Il-President ippreżenta l-komunikazzjoni li ġejja dwar id-deċiżjonijiet li ħa fir-rigward tas-sanzjonijiet bħala segwitu għall-inċidenti tas-sessjoni tat-12 ta' Diċembru 2007 (punt 4 tal- Minuti ta' 12.12.2007):
«Għeżież kollegi, illum nixtieq ninfurmakom dwar kif jiena ttrattajt l-inċidenti ta' l-interruzzjonijiet serji li ġraw matul is-sessjoni ċerimonjali tal-proklamazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali nhar l-Erbgħa 12 ta' Diċembru hawnhekk fi Strasburgu, inċidenti li intom kollha se tiftakru.
Wara li l-Konferenza tal-Presidenti ttrattat dawn l-inċidenti, jien, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 147 tar-Regoli ta' Proċedura, stedint numru ta' kollegi biex inkellimhom u nismagħhom qabel ma nieħu xi deċiżjoni dwar is-sanzjonijiet possibbli. Lil kull wieħed u kull waħda minn dawn il-kollegi ċċarajtilhom ir-raġuni ta' din l-istedina għal diskussjoni.
Il-bażi tas-sistema parlamentari hija l-libertà ta' l-espressjoni. L-ebda kelliem, f'Parlament demokratiku, m'għandu ma jitħalliex jitkellem minħabba għajat sistematiku minn kollegi li għandhom opinjoni differenti. Dan jgħodd ovvjament iktar fil-każ ta' kelliema li jitkellmu hawn fil-plenu bħala mistiedna u rappreżentanti ta' istituzzjonijiet oħra. Jien għamiltha ċara li stedint lill-kollegi għaliex huma, anke wara t-talba tiegħi hawnhekk fil-plenu biex ikun hemm il-kwiet, xorta baqgħu jipprovaw jinterrompu lill-kelliema fid-diskors tagħhom permezz ta' l-għajat. Is-sanzjoni mhux se tingħata minħabba li huma għollew posters u kartelluni. Hawnhekk qed nitkellmu dwar ir-restrizzjoni tal-libertà ta' l-espressjoni.
Wara li kellimt lill-kollegi kkonċernati jien iddeċidejt li nieħu l-miżuri li ġejjin skond l-Artikolu 147(3) tar-Regoli ta' Proċedura:
F'disa' każi t-tneħħija tad-dritt ta' l-allowance ta’ kuljum għal tul ta' żmien ta' bejn jumejn u ħamest ijiem, f'każ wieħed ħamest ijiem, f'sitt każi tlitt ijiem, f'żewġ każi jumejn, kif ukoll f'każ ieħor, l-għoti ta' twissija.
Bħala spjegazzjoni nixtieq naqralkom dak li jien għedt lill-kollegi fl-ittra tiegħi, l-istess ittra li biha informajthom dwar il-miżuri rispettivi. Nikkwota: "Nifhem bis-sħiħ id-dritt tiegħek u ta' kull Membru li tkunu kontra l-adozzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew kontra t-Trattat ta' Liżbona u li tesprimu din l-opinjoni skond ir-regoli stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura.
Nifhem ukoll l-emozzjonijiet kbar li xi kultant iqanqlu temi bħal dawn. Madankollu, jien tal-fehma li wieħed irid jaqta' linja bejn imġiba leġittima fil-qafas tar-Regoli ta' Proċedura u t-tfixkil tat-tip li seħħ fit-12 ta' Diċembru. Aħna ma nistgħu nippermettu l-ebda azzjoni li twassal biex ma tħallix Membri oħra jew mistiedna uffiċjali – f'dan il-każ lill-Presidenti ta' Istituzzjonijiet oħra ta' l-Unjoni Ewropea – jitkellmu b'dinjità u bla interruzzjonijiet maħsuba wara li dawn iqumu jitkellmu skond l-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta' Proċedura, jiġifieri fil-qafas ta' l-aġenda deċiża mill-Parlament stess. Il-qalba proprja tas-sistema parlamentari u tad-demokrazija hi li l-libertà ta' l-espressjoni tirrispetta wkoll id-dritt ta' l-oħrajn, f'dan il-każ ta' dawk li qamu jitkellmu fil-plenu."
Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 147 tar-Regoli ta' Proċedura l-għaxar uffiċjali kkonċernati f'dan l-inċident ġew infurmati bid-deċiżjoni li tikkonċernahom. It-telf tad-dritt ta' l-allowance ta’ kuljum jikkonċerna lil:
Jim Allister għal tlitt ijiem, Godfrey Blum għal jumejn, Sylwester Chruszcz għal jumejn, Paul Marie Coûteaux għal ħamest ijiem, Maciej Marian Giertych għal tlitt ijiem, Roger Helmer għal tlitt ijiem, Roger Knapman għal tlitt ijiem, Hans-Peter Martin għal tlitt ijiem, kif ukoll Philippe de Villiers għal tlitt ijiem.
L-għoti ta' twissija tikkonċerna lil Vladimir Železný.
Barra minn dan, ir-rappreżentanti ta' l-organi, tad-delegazzjonijiet u tal-kumitati li jappartjenu għalihom dawn il-Membri ġew infurmati.
Fi tliet każi qgħadt lura mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 147 għaliex, wara l-konverżazzjoni mal-persuni kkonċernati, wasalt għall-konklużjoni li l-kollegi ma ħadux sehem fl-azzjoni.
Għeżież kollegi, din hija d-deċiżjoni tiegħi. Jien ħassejtni fid-dover li ninforma lilkom ukoll b'din id-deċiżjoni b'mod uffiċjali bis-sħiħ u pubbliku sabiex il-Parlament ikun infurmat dwar dak li jien kelli nagħmel. Nispera li inċidenti bħal dawk li ġraw nhar it-12 ta' Diċembru 2007 hawn fil-Parlament Ewropew ma jirrepetux ruħhom.»