Proċedura : 2020/2585(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : O-000017/2021

Testi mressqa :

O-000017/2021 (B9-0017/2021)

Dibattiti :

PV 10/06/2021 - 13
CRE 10/06/2021 - 13

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


Mistoqsijiet parlamentari
PDF 72kWORD 12k
17 ta' Marzu 2021
O-000017/2021
Mistoqsija għal tweġiba orali  O-000017/2021
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Lucia Ďuriš Nicholsonová, Rosa Estaràs Ferragut, Pierfrancesco Majorino, Jordi Cañas, Stefania Zambelli, Katrin Langensiepen, José Gusmão
f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 Tweġiba fil-plenarja 
 Suġġett: L-awtiżmu u l-impjieg inklużiv

L-awtiżmu huwa diżabilità kumplessa u permanenti esperjenzata b'mod differenti minn kull persuna affettwata. Huwa stmat li ħames miljun ruħ fl-Ewropa jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu(1). Il-persuni awtistiċi, irrispettivament mill-ħtiġijiet ta' appoġġ tagħhom, jiffaċċjaw livell għoli ta' diskriminazzjoni fl-aspetti kollha tal-ħajja, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u dan jirriżulta f'eżiti negattivi għal dak li jikkonċerna l-impjieg. Il-qgħad jaffettwa b'mod sproporzjonat lill-persuni awtistiċi, inklużi dawk b'livell ta' edukazzjoni ogħla mill-medja(2). Ir-rata ta' impjieg tagħhom hija inqas minn 10 %(3), ferm inqas mir-rati ta' 47 % għall-persuni b'diżabilità u ta' 72 % għall-persuni mingħajr diżabilità. Spiss huma sottoimpjegati, jaħdmu f'impjiegi prekarji u/jew ta' terminu qasir b'paga baxxa ħafna, spiss f'istituzzjonijiet u ambjenti protetti, u huma f'riskju għoli ta' faqar u esklużjoni soċjali. Il-pandemija ħalliethom b'inqas opportunitajiet f'termini ta' edukazzjoni u ta' impjieg minħabba t-tluq bikri mill-iskola, is-sensja u s-sospensjoni tas-servizzi ta' appoġġ u tal-interventi bbażati fuq elementi konkreti. Fir-rigward tad-dritt tagħhom li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor, u b'referenza għall-Istrateġija l-ġdida dwar id-Diżabilità(4), id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi(5), il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jixtieq jistaqsi lill-Kummissjoni l-mistoqsijiet li ġejjin:

1. X'se tagħmel il-Kummissjoni biex ittejjeb il-prospetti għall-iżvilupp personali u l-eżiti tal-impjieg tal-persuni awtistiċi, speċifikament fir-rigward tal-protezzjoni fl-ambiti tal-oqfsa ġuridiċi li jkopru s-sigurtà soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi minimi u n-nondiskriminazzjoni fl-istituzzjonijiet; appoġġ individwalizzat u speċjalizzat fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u fit-tranżizzjoni bejn dawn u l-impjiegi; approċċi individwalizzati biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u titjieb l-impjegabbiltà (anki permezz ta' proċeduri ta' reklutaġġ modifikati u korsijiet ta' taħriġ ibbażati fuq elementi konkreti għall-impjegaturi), biex jiġi żgurat impjieg ta' kwalità u inklużiv b'paga ugwali, bħal fil-każ ta' persuni mingħajr diżabilità, kif ukoll akkomodazzjoni raġonevoli; l-użu ta' teknoloġija ta' assistenza; u l-użu tal-fondi tal-UE f'dan il-kuntest?

2. Il-Kummissjoni kif se ttejjeb u tiżgura b'mod konkret il-ġbir u l-monitoraġġ ta' data diżaggregata ta' kwalità tas-sitwazzjoni tal-impjiegi ta' persuni awtistiċi, inklużi dawk b'kundizzjonijiet ta' kookkorrenza, diżabilitajiet oħra u f'istituzzjonijiet u ambjenti protetti?

3. X'miżuri konkreti tipproponi l-Kummissjoni sabiex jitqiesu l-kwalità tal-ħajja, id-diversità tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu, u l-effetti tal-pandemija u tad-diskriminazzjoni intersezzjonali li dawn jiffaċċjaw fl-oqsma ta', fost l-oħrajn, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-impjiegi u l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali, u sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom meta jimplimentaw l-Istrateġija tal-UE dwar id-Diżabilità?

Imressqa: 17.3.2021

Skadenza: 18.6.2021

(1)Stimi tal-prevalenza ta' 1 fl-100 persuna bħala awtistika, ara Elsabbagh, M. et al, "Global Prevalence of Autism and Other Pervasive Developmental Disorders"(Prevalenza globali tal-awtiżmu u disturbi oħra tal-ispettru tal-awtiżmu), Autism Research, Vol. 5, Nru 3, 2012; Fombonne, E. et al, "Prevalence of Autism Spectrum Disorders in a Total Population Sample", (Prevalenza tal-ispettru tal-awtiżmu f'kampjun tal-popolazzjoni totali), The American Journal of Psychiatry, Vol. 168, Nru 9, 2011; Autism and Developmental Disabilities Monitoring Network, "Prevalence of Autism Spectrum Disorders – Autism and Developmental Disabilities Monitoring Network, 14 Sites, United States, 2008” (Prevalenza tal-ispettru tal-awtiżmu – In-network għall-Monitoraġġ tal-Awtżmu u d-Diżabilitajiet tal-Iżvilupp), Morbidity and Mortality Weekly Report: Surveillance Summaries, Vol. 61, Nru 3, 2012; Mattila et al 2011; Saemundsen, E. et al, "Prevalence of autism spectrum disorders in an Iceland birth cohort" (Prevalenza tal-ispettru tal-awtiżmu fil-koorti tat-twelid Iżlandiżi), BMJ Open, 2013; Baird, G. et al, "IQ in children with autism spectrum disorders: data from the Special needs and Autism Project (SNAP)" "IQ fi tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu: data mill-proġett dwar il-bżonnijiet speċjali u l-awtiżmu", Psychological Medicine, Vol. 41, Nru 3, 2011.
(2)Riedel, A. et al, “Well Educated Unemployment – On Education, Employment and Comorbidities in Adults with high-function Autism Spectrum Disorders in Germany” (Il-qgħad ta' persuni b'livell għoli ta' edukazzjoni – L-edukazzjoni, l-impjieg u l-komorbiditajiet f'adulti fuq l-ispettru ta' awtiżmu ta' livell għoli fil-Ġermanja), Psychiatrische Praxis, Vol. 43, Nru 1, 2016.
(3)Il-preżentazzjoni minn Autism-Europe lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew fil-5 ta' Novembru 2019, miksuba hawnhekk: https://www.autismeurope.org/wp-content/uploads/2019/11/presentation_employment_autism_final2.pptx.pdf
(4)Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021–2030 (COM(2021)0101).
(5)Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza