Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Minuti
It-Tnejn, 12 ta' Settembru 2016 - Strasburgu

17. Ordni tal-ħidma
Rapporti Verbatim

L-abbozz definittiv tal-aġenda għas-seduti plenarji ta' Settembru 2016 (PE 587.335/PDOJ) tqassam u ġew proposti l-bidliet li ġejjin (Artikolu 152 tar-Regoli ta' Proċedura):

It-Tnejn, it-Tlieta

Ma ġiet proposta l-ebda bidla.

L-Erbgħa

—    Talba mill-Grupp ECR biex, bħala l-ewwel punt ta' waranofsinhar, jiddaħħal dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar "It-tħejjija tan-negozjati wara li l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jkun ġie invokat minn Stat Membru", segwit bit-tressiq ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjoni.

Interventi ta' Sander Loones f'isem il-Grupp ECR, li ġġustifika t-talba, Paul Nuttall, favur it-talba, u Esteban González Pons, kontra t-talba.

B'VSI (49 favur, 245 kontra, 38 astensjonijiet), il-Parlament irrifjuta t-talba.

—    Talba mill-Grupp S&D biex, bħala l-ewwel punt ta' waranofsinhar, jiddaħħal dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar "Il-ħtieġa ta' riindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-kwistjonijiet reċenti Caterpillar u Alstom", segwit bit-tressiq ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li jitqiegħdu għall-vot fis-sessjoni parzjali ta' Ottubru I. Għaldaqstant is-seduta kieku tiġi estiża sa nofsillejl.

°
° ° °

Intervent ta' Notis Marias biex javża li l-apparat tal-votazzjoni tiegħu ma ħadimx matul il-votazzjoni preċedenti u li kellu l-intenzjoni li jivvota favur.

°
° ° °

Interventi ta' Gianni Pittella f'isem il-Grupp S&D, li ġġustifika t-talba, Bart Staes, favur it-talba, u David Casa, kontra t-talba.

Intervent ta' Manfred Weber f'isem il-Grupp PPE, li indika li l-Grupp tiegħu qed jitlob li ssir votazzjoni separata dwar it-talba għal dibattitu, minn naħa, u t-talba għat-tressiq tal-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni, min-naħa l-oħra.

B'VE (222 favur, 99 kontra, 12 astensjonijiet), il-Parlament adotta t-talba tal-Grupp S&D.

Il-President ikkomunika li l-Kunsill għarraf li ma setax jiggarantixxi l-preżenza tiegħu fid-dibattiti ta' nhar l-Erbgħa waranofsinhar u stieden lill-Kunsill isib iċ-ċans biex jattendi.

Il-Ħamis

Talba mill-Grupp GUE/NGL biex id-dibattitu dwar Skemi ta' introjtu minimu fl-UE (punt 89, PDOJ) ta' waranofsinhar jiġi mċaqlaq għal filgħod, u biex jiddaħħal bħala l-ewwel dibattitu tal-ġurnata, u, għaldaqstant, biex is-seduta tiġi tibda fit-8:00 a.m.

Interventi ta' Paloma López Bermejo f'isem il-Grupp GUE/NGL, li ġġustifikat it-talba, Neoklis Sylikiotis, favur it-talba, u David Casa, kontra t-talba.

B'VE (155 favur, 134 kontra, 39 astensjoni), il-Parlament approva t-talba.

Dibattitu dwar il-mistoqsija għal tweġiba orali O-000102/2016 tal-Kumitat CULT qed jiddaħħal fl-aġenda ta' waranofsinhar.

L-ordni tal-ħidma b'hekk ġie ffinalizzat.

Intervent ta': Franz Obermayr fl-okkażjoni tat-333 anniversarju minn meta ngħelbu l-armati Ottomani fi Vjenna.

Avviż legali - Politika tal-privatezza