Il-President esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi tal-aċċident tal-Boeing 737 fi triqtu minn Addis Ababa għal Nairobi, li ġġarraf ilbieraħ, il-Ħadd, 10 ta' Marzu 2019.
Hu fakkar fl-attakk terroristiku tal-11 ta' Marzu 2004 fl-istazzjon tal-ferrovija ta' Atocha f'Madrid, li qatel 192 persuna. F'dan ir-rigward, hu fakkar li d-data tal-11 ta' Marzu ntgħażlet mill-Unjoni Ewropea bħala data simbolika ta' kommemorazzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu.
Hu għamel dikjarazzjoni fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju tal-annessjoni tal-Krimea mar-Russja, miżura li ġiet ikkundannata diversi drabi mill-Parlament bħala ksur tad-dritt internazzjonali. F'dan ir-rigward, hu fakkar l-impenn tal-Parlament favur l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.
Fl-aħħar nett, hu semma s-sitwazzjoni fil-Venezwela, fejn ċerti żoni ilhom diversi ġranet mingħajr elettriku, b'konsegwenzi serji b'mod partikolari fuq is-saħħa pubblika.