L-abbozz definittiv tal-aġenda għas-seduti plenarji ta' Lulju 2020 (654.272/PDOJ) tqassam u ġew proposti l-bidliet li ġejjin (Artikolu 158 tar-Regoli ta' Proċedura):
Il-President informa li kien irċieva żewġ talbiet għall-applikazzjoni tal-proċedura ta' urġenza (Artikolu 163 tar-Regoli ta' Proċedura) għall-adozzjoni tal-fajls li ġejjin matul din is-sessjoni parzjali:
— Dispożizzjonijiet tranżitorji biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (emenda tar-Regolament (UE) 2016/1628) - Kumitat ENVI (punt 59 tal-PDOJ);
— It-twettiq ta' provi kliniċi ta' prodotti mediċinali u l-provvista ta' dawn il-prodotti għall-użu mill-bniedem li fihom jew li jikkonsistu f'organiżmi ġenetikament modifikati maħsuba biex jittrattaw jew jipprevjenu l-marda tal-coronavirus - Kumitat ENVI (punt 119 tal-PDOJ).
Intervent ta' Kateřina Konečná, skont l-Artikolu 163 tar-Regoli ta' Proċedura, kontra t-tieni talba tal-Kumitat ENVI (punt 119 tal-PDOJ).
Wara konsultazzjoni mal-gruppi politiċi, il-President ippropona l-modifiki li ġejjin lill-abbozz definittiv tal-aġenda.
Il-votazzjonijiet se jitqassmu matul is-sessjonijiet ta' votazzjoni differenti skont l-għadd ta' emendi u l-għadd ta' voti maqsuma u voti separati. L-informazzjoni dwar it-tqassim tal-votazzjonijiet matul is-sessjonijiet ta' votazzjoni differenti se jkunu disponibbli fis-sit tal-internet tal-Parlament fit-taqsima "Informazzjoni u dokumenti prijoritarji".
It-tieni sessjoni ta' votazzjonijiet tal-Ġimgħa se tkun miftuħa mis-14.15 sat-15.30. Ir-riżultati tal-votazzjonijiet tat-tieni sessjoni tal-Ġimgħa se jitħabbru fis-18.00.
It-tielet sessjoni ta' votazzjonijiet tal-Ġimgħa tħassret.
Il-Parlament qabel ma' dawn il-proposti.
L-ordni tal-ħidma b'hekk ġie ffinalizzat.
⁂
Il-President informa li ma kienet tressqet l-ebda proposta ta' ċaħda u l-ebda emenda f'konformità mal-Artikoli 67 u 68 tar-Regoli ta' Proċedura rigward il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari li ġejja:
Informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija ***II (punt 120 tal-PDOJ) Rakkomandazzjoni għat-tieni qari dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija [05142/1/2020 - C9-0103/2020 - 2018/0140(COD)] - Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu. Rapporteur: Andor Deli (A9-0119/2020).