tal-bidla, filwaqt li tiżgura li t-tfal jipparteċipaw b'mod sinifikanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġija;
- 4.kif qed tippjana li tintegra d-drittijiet tat-tfal u tiżgura li jiġi allokat finanzjament adegwat biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-istrateġija kemm fl-azzjonijiet esterni kif ukoll interni tal-UE;
- 5.kif l-istrateġija tista' ssir obbligatorja għall-istituzzjonijiet tal-UE u kif se tiġi allinjata mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Aġenda 2030 tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli;
- 6.filwaqt li tqis il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa u l-impatt fit-tul tagħha fuq it-tfal, kif l-istrateġija se tikkunsidra l-isfidi li tfaċċaw fil-kuntest tal-kriżi?
Imressqa: 03/02/2021
Skadenza: 04/05/2021