Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Minuti
It-Tnejn, 19 ta' Mejju 2008 - Strasburgu

4. Kompożizzjoni tal-Parlament

Permezz ta' ittra tad-9 ta' Mejju 2008, José Manuel Barroso (President tal-Kummissjoni) avża lill-President tal-Parlament Ewropew lil l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ħatar lil Antonio Tajani bħala Membru tal-Kummissjoni minflok Franco Frattini.

Il-President tal-Kummissjoni għandu l-intenzjoni li jagħti lil Antonio Tajani il-portafoll tat-trasport.

Il-Parlament ikkostata li, bi qbil ma' l-Artikolu 7(1) ta' l-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'votazzjoni univerali diretta, din il-kariga hija inkompatibbli ma' dik ta' Membru Ewropew u, għalhekk, Antonio Tajani jinsab f'sitwazzjoni ta' inkompatibilità ta' mandat mid-9 ta' Mejju 2008, data tal-ħatra tiegħu mill-Kunsill bħala Membru tal-Kummissjoni.

Minħabba l-fatt li l-Parlament Ewropew, b'applikazzjoni tal-paragrafu 4 tal-Ftehima Qafas bejn il-Parlament u l-Kummissjoni u kif ukoll ta' l-Artikolu 99 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, għad irid jiddeċiedi dwar in-nomina ta' Antonio Tajani bħala Membru tal-Kummissjoni, il-President ippropona li l-kostatazzjoni li s-siġġu tbattal tiġi posposta sa meta ssir il-votazzjoni waqt il-plenarja. Madankollu, minħabba l-inkompatibilità tal-mandat tiegħu mid-9 ta' Mejju 2008, Antonio Tajani ma jistax jieħu aktar sehem fil-ħidmiet tal-Parlament Ewropew u l-entitajiet tiegħu.

°
° ° °

L-awtoritajiet Taljani kompetenti kkomunikaw il-ħatriet li ġejjin għall-Parlament Ewropew:
- Giacomo Santini minflok Renato Brunetta,
- Matteo Salvini minflok Umberto Bossi,
- Iva Zanicchi minflok Mario Mantovani,
- Fabio Ciani minflok Luciana Sbarbati,
- Catiuscia Marini minflok Lapo Pistelli,
- Giuseppe Bova minflok Alfonso Andria,
- Edmondo Cirielli minflok Adriana Poli Bortone,
- Roberto Fiore minflok Alessandra Mussolini.

Iva Zanicchi, Fabio Ciani, Catiuscia Marini, Giuseppe Bova u Roberto Fiore, inħatru bħala Membri tal-Parlament b'seħħ mis-16 ta' Mejju 2008.

Bi qbil ma' l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta' Proċedura, peress li l-kredenzjali tagħhom ma ġewx ivverifikati u lanqas ma ttieħdet deċiżjoni dwar xi kontestazzjoni eventwali, Iva Zanicchi, Fabio Ciani, Catiuscia Marini, Giuseppe Bova u Roberto Fiore ħadu posthom fil-Parlament u fl-organi tiegħu waqt li jgawdu kompletament mid-drittijiet tagħhom, bil-kundizzjoni li jkunu għamlu minn qabel id-dikjarazzjoni li ma jwettqu l-ebda funzjoni li hi inkompatibbli ma' dik ta' Membru tal-Parlament Ewropew.

Għal dak li jirrigwarda lil Giacomo Santini, Matteo Salvini u Edmondo Cirielli, min-naħa l-oħra, ġie kkostatat li ma jistgħux jieħdu posthom fil-Parlament Ewropew, peress li huma attwalment Membri tal-Parlament Taljan, kariga li hi inkompatibbli mal-mandat tal-Membru Ewropew, bi qbil ma' l-Artikolu 7(2) ta' l-Att ta' l-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'votazzjoni univerali diretta. B'konsegwenza ta' dan, is-siġġijiet tagħhom jibqgħu battala.

°
° ° °

L-awtoritajiet Franċiżi kompetenti kienu avżaw bil-ħatra ta' Catherine Boursier minflok Adeline Hazan bħala Membru tal-Parlament, b'seħħ mid-data 18.05.2008.

Skond l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta' Proċedura, peress li l-kredenzjali tagħha għadhom ma ġewx ivverifikati jew lanqas għadha ma ttieħdet deċiżjoni dwar xi kontestazzjoni eventwali, Catherine Boursier ħadet postha fil-Parlament u fl-organi tiegħu u tgawdi mid-drittijiet kollha tagħha, bil-kundizzjoni li qabel iffirmat dikjarazzjoni li ma twettaq l-ebda funzjoni li mhix kompatibbli ma' dik ta' Membru tal-Parlament Ewropew.

Avviż legali - Politika tal-privatezza