Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Minuti
It-Tnejn, 1 ta' Lulju 2013 - Strasburgu

14. Ordni tal-ħidma
CRE

Il-punt li jmiss kien l-ordni tal-ħidma.

L-abbozz definittiv tal-aġenda għas-seduti plenarji ta' Lulju 2013 (PE 514.511/PDOJ) tqassam u ġew proposti l-bidliet li ġejjin (Artikolu 140 tar-Regoli ta' Proċedura):

It-Tnejn

Ma ġiet proposta l-ebda bidla.

It-Tlieta

Il-President ippropona li jipposponi għat-Tlieta l-votazzjoni dwar ir-rapport Dagmar Roth-Behrendt (A7-0156/2012) dwar ir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-UE (punt 150 tal-Abbozz tal-Aġenda)

Il-Parlament qabel ma' din il-proposta.

°
° ° °

Talba tal-Grupp PPE biex tiddaħħal fl-aġenda dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Bulgarija (mingħajr tressiq ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjoni)

Interventi ta': Manfred Weber f'isem il-Grupp PPE, li għamel il-mistoqsija, Mariya Gabriel, li appoġġjatha, u Hannes Swoboda, li oppona li dan id-dibattitu jiddaħħal fl-aġenda qabel ma l-Kumitat LIBE jkollu l-ħin jipproċedi għas-smigħ previst.

Il-Parlament approva t-talba tal-Grupp PPE.

L-Erbgħa

Talba tal-gruppi S&D u ALDE biex tiddaħħal fl-aġenda dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu, segwita minn ħin mogħti għal taħdita minn gruppi politiċi (f'każ ta' approvazzjoni ta' din it-talba, id-dibattitu rigward ir-rapport Gilles Pargneaux (A7-0337/2012) dwar it-Theddid serju transkonfinali għas-saħħa se jitressaq għat-Tlieta filgħaxija).

Interventi ta': Daniel Cohn-Bendit f'isem il-Grupp Verts/ALE, li appoġġja t-talba u ppropona li d-dibattitu jingħalaq bit-tressiq ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjoni.

Il-Parlament approva din t-talba.

Id-dibattitu rigward ir-rapport Gilles Pargneaux ġie pospost għat-Tlieta filgħaxija.

Intervent ta': Guy Verhofstadt, biex jitlob li l-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso jkun preżenti waqt id-dibattitu dwar Il-programmi ta' sorveljanza tal-ANS tal-Istati Uniti, l-involviment tal-kumpaniji tal-IT, is-servizzi tal-intelligence nazzjonali u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE (punt 138 tal-Abbozz tal-Aġenda) (Il-President wieġbu li se jittrażmetti din it-talba).

Intervent ta': Nikolaos Chountis, biex jitlob li d-dibattitu dwar L-għeluq tal-kumpanija nazzjonali tax-xandir tal-Greċja (punt 144 tal-Abbozz tal-Aġenda) jingħalaq bit-tressiq ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjoni (Il-President wieġbu li ebda talba f'dan ir-rigward ma tressqet mill-gruppi politiċi).

Intervent ta': Matthias Groote biex iqajjem il-kwistjoni tal-aċċess tal-gruppi ta' interess fil-bini tal-Parlament (Il-President wieġbu li l-kwistjoni se tiġi eżaminata).

Interventi ta': Cristian Dan Preda, biex imur lura għad-deċiżjoni li jingħalaq id-dibattitu dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu bit-tressiq ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjoni, u indika li t-tressiq ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjoni huwa diġà previst fil-qafas tad-dibattitu dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-Eġittu maħsub għall-Ħamis waranofsinhar (punt 148 tal-Abbozz tal-Aġenda), Daniel Cohn-Bendit li ddefenda d-deċiżjoni li kienet għadha kemm ittieħdet (Il-President fakkar lil Cristian Dan Preda li l-aġenda ġiet stabbilita), Cristian Dan Preda biex jitlob li għalhekk il-Parlament jiddeċiedi rigward l-opportunità li ssir votazzjoni l-Ħamis dwar it-tieni riżoluzzjoni dwar l-Eġittu (Il-President ipproponilu li jressaq it-talba tiegħu matul il-ftuħ tas-seduta tal-għada) u Daniel Cohn-Bendit.

Il-Ħamis

Ma ġiet proposta l-ebda bidla.

°
° ° °

L-ordni tal-ħidma b'hekk ġie ffinalizzat.

Avviż legali - Politika tal-privatezza