Protezzjoni tal-ħamrija
22.3.2021
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000023/2021
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Pernille Weiss, Maria Arena, Martin Hojsík, Manuela Ripa, Alexandr Vondra, Idoia Villanueva Ruiz
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Il-ħamrija hija riżorsa mhux rinnovabbli vitali għall-ħajja fuq il-pjaneta. Il-ħamrija tipprovdi servizzi importanti tal-ekosistema, il-produzzjoni tal-ikel u hija faċilitatur ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-protezzjoni effettiva tal-ħamrija hija kruċjali biex jiġu indirizzati d-degradazzjoni u l-erożjoni tal-art, filwaqt li tippreserva, tipproteġi u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u r-riżorsi naturali. Il-protezzjoni tal-ħamrija tista' wkoll issaħħaħ il-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali tal-Unjoni. F'dan il-kuntest, aħna napprezzaw jekk il-Kummissjoni twieġeb għall-mistoqsijiet li ġejjin:
1. X'inhuma l-isfidi ewlenin biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-ħamrija fl-UE li tibbenefika minn approċċ komuni, filwaqt li titqies ukoll is-sjieda privata tal-art? Tista' l-Kummissjoni tagħti eżempji, inkluż billi tispjega r-raġunijiet li jirfdu l-kompetenza tal-UE f'dan ir-rigward u kwalunkwe lakuna possibbli fil-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE?
2. X'inhuma l-miżuri li l-Kummissjoni qed tipprevedi sabiex tiżgura l-użu sostenibbli tal-ħamrija u l-protezzjoni tagħha kontra theddid ewlieni, inkluż it-tnaqqis tal-bijodiversità tal-ħamrija u tal-materja organika tal-ħamrija, id-degradazzjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni? Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni ġdida dwar il-protezzjoni tal-ħamrija u l-użu sostenibbli tagħha? X'komponenti se tkun tinkludi leġiżlazzjoni bħal din? Kif se jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet reġjonali?
3. Il-Kummissjoni qed tippjana li tinkludi strumenti finanzjarji u appoġġ tekniku bħala parti mill-proposta tagħha?
4. Sa liema punt il-Kummissjoni tikkunsidra l-protezzjoni kostali li tifforma parti mill-istrateġija tagħha transsettorjali tal-ħamrija?
5. X'konklużjonijiet tislet il-Kummissjoni mit-twaqqif tal-pjattaforma web Soil Wiki?
Imressqa: 22.3.2021
Skadenza: 23.6.2021