Il-President għamel dikjarazzjoni fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Familja. Issottolinja li l-Parlament dejjem stinka favur rikonċiljazzjoni aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja u se jibqa' jagħmel dan.
° ° ° °
Interventi ta':
— Peter Lundgren dwar il-parteċipazzjoni ta' Marita Ulvskog f'dimostrazzjoni quddiem l-Emiċiklu fi Brussell;
— Rosa D'Amato dwar l-imblukkar fil-Kunsill ta' deċiżjoni dwar l-għajnuna lir-reġjuni Taljani milquta mit-terremoti (il-President fakkarha fil-pożizzjoni tal-Parlament);
— James Carver dwar l-intervent tiegħu rigward id-diskors ta' Konstantinos Papadakis dwar Iżrael (punt 15 tal-Minuti ta' 14.2.2017) u staqsa għalfejn il-Bureau ma ħax pożizzjoni (il-President wieġbu illi jqis li m'għandux jiċċensura d-dibattitu politiku diment li dan jirrispetta l-valuri tal-Unjoni u li d-diskors li jsir ma jonqos mir-rispett lejn ħadd);
— Lefteris Christoforou dwar it-tensjonijiet ikkawżati mit-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran.