Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Minuti
It-Tnejn, 12 ta' Settembru 2011 - Strasburgu

4. Interpretazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura

Il-President informa lill-Parlament, skont l-Artikolu 211(3) tar-Regoli ta' Proċedura, dwar l-interpretazzjonijiet li ġejjin tal-Artikoli 51 u 192 tar-Regoli ta' Proċedura, mogħtija mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali li ġie interpellat dwar l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura:

"Dan l-Artikolu jista' jiġi applikat għall-proċedura li twassal għal rakkomandazzjoni għall-approvazzjoni jew għaċ-ċħid tal-konklużjoni ta' ftehima internazzjonali skont l-Artikoli 90(5) u 81(1) kemm-il darba jitwettqu l-kundizzjonijiet fih stipulati."

Interpretazzjoni tal-Artikolu 192 tar-Regoli ta' Proċedura:

"Il-Membri Mhux Affiljati ma jikkostitwixxux grupp politiku skont l-Artikolu 30 u, għaldaqstant, ma jistgħux jinnominaw koordinaturi, li huma l-uniċi Membri li jistgħu jipparteċipaw bi dritt fil-laqgħat tal-koordinaturi.

Il-laqgħat tal-koordinaturi huma maħsuba biex iħejju d-deċiżjonijiet ta’ kumitat u ma jistgħux jissostitwixxu l-laqgħat ta’ kumitat, ħlief b’delega espliċita. Minħabba dan, id-deċiżjonijiet meħuda fil-laqgħa tal-koordinaturi għandhom jiġu soġġetti għal delega ex ante. Fin-nuqqas ta’ din id-delega, il-koordinaturi jistgħu jadottaw biss rakkomandazzjonijiet li jeħtieġu approvazzjoni formali ex post mill-kumitat.

Fi kwalunkwe każ, id-dritt għall-aċċess għat-tagħrif tal-Membri Mhux Affiljati għandu jiġi garantit, f’konformità mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, permezz tat-trażmissjoni tat-tagħrif u tal-preżenza ta’ membru tas-Segretarjat tal-Membri Mhux Affiljati fil-laqgħat tal-koordinaturi."

Jekk ma ssirx oġġezzjoni għal dawn l-interpretazzjonijiet minn xi grupp politiku jew minn mill-inqas 40 Membru tal-Parlament (Artikolu 211(4), tar-Regoli ta' Proċedura), qabel l-adozzjoni tal-Minuti ta' din is-seduta, se jitqiesu bħala adottati. F'każ kuntrarju, se jitressqu għall-votazzjoni tal-Parlament.

Avviż legali - Politika tal-privatezza