It-tisħiħ tar-reżiljenza u l-integrità elettorali fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024
13.4.2023
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000018/2023
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Raphaël Glucksmann
f'isem il-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni, u t-Tisħiħ tal-Integrità, tat-Trasparenza u tar-Responsabbiltà fil-Parlament Ewropew
L-elezzjonijiet Ewropej se jsiru fl-2024 fl-isfond tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kunflitt globali bejn id-demokraziji tagħna u r-reġimi awtoritarji. Hekk kif l-Ewropa qed tipprepara biex tivvota, l-atturi awtoritarji qed jimmobilizzaw attakki madwar id-dinja fuq id-demokraziji b'mod ġenerali u fuq id-demokraziji Ewropej b'mod partikolari. Dawn l-atturi għandhom l-għan li jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tas-soċjetajiet miftuħa tagħna, jimminaw il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħna, jeqirdu d-dibattitu pubbliku u, fl-aħħar mill-aħħar, idgħajfu d-demokraziji tagħna. Kulħadd jinsab konxju mit-theddid bħalma huma d-diżinformazzjoni, il-kampanji ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-attakki ċibernetiċi.
- 1.Il-Kummissjoni kif qed tippjana li tuża l-għodod għad-dispożizzjoni tagħha biex tiġġieled il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni b'mod li jkun effettiv u rapidu biżżejjed biex tiggarantixxi l-integrità tal-elezzjonijiet Ewropej?
- 2.Uħud mill-proposti reċenti f'dan il-qasam se jieħdu ħafna snin biex jiġu implimentati. Il-Kummissjoni kif se tiżgura li l-inizjattivi l-ġodda, bħall-pakkett dwar id-difiża tad-demokrazija, se jkunu jistgħu jipproteġu l-integrità tal-elezzjonijiet tal-2024?
- 3.Il-Kummissjoni kif se tiżgura li l-kooperazzjoni kontinwa mal-pjattaformi online, inkluż skont il-Kodiċi ta' Prattika, twassal għal bidla minn wegħdiet pubbliċi vojta għal trasparenza konkreta u protezzjoni reali tal-integrità tal-proċess elettorali fl-Istati Membri kollha?
- 4.Il-Kummissjoni kif se tiggarantixxi livell għoli ta' ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet rilevanti kollha fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin?
- 5.Il-Kummissjoni x'azzjoni se tieħu biex tipprevjeni l-attakki ta' hacking fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024?
- 6.Il-Kummissjoni kif qed tippjana li tikkoordina mal-gvernijiet tal-Istati Membri biex tiżgura li l-elezzjonijiet Ewropej ikunu protetti sew kontra l-indħil barrani, it-theddid ibridu u d-diżinformazzjoni?
- 7.Il-Kummissjoni x'azzjonijiet qed tippjana li tieħu biex tikkontribwixxi għar-reżiljenza kkoordinata, robusta u b'mod ġenerali b'saħħitha tal-istituzzjonijiet tal-UE kontra l-indħil barrani fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej fl-2024?
Imressqa: 13.4.2023
Skadenza: 14.7.2023