Is-saħħa mentali fid-dinja tax-xogħol
22.9.2023
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000041/2023
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Dragoş Pîslaru, Estrella Durá Ferrandis, Kim Van Sparrentak, Elżbieta Rafalska, José Gusmão, Maria Walsh
f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Proċedura : 2023/2793(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :
O-000041/2023
Testi mressqa :
O-000041/2023 (B9-0030/2023)
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :
Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel. Il-pandemija aċċellerat realtajiet ġodda fid-dinja tax-xogħol. Forom ġodda ta’ xogħol maħluqa minħabba d-diġitalizzazzjoni, u anki l-intelliġenza artifiċjali (IA), affettwaw is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tal-ħaddiema, inkluża s-saħħa mentali tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq:
- 1.Abbażi tal-komunikazzjoni dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali[1], x’azzjonijiet leġiżlattivi se tieħu l-Kummissjoni biex tnaqqas il-fatturi ta’ riskju psikosoċjali ta’ ħsara fuq il-post tax-xogħol? Il-Kummissjoni se timpenja ruħha li toħloq qafas leġiżlattiv immirat speċifikament lejn il-prevenzjoni u l-indirizzar tar-riskji psikosoċjali sabiex tiġi salvagwardjata s-saħħa mentali tal-ħaddiema kollha fuq il-post tax-xogħol? Jekk is-sħab soċjali ma jilħqux ftehim, il-Kummissjoni se timpenja ruħha li tipproponi leġiżlazzjoni biex tistabbilixxi rekwiżiti minimi għat-telexogħol u tiżgura d-dritt għall-iskonnessjoni għall-ħaddiema?
- 2.Il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva leġiżlattiva dwar l-IA fuq il-post tax-xogħol biex tiżgura l-protezzjoni xierqa tad-drittijiet u l-benessri tal-ħaddiema? Il-Kummissjoni qed tippjana inizjattiva biex tipprojbixxi s-sorveljanza tal-ħaddiema?
- 3.Il-ħaddiema f’forom ta’ impjieg prekarji jew mhux standard, b’mod partikolari l-ekonomija tal-impjiegi temporanji qosra, jistgħu jkunu partikolarment esposti għal riskji psikosoċjali. Il-Kummissjoni kif se tippromwovi approċċ kollettiv li jinkludi t-trade unions u ftehimiet ta’ negozjar kollettiv robusti sabiex jiġu evitati disturbi mentali fuq il-post tax-xogħol?
- 4.Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, se taġġorna r-rakkomandazzjoni tagħha tal-2022 dwar l-iskeda Ewropea tal-mard okkupazzjonali[2] biex tinkludi kwistjonijiet ta’ saħħa mentali bħad-dipressjoni, l-eżawriment, l-ansjetà u l-istress? Il-Kummissjoni se tittrasforma din ir-rakkomandazzjoni f’direttiva li tispeċifika lista bażika ta’ mard okkupazzjonali u tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-kriterji ta’ rikonoxximent u kumpens tagħhom?
- 5.Il-Kummissjoni se tikkunsidra r-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE[3], u se tqis l-iżviluppi ġodda fis-suq tax-xogħol, ikkaratterizzati minn żieda fir-riskji psikosoċjali, postijiet tax-xogħol frammentati u bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol?
Imressqa: 22.9.2023
Skadenza: 23.12.2023
- [1] Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2023 dwar approċċ komprensiv lejn is-saħħa mentali (COM(2023)0298),
- [2] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2337 tat-28 ta’ Novembru 2022 dwar l-Iskeda Ewropea tal-mard okkupazzjonali, (ĠU L 309, 30.11.2022, p. 12)
- [3] Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).
Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Settembru 2023