Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Minuti
L-Erbgħa, 27 ta' April 2016 - Brussell

15. Ordni tal-ħidma
CRE

L-abbozz definittiv tal-aġenda għas-seduti plenarji ta' April II (PE 581.425/PDOJ) tqassam u ġew proposti l-bidliet li ġejjin (Artikolu 152 tar-Regoli ta' Proċedura):

L-Erbgħa

Talba tal-Grupp S&D biex fl-aġenda jiddaħħal dibattitu dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina, li għandu jiġi konkluż bit-tressiq ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li se jitqiegħdu għall-vot matul is-sessjoni parzjali ta' Mejju I.

Interventi ta' Gianni Pittella f'isem il-Grupp S&D, li ġġustifika t-talba, David Borrelli f'isem il-Grupp EFDD, li ssieħeb fit-talba, Daniel Caspary, li opponiha, Philippe Lamberts, biex jipproponi li d-dibattitu u l-votazzjoni jsiru matul is-sessjoni parzjali ta' Mejju I, Gianni Pittella u David Borrelli biex jissieħbu ma' din il-proposta, u Manfred Weber biex jitlob li l-kwistjoni tiġi rriferuta lill-Konferenza tal-Presidenti (il-President stieden lill-Membri jitolbuh jagħmel rakkomandazzjoni lill-Konferenza tal-Presidenti meta tkun qed tiġi stabbilita l-aġenda li jmiss).

Talba tal-Grupp S&D biex fl-aġenda jiddaħħal dibattitu dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali.

Interventi ta' Enrique Guerrero Salom f'isem il-Grupp S&D, li ġġustifika t-talba, Malin Björk, favur it-talba, Ryszard Antoni Legutko, kontra t-talba, Sophia in 't Veld biex titlob li d-dibattitu jsiru matul is-sessjoni parzjali li jmiss jew mhux aktar tard minn dik ta' Ġunju, u Esteban González Pons, biex jopponi l-organizzazzjoni ta' dibattitu ġdid qabel il-Kummissjoni tkun ikkomunikat bidliet fis-sitwazzjoni fil-Polonja (peress li Enrique Guerrero Salom ta l-kunsens tiegħu għall-proposta ta' Sophia in 't Veld, il-President indika li se ssir talba f'dan ir-rigward waqt il-Konferenza tal-Presidenti li jmiss).

Il-Ħamis

Bi qbil mal-gruppi politiċi, il-President ippropona li fil-ħin tal-votazzjonijiet jiġu inklużi r-Rapport Lebreton dwar it-tneħħija tal-immunità ta' Bolesław G. Piecha (A8-0152/2016) u t-talba tal-Kumitat EMPL biex jiġi kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fir-rigward tal-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali, b'segwitu għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2016)0127 tat-8 ta' Marzu 2016.

Il-Parlament qabel mal-proposta.

L-ordni tal-ħidma b'hekk ġie ffinalizzat.

Intervent ta' Fabio Massimo Castaldo, abbażi tal-Artikoli 22 u 141 tar-Regoli ta' Proċedura, biex jitlob li l-Parlament iressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex jitħassar il-ftehim tad-19 ta' Marzu 2016 bejn l-UE u t-Turkija (il-President ħa nota tagħha).

Avviż legali - Politika tal-privatezza