Projbizzjoni tal-UE fuq l-użu ta' annimali selvaġġi fiċ-ċirkli
11.10.2021
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000064/2021
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Eleonora Evi (Verts/ALE), Günther Sidl (S&D), Sarah Wiener (Verts/ALE), Emil Radev (PPE), Martin Buschmann (NI), Maria Noichl (S&D), Manuela Ripa (Verts/ALE), Niels Fuglsang (S&D), Marina Kaljurand (S&D), Ernest Urtasun (Verts/ALE), Sirpa Pietikäinen (PPE), Aurélia Beigneux (ID), Manuel Bompard (The Left), Annika Bruna (ID), David Cormand (Verts/ALE), Pascal Durand (Renew), Virginie Joron (ID), Caroline Roose (Verts/ALE), Chrysoula Zacharopoulou (Renew), Clare Daly (The Left), Tiziana Beghin (NI), Rosa D'Amato (Verts/ALE), Petras Auštrevičius (Renew), Tilly Metz (Verts/ALE), Anja Hazekamp (The Left), Leszek Miller (S&D), Sylwia Spurek (Verts/ALE), Jadwiga Wiśniewska (ECR), Francisco Guerreiro (Verts/ALE), Tudor Ciuhodaru (S&D), Malin Björk (The Left), Martin Hojsík (Renew), Michal Wiezik (PPE), Saskia Bricmont (Verts/ALE), Róża Thun und Hohenstein (PPE), Vlad Gheorghe (Renew)
L-annimali selvaġġi fiċ-ċirkli jiġu mġiegħla jġibu ruħhom b'modi li qatt ma dehru fin-natura u għalkemm xi wħud minn dawn l-annimali ilhom jitrabbew fil-magħluq għal ħafna ġenerazzjonijiet, xorta juru l-imġiba li hi tipika għall-annimali li jinsabu fis-selvaġġ. It-trattament xieraq tal-annimali selvaġġi fiċ-ċirkli dejjem jiġi kompromess b'mod sever.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma tal-fehma li l-użu ta' annimali selvaġġi fiċ-ċirkli ma għandu l-ebda valur edukattiv jew kulturali u jista' fil-fatt ikollu impatt negattiv fuq il-perċezzjonijiet tal-pubbliku rigward l-annimali selvaġġi u fuq ir-rispett għalihom. 23 Stat Membru diġà adottaw projbizzjoni totali jew parzjali fuq l-użu tagħhom.
Il-kontrolli tas-saħħa għall-moviment tal-annimali taċ-ċirklu bejn l-Istati Membri għandhom jiġu applikati permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429. Madankollu, l-istudji juru li huwa diffiċli li jitwettqu kontrolli fir-rigward tas-saħħa, il-kummerċ u l-pussess tal-annimali selvaġġi fiċ-ċirkli. Barra minn hekk, l-użu ta' speċijiet fil-periklu jdgħajjef l-isforzi internazzjonali li jsiru biex jintemmu l-kummerċ illegali u t-traffikar u l-qtil illegali tal-annimali selvaġġi. Peress li ċ-ċirkli mhux biss ikunu qed jiċċaqalqu l-biċċa l-kbira tal-ħin, iżda wkoll jibdlu isimhom, huwa diffiċli li jiġu mmonitorjati t-twelid u l-mewt tal-annimali protetti mrobbija fil-magħluq bħat-tigri[1]. Dawn id-diffikultajiet jiffaċilitaw il-kummerċ illeċitu ta' speċijiet fil-periklu u tal-partijiet tagħhom fl-UE, ħaġa li tipperikola l-implimentazzjoni effettiva tar-regolamenti tal-UE dwar il-kummerċ tal-ispeċijiet selvaġġi inkluż ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97.
Fl-aħħar nett, l-użu ta' annimali selvaġġi fiċ-ċirkli regolarment iwassal għal inċidenti li jinvolvu lid-domaturi tal-annimali, l-impjegati taċ-ċirklu u l-pubbliku[2].
F'konformità mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, iċ-ċirkli li jivvjaġġaw huma kklassifikati bħala servizz, li l-leġiżlaturi tal-UE għandhom il-kompetenza li jirregolaw skont l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Hija l-Kummissjoni biħsiebha tintroduċi projbizzjoni fuq l-użu ta' annimali taċ-ċirklu selvaġġi fl-UE sabiex tiżgura li l-esponiment għar-riskji tal-kummerċ illegali tal-ispeċijiet selvaġġi u r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà pubblika jittaffew b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha u sabiex tassisti fl-infurzar tar-restrizzjonijiet nazzjonali għall-maġġoranza tal-Istati Membri li diġà japplikawhom?
Imressqa: 11.10.2021
Skadenza: 12.1.2022