1. Ftuħ tas-seduta (l-ewwel seduta tal-Parlement li għadu kemm ġie elett)
Ħin tal-ftuħ tas-seduta: 10.05.
B'konformità mal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, u l-Artikolu 154(2) tar-Regoli ta' Proċedura, Antonio Tajani (il-Membru li qed jeżerċita l-presidenza b'mod proviżorju b'konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regoli ta' Proċedura) iddikjara miftuħa l-ewwel seduta tal-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet, u għamel diskors qasir.
Il-Parlament sema' l-innu Ewropew li ndaqq mill-kwartett Avena u tkanta mill-kantanta Anaïs Yvoz.
2. Kompożizzjoni tal-Parlament
Ġie nnutat it-tibdil li ġej fil-kompożizzjoni tal-Parlament wara l-aħħar sessjoni parzjali tal-Parlament uxxenti li saret mill-15 sat-18 ta' April 2019.
Teresa Jiménez-Becerril Barrio u Sergio Gutiérrez Prieto ġew eletti deputati fil-parlament nazzjonali (Congreso de los Diputados) ta' Spanja, liema kariga hija inkompatibbli ma' dik ta' Membru tal-Parlament Ewropew, u, f'konformità mal-Artikolu 4(1) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura, is-siġġijiet tagħhom ġew vakati b'seħħ mill-21 ta' Mejju 2019.
L-awtoritajiet kompetenti Spanjoli kkomunikaw l-elezzjoni fil-Parlament Ewropew ta' Pablo Arias Echeverría minflok Teresa Jiménez-Becerril Barrio bħala Membru tal-Parlament, li tiddekorri mid-data 21 ta' Mejju 2019.
Jeppe Kofod inħatar bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Gvern tad-Danimarka, liema kariga hija inkompatibbli ma' dik ta' Membru tal-Parlament Ewropew, u, f'konformità mal-Artikolu 3(2)(2) u mal-Artikolu 4(1) tar-Regoli ta' Proċedura, is-siġġu tiegħu ġie vakat b'effett mis-27 ta' Ġunju 2019.
3. Kompożizzjoni tal-gruppi politiċi
Ġie nnutat it-tibdil li ġej fil-kompożizzjonital-gruppi politiċi tal-Parlament wara l-aħħar sessjoni parzjali tal-Parlament uxxenti li saret mill-15 sat-18 ta' April 2019.
Peter van Dalen ma baqax membru tal-Grupp ECR b'seħħ mit-18 ta' Ġunju 2019. Hu se jpoġġi fost il-Membri mhux affiljati.
4. Verifika tal-kredenzjali
L-atti kollha li jirrigwardaw il-proklamazzjoni tal-elezzjoni tal-Membri se jitressqu lill-kumitat inkarigat mill-verifika tal-kredenzjali, li għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 206 tar-Regoli ta' Proċedura.
B'konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta' Proċedura, sakemm il-kredenzjali ta' Membru jkunu għadhom ma ġewx ivverifikati jew tkun għadha ma ngħatatx deċiżjoni fuq kwalunkwe kontestazzjoni eventwali, il-Membri jpoġġu fil-Parlament u fl-organi tiegħu bit-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tagħhom, bil-kundizzjoni li jkunu ffirmaw id-dikjarazzjoni ta' noninkompatibbiltà.
B'konformità mal-Artikolu 7 tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, il-Membri li jeżerċitaw funzjonijiet inkompatibbli mal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew ma jistgħux ipoġġu fih. Il-Membri li għadhom ma ffirmawx id-dikjarazzjoni ta' noninkompatibbiltà u li għadhom mhux qed igawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom huma mistiedna jagħmlu dan immedjatament.
5. Elezzjoni tal-President u tal-Viċi Presidenti (nomina tal-persuni li jgħoddu l-voti)
L-elezzjoni tal-President tal-Parlament hija prevista għal għada.
Antonio Tajani (il-Membru li qed jeżerċita l-presidenza b'mod proviżorju) qal li, b'konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regoli ta' Proċedura, il-kandidaturi jridu jkunu tressqu, bil-qbil tal-persuni kkonċernati, minn grupp politiku jew mill-inqas 38 Membru, u mhux aktar tard mill-għaxra tal-lejla.
Intervent ta': Matt Carthy.
Antonio Tajani tella' bil-polza t-tmien persuni li se jgħoddu l-voti għall-elezzjoni tal-President u tal-Viċi Presidenti.
Inħatru: Jan Olbrycht, Peter Jahr, Henrik Overgaard Nielsen, Jerzy Buzek, Bernard Guetta, Alexandra Lesley Phillips, Barbara Thaler u Catherine Chabaud.
6. Azzjonijiet meħuda dwar il-pożizzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament
Il-komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament matul is-sessjonijet parzjali ta' Novembru I 2018, Diċembru 2018 u Jannar I 2019 huma disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Parlament.
Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tal-pożizzjonijiet u tar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament matul is-sessjoni parzjali ta' Frar 2019 hija disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Parlament.
7. L-aġenda tas-seduta li jmiss
L-aġenda tas-seduta tal-għada ġiet iffinalizzata (dokument "Aġenda" PE 640.068/OJME).