Il-President fakkar iċ-ċentinarju tat-twelid ta' Nelson Mandela, rebbieħ tal-Premju Sakharov fl-1988 u l-inkarnazzjoni tal-prinċipji tal-libertà, l-ugwaljanza, il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni, valuri li huma proprju fil-qalba tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament. B'kooperazzjoni mal-Missjoni tal-Afrika t'Isfel fi Brussell, il-Parlament se jipparteċipa fiċ-ċelebrazzjonijiet billi jorganizza kunċert ad unur Nelson Mandela fl-ispazju Yehudi Menuhin. Il-President ikkomunika wkoll li waqt il-perjodu tas-sessjoni ta' Settembru, hu se jilqa' fi Strasburgu lil Graça Machel, l-armla ta' Nelson Mandela.
° ° ° °
Il-President għamel dikjarazzjoni biex jesprimi t-tħassib profond tal-Parlament rigward l-attakki ripetuti kontra l-komunità Rom fl-Ukrajna, li l-aħħar wieħed minnhom ħalla persuna mejta u erbgħa midruba. Il-President esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-vittma, awgura fejqan ta' malajr lil dawk midruba u ddikjara li l-Parlament se jkompli jżomm ruħu infurmat mill-awtoritajiet Ukreni dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni.