Rapport dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regoli applikabbli għal ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej [COM(2008)0786 - C6-0449/2008 - 2008/0224(CNS)] - Kumitat għall-Affarijiet Legali. Rapporteur: Giuseppe Gargani (A6-0483/2008)
(Maġġoranza sempliċi meħtieġa)
(Riżultat tal-votazzjoni: Anness "Riżultat tal-Votazzjonijiet", Punt 21)
Giuseppe Gargani (rapporteur) preżenta xi emendi orali mal-emendi 62, 65 u 75, li ġew aċċettati.
Qabel il-votazzjoni finali Giuseppe Gargani talab lill-Kumissjoni biex tippreċiża l-pożizzjoni tagħha, Margot Wallström (Viċi President tal-Kummissjoni) għamlet dan.
Wara l-votazzjoni finali, Giuseppe Gargani qara d-dikjarazzjoni politika li ġejja:
«Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja, jaqblu li t-tranżizzjoni lejn l-arranġamenti l-ġodda għall-assistenti parlamentari akkreditati, fiha nnifisha mhux se twassal għal ebda żieda fl-approprjazzjonijiet allokati fit-taqsima tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea relatata mal-Parlament Ewropew u li huma maħsuba biex ikopru l-assistenza parlamentari. Dan jista' jingħad meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet korrispondenti tal-baġit għall-2008 mingħajr l-indiċi tal-għoli tal-ħajja.
Il-Parlament Ewropew jiġbed l-attenzjoni għall-Artikolu 69(2) tal-Miżuri ta’ applikazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, adottati mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fis-17 ta' Lulju 2008, li jistipula li l-ammont ta’ flus maħruġa għall-ħlas tal-assistenti parlamentari kollha jista’ jiġi aġġustat ta’ kull sena għall-għoli tal-ħajja mill-Bureau tal-Parlament.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirrikonoxxu li fil-każ li l-Kummissjoni trid tipproponi, skont l-Artikolu 96(11) l-iskema applikabbli għall-aġenti oħrajn, adattament tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta' assigurazzjoni kontra l-qgħad minħabba l-integrazzjoni tal-assistenti parlamentari akkreditati fl-iskema msemmija, il-kontribuzzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu ffinanzjati skont it-titolu ta' taqsima xierqa tal-baġit u mħallsa skont il-krediti globali mwettqa fit-taqsima tal-baġit relatata mal-Parlament Ewropew.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiġbdu l-attenzjoni, fost l-oħrajn, li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 248(4) talt-Trattat KE, il-Qorti tal-Awdituri, meta trid tista’ tissottometti osservazzjonijiet, b’mod partikulari f’forma ta’ rapporti speċjali, dwar kwistjonijiet speċifiċi u tagħti opinjonijiet fuq talba ta’ waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunità.
Il-Parlament Ewropew jimpenja ruħu li jikkonsulta entità ġejjiena mwaqqfa biex tirrappreżenta lill-assistenti parlamentari akkreditati dwar kwalunkwe bidla li tista’ ssir fid-deċiżjoni interna li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 125(1) tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej.»