Mistoqsija Parlamentari - O-000020/2021Mistoqsija Parlamentari
O-000020/2021

Il-25 anniversarju tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD25) – is-Summit ta' Nairobi

Mistoqsija għal tweġiba orali  O-000020/2021
lill-Kunsill
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Evelyn Regner
f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Tomas Tobé
f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp

Proċedura : 2019/2850(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000020/2021
Testi mressqa :
O-000020/2021 (B9-0018/2021)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Mit-12 sal-14 ta' Novembru 2019, delegazzjoni konġunta ad hoc tal-Kumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u tal-Kumitat għall-Iżvilupp, attendiet is-Summit ta' Nairobi, li fakkar il-25 anniversarju tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li saret fil-Kajr. Filwaqt li s-Summit tal-Kajr wassal għal bosta kisbiet f'ħafna partijiet tad-dinja, fosthom fl-Unjoni Ewropea, għad hemm ħafna xi jsir biex jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet igawdu mir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom għall-awtonomija tal-ġisem, is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR), u biex jiġu eliminati l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru kif ukoll prattiki dannużi, żewġ objettivi li jridu jitwettqu jekk l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) għandhom jintlaħqu sal-2030.

Aktar minn 170 pajjiż ħadu sehem fis-Summit ta' Nairobi bil-għan li jitwettaq bis-sħiħ il-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD. Il-partijiet reġgħu impenjaw ruħhom li jilħqu l-SDGs rilevanti billi jipprevjenu l-imwiet materni kollha, jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' ppjanar tal-familja li għadhom ma ntlaħqux u jtemmu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-prattiki dannużi kontra n-nisa u l-bniet sal-2030, u aktar minn 1 200 impenn ġew sussegwentement meħuda madwar id-dinja. Il-gvernijiet tal-pajjiżi inklużi l-Awstrija, il-Kanada, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Iżlanda, l-Italja, in-Netherlands, in-Norveġja, l-Iżvezja u r-Renju Unit, flimkien mal-Kummissjoni, impenjaw madwar USD 1 biljun f'appoġġ.

Il-Kunsill kif se jiżgura li l-finanzjament taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss se jkun biżżejjed biex jindirizza d-diskrepanzi fil-forniment u fl-aċċess tal-SRHR bil-għan li jintlaħqu l-SDGs sal-2030? Il-Kunsill kif se jiżgura li tingħata biżżejjed attenzjoni sabiex tkun żgurata s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) u jitneħħew l-ostakli għalihom, kif ukoll biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fl-implimentazzjoni tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali?

Il-Kunsill kif se jiżgura li l-Istati Membri kollha qed iwettqu l-impenji tal-Kajr u ta' Nairobi kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE?

Il-Kunsill kif se jippromwovi l-għaqda u jiżgura li l-UE titkellem b'vuċi waħda dwar kwistjonijiet relatati mal-SRHR, partikolarment fid-dawl tad-dikjarazzjoni konġunta dwar is-Summit ta' Nairobi tal-14 ta' Novembru 2019 magħmula minn għadd ta' pajjiżi, inklużi żewġ Stati Membri tal-UE, li ppruvaw jimminaw l-għanijiet tas-summit?

Il-Kunsill x'azzjoni se jieħu jekk kwalunkwe Stat Membru jonqos milli jikkonforma mal-istandards internazzjonali dwar l-SRHR?

Imressqa: 22.3.2021

Skadenza: 23.6.2021

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Marzu 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza