Is-sanzjonijiet u l-istat tad-dritt fl-Istati Uniti
2.9.2021
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000057/2021
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Juan Fernando López Aguilar
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Fit-2 ta' Ġunju 2021, l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ħabbret li d-Dipartiment tat-Teżor tagħha kienet issanzjonat tliet individwi u n-networks tagħhom fil-Bulgarija għal raġunijiet ta' involviment f'korruzzjoni. L-amministrazzjoni tal-Istati Uniti temmen li l-korruzzjoni toħloq riskju għall-istat tad-dritt, għat-tkabbir ekonomiku, għall-istituzzjonijiet demokratiċi u għad-drittijiet tal-bniedem. B'mod partikolari, dawn is-sanzjonijiet jirriżultaw mill-Global Magnitsky Human Rights Accountability Act[1] Barra minn hekk, fl-istess data, tliet eks uffiċjali pubbliċi oħra ġew iddeżinjati mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti skont id-Digriet Eżekuttiv Nru 13818, li jfisser li ma jistgħux jidħlu fl-Istati Uniti[2].
Dan iqajjem mistoqsijiet profondi dwar il-konsegwenzi ta' tali sanzjonijiet tal-Istati Uniti għall-approċċi tal-UE fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Il-Grupp ta' Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament organizza laqgħat u involva ruħu fi skambji bil-miktub mal-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE, u sikwit sab li hemm nuqqas ta' urġenza biex jiġu indirizzati l-isfidi.
Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi:
- 1.Il-Kummissjoni kif tqis il-fatt li pajjiż mhux tal-UE li jitqies alleat qed jieħu azzjoni kontra l-korruzzjoni fi Stat Membru? Dan kif jibdel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-approċċ attwali tagħha, u b'mod partikolari l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet tagħha stess, s'issa, f'din il-kwistjoni?
- 2.X'azzjonijiet qed tipprevedi l-Kummissjoni għal approċċ robust għall-korruzzjoni fil-livell tal-istat? Il-Kummissjoni se tkun aktar proattiva fl-immarkar u l-azzjoni dwar il-korruzzjoni u t-theddid għall-istat tad-dritt madwar l-Istati Membri? B'mod partikolari, peress li l-Kummissjoni m'għadhiex tippubblika rapporti kontra l-korruzzjoni, se ssaħħaħ ir-rigorożità tal-monitoraġġ tal-korruzzjoni u se tasal għal konklużjonijiet u tinkludi rakkomandazzjonijiet fir-rapporti tagħha dwar l-istat tad-dritt? Kif se jassisti l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew f'dan ir-rigward? Il-Kummissjoni se tipproċedi fl-iżvilupp ta' strateġija komuni kontra l-korruzzjoni fl-UE?
Imressqa: 2.9.2021
Skadenza: 3.12.2021