Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Minuti
It-Tnejn, 4 ta' Lulju 2016 - Strasburgu

12. Ordni tal-ħidma
Rapporti Verbatim

L-abbozz definittiv tal-aġenda għas-seduti plenarji ta' ta' Lulju 2016 (PE 585.204/PDOJ) tqassam u ġew proposti l-bidliet li ġejjin (Artikolu 152 tar-Regoli ta' Proċedura):

It-Tnejn

Ma ġiet proposta l-ebda bidla.

It-Tlieta

— Il-President informa li l-votazzjoni dwar ir-rapport Igor Šoltes dwar il-"Ħatra ta' membru tal-Qorti tal-Awdituri - Leo Brincat" (punt 61 tal-PDOJ) irid ikun pospost minħabba l-fatt li s-smigħ tal-kandidat ma sarx. Konsegwentement, jittawwal it-terminu ta' xahrejn previsti mill-Artikolu 121(3) tar-Regoli ta' Proċedura.

— Talba mill-Gruppi GUE/NGL u S&D biex jiddaħħal, bħala l-ewwel punt fl-aġenda ta' waranofsinhar, dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-"Iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea", magħluq permezz tat-tressiq ta' mozzjoni għal riżoluzzjoni li tkun ġiet sottoposta għall-votazzjoni nhar l-Erbgħa.

Interventi ta': Barbara Spinelli f'isem il-Grupp GUE/NGL, li ġġustifikat it-talba, Enrique Guerrero Salom, favur it-talba, Ryszard Czarnecki, kontra t-talba, Guy Verhofstadt f'isem il-Grupp ALDE, li ppropona li d-dibattitu u l-votazzjoni jsiru fis-sessjoni parzjali ta' Settembru, Rebecca Harms u Manfred Weber biex tissekonda t-talba ta' dan tal-aħħar.

B'VSI (116 favur, 169 kontra, 70 astensjoni), il-Parlament irrifjuta t-talba inizjali.

B'VE (276 favur, 52 kontra, 18-il astensjoni), il-Parlament approva t-talba tal-Grupp ALDE.

L-Erbgħa

— Talba tal-Grupp S&D biex jiddaħħal, bħala t-tieni punt fl-aġenda ta' waranofsinhar, dibattitu dwar id-Dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-"Inizjattivi ġodda marbuta mal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani".

Interventi ta': Enrique Guerrero Salom f'isem il-Grupp S&D, li ġġustifika t-talba, u Neoklis Sylikiotis, favur it-talba.

B'VE (174 favur, 136 kontra, 17-il astensjoni), il-Parlament approva t-talba.

Il-Ħamis

— It-talba tal-Grupp PPE biex jissostitwixxi d-dibattitu dwar il-"Bahrain" (punt 90 tal-PDOJ) b'dibattitu dwar l-"Attakki terroristiċi fil-Bangladesh" ġiet irtirata (punt 4 tal-Minuti ta' 4.7.2016). Il-Parlament qabel ma' tali rtirar.

L-ordni tal-ħidma b'hekk ġie ffinalizzat.

Avviż legali - Politika tal-privatezza