Mistoqsija Parlamentari - O-000054/2023Mistoqsija Parlamentari
O-000054/2023

Awditi reċenti tal-UE li identifikaw li qed jidħol fl-UE laħam taż-żiemel Urugwajan u Arġentin b’dikjarazzjonijiet ġuramentati mhux affidabbli u bi storja mhux magħrufa tad-droga

Mistoqsija għal tweġiba orali  O-000054/2023
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Anja Hazekamp, Clare Daly, Mick Wallace, Stelios Kouloglou
f'isem il-Grupp The Left
Jadwiga Wiśniewska (ECR), Malte Gallée (Verts/ALE), Martin Buschmann (NI), Sylwia Spurek (Verts/ALE), Róża Thun und Hohenstein (Renew), Pascal Durand (S&D), Francisco Guerreiro (Verts/ALE), David Cormand (Verts/ALE)

Proċedura : 2024/2514(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000054/2023
Testi mressqa :
O-000054/2023 (B9-0004/2024)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Fl-20 u fit-23 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni ppubblikat awditi mwettqa fl-Arġentina u fl-Urugwaj dwar il-produzzjoni tal-laħam taż-żiemel maħsub għall-esportazzjoni lejn l-UE. Matul iż-żewġ spezzjonijiet, l-awdituri identifikaw li l-konformità mat-trattamenti mediċi veterinarji tal-UE u mar-rekwiżiti ta’ residenza hija kompromessa b’mod sinifikanti. L-awdituri kkonkludew li l-garanziji rigward ir-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel tal-UE huma “mhux affidabbli biżżejjed u, f’xi okkażjonijiet, foloz”. Skont l-awdituri, l-azzjonijiet li ttieħdu wara l-awditu tal-2018 ma kinux effettivi biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

Fl-Arġentina u fl-Urugwaj, huwa komuni li ż-żwiemel jingħataw mediċini bħall-fenilbutażon matul ħajjithom. Fl-Urugwaj, jaf jingħata wkoll testosteron injettabbli. Fl-UE dan kieku jwassal għall-esklużjoni definittiva tal-annimali mit-tbiċċir għall-konsum mill-bniedem. Minħabba l-kwistjonijiet persistenti ta’ traċċabbiltà identifikati, il-Kummissjoni tista’ tiggarantixxi li l-laħam taż-żiemel importat mill-Urugwaj u mill-Arġentina ma fih l-ebda traċċa ta’ drogi pprojbiti?

L-importazzjonijiet tal-laħam taż-żiemel mill-Brażil lejn l-UE ilhom sospiżi mill-2017. L-awdituri esprimew tħassib dwar il-kuntrabandu taż-żwiemel mill-Brażil għall-Urugwaj. Il-Kummissjoni taqbel li, meta ż-żwiemel Brażiljani jiddaħħlu b’kuntrabandu fl-Urugwaj, hemm riskju li l-laħam miż-żwiemel Brażiljani jispiċċa fl-UE, minħabba l-kwistjonijiet ta’ traċċabilità identifikati? Għaliex il-Kummissjoni ma ssospendietx l-importazzjonijiet tal-laħam taż-żiemel mill-Urugwaj u mill-Arġentina b’riżultat ta’ dan, peress li s-sikurezza tal-ikel ma tistax tiġi ggarantita?

Matul l-awditi uffiċjali reċenti tal-UE mħabbra minn qabel, għadd limitat biss ta’ żwiemel kienu preżenti fil-faċilitajiet Urugwajani spezzjonati. Matul awditi preċedenti fl-2020 u l-2018, l-awdituri tal-UE nnutaw ukoll kemm fl-Urugwaj kif ukoll fl-Arġentina li l-artijiet tal-mergħa tal-biċċeriji kienu vojta jew li kien hemm inqas żwiemel mis-soltu, u li dawn l-annimali kienu f’kundizzjoni tajba.

L-osservazzjonijiet mill-organizzazzjoni mhux governattiva AWF/TSB[1] qabel, matul u wara l-awditu tal-UE fl-Urugwaj jikkonfermaw, madankollu, li għad hemm kwistjonijiet serji dwar it-trattament xieraq tal-annimali, bħal nuqqasijiet relatati mal-kenn u l-għalf disponibbli, żwiemel morda b’mod kritiku u midruba li ma jirċevux kura medika u t-trattament ħażin taż-żwiemel.

Il-Kummissjoni taqbel li d-differenza fis-sejbiet bejn l-awditi tal-UE mħabbra minn qabel u l-osservazzjonijiet mhux imħabbra minn AWF/TSB tissuġġerixxi li kien hemm tentattiv mill-operaturi tal-Urugwaj biex jimmanipulaw l-awditi tal-UE, u l-Kummissjoni taqbel li l-kwistjonijiet serji dwar it-trattament xieraq tal-annimali ddokumentati minn AWF/TSB huma raġuni addizzjonali biex jiġu sospiżi minnufih l-importazzjonijiet kollha tal-laħam taż-żiemel mill-Urugwaj u l-Arġentina?

Imressqa: 28.11.2023

Skadenza: 29.2.2024

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Novembru 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza