Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Minuti
It-Tnejn, 3 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu

12. Ordni tal-ħidma
CRE

L-abbozz definittiv tal-aġenda għas-seduti plenarji ta' Ottubru I 2016 (PE 589.867/PDOJ) tqassam u ġew proposti l-bidliet li ġejjin (Artikolu 152 tar-Regoli ta' Proċedura):

°
° ° °

Interventi ta': Cécile Kashetu Kyenge, dwar id-destin tal-migranti nawfragati 'l barra minn Lampedusa u tal-persuni li salvawhom, u Cornelia Ernst.

°
° ° °

It-Tnejn

Bi qbil mal-gruppi politiċi, il-President ippropona li l-preżentazzjoni qasira tar-rapport Thomas dwar Kif narmonizzaw il-kontrolli fuq is-sajd fl-Ewropa (A8-0234/2016) (punt 26 tal-PDOJ) tiġi posposta għall-perjodu ta' sessjoni ta' Ottubru II.

Il-Parlament approva l-proposta.

It-Tlieta

Soġġett għall-adozzjoni tiegħu llum fil-Kumitat ENVI, ir-rakkomandazzjoni La Via dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima se jiġi inkluż fil-ħin tal-votazzjonijiet.

Il-Parlament approva din il-proposta.

Il-President fakkar li s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon se jkun preżenti fil-ħin tal-votazzjoni dwar ir-rakkomandazzjoni La Via. Hu se jindirizza fil-qosor lill-plenarja f'12.00, u warajh se jintervjenu l-gruppi politiċi.

F'każ ta' vot pożittiv, l-ittra ta' trażmissjoni lill-Kunsill se tiġi inizjalata fil-preżenza ta' Ban Ki-moon, ta' Jean-Claude Juncker (President tal-Kummissjoni), ta' Miguel Arias Cañete (Membru tal-Kummissjoni), ta' Karmenu Vella (Membru tal-Kummissjoni), tal-President fil-kariga tal-Kunsill u ta' Ségolène Royal, Ministru Franċiż għall-Ambjent u President tal-COP21.

L-Erbgħa

Talba tal-Grupp ECR biex jiġi rtirat mill-aġenda d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tan-nisa fil-Polonja (punt 86 tal-PDOJ), previst bħala r-raba' punt ta' waranofsinhar.

Interventi ta': Ryszard Antoni Legutko, f'isem il-Grupp ECR li ġġustifika t-talba, Jadwiga Wiśniewska, favur it-talba, u Malin Björk, kontra t-talba.

Il-Parlament irrifjuta t-talba.

Id-dibattitu dwar id-drittijiet tan-nisa fil-Polonja għalhekk jinżamm fl-aġenda.

Interventi ta': Marek Jurek u Anna Elżbieta Fotyga.

Talba tal-Grupp GUE/NGL biex tiġi inkluża fl-aġenda dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: kampanja tar-referendum u aspetti tal-leġiżlazzjoni Ewropea u internazzjonali dwar l-asil, bħala l-ħames punt ta' waranofsinhar, wara d-dibattitu dwar id-drittijiet tan-nisa fil-Polonja.

Interventi ta': Marie-Christine Vergiat, f'isem il-Grupp GUE/NGL, li ġġustifikat it-talba, Philippe Lamberts, favur it-talba, u Enrique Guerrero Salom, kontra t-talba.

B'sejħa tal-ismijiet, (101 favur, 181 kontra, 11-il astensjoni) il-Parlament irrifjutta t-talba.

Il-Ħamis

Ma ġiet proposta l-ebda bidla.

L-ordni tal-ħidma b'hekk ġie ffinalizzat.

Avviż legali - Politika tal-privatezza