Il-President ħabbar li rċieva, bi qbil ma' l-Artikolu 149 tar-Regoli ta' Proċedura, talba għal kworum iffirmata minn 40 Membru, talba dwar it-tliet votazzjonijiet ta' wara nofsinhar tal-lum. Huwa ħabbar, wara li rrefera għal paragrafu 4, ta' dan l-Artikolu, li l-applikanti m'humiex preżenti. Huwa għalhekk jiddubita l-ammissibilità ta' talba bħal din imressqa bil-miktub waqt li l-protagonisti huma assenti.
Tkellmu: biex jippreċiżaw li l-pożizzjoni tagħhom dwar dan il-paragrafu tar-Regoli ta' ProċeduraJo Leinen, President tal-Kumitat AFCO, Bernd Posselt, Pierre Pribetich, Sarah Ludford, José Ribeiro e Castro, Ewa Tomaszewska, Esko Seppänen, Marios Matsakis, Zdzisław Zbigniew Podkański, Neena Gill, Jo Leinen u Bernd Posselt dwar dan l-aħħar intervent.
Il-President, wara li sema' l-opinjonijiet differenti, indika li huwa intenzjonat li jżomm mal-valur ta' ġurisprudenza parlamentari preċedenti dwar il-kworum u jipproċedi kif imiss sakemm il-kumitat AFCO, li huwa rrefera l-kwistjoni, jagħti l-interpretazzjoni tiegħu:
- id-dibattitu se jseħħ kif previst;
- għall-votazzjoni huwa se jikkonsulta lill-Assemblea biex jiddetermina jekk mill-inqas 40 Membru appoġġjaw it-talba għal kworum. Jekk dan iseħħ, il-votazzjoni ma sseħħx u l-mozzjonijiet għal rizoluzzjoni proposti jaqgħu (l-Artikolu 115, paragrafu 6 tar-Regoli ta' Proċedura); fil-każ kuntrarju, it-talba ma tinżammx u l-votazzjonijiet iseħħu normalment.