L-abbozz definittiv tal-aġenda tas-seduti plenarji tad-dati ta' Ġunju II (PE 694.627/PDOJ) tqassam.
Wara konsultazzjoni tal-gruppi politiċi, il-President ippropona dawn il-bidliet lill-abbozz definittiv tal-aġenda:
L-Erbgħa
Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar Il-futur tar-relazzjonijiet UE-Żvizzera (punt 53 tal-PDOJ), oriġinarjament prevista għal nhar il-Ħamis filgħodu, se tiċċaqlaq bħala t-tieni punt tal-aġenda.
Il-mistoqsija orali dwar l-Indħil barrani fil-proċessi demokratiċi (punt 68 tal-PDOJ) se tkun posposta għas-sessjoni parzjali ta' Lulju 2021.
Il-votazzjoni taż-żewġ rakkomandazzjonijiet għat-tieni qari ta' Paulo Rangel dwar:
- Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża: l-ipproċessar tal-viżi (punt 57 tal-PDOJ), u
- Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS): il-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tal-VIS (punt 58 tal-PDOJ),
se tkun posposta għas-sessjoni parzjali li jmiss.
Id-dibattiti dwar:
- il-mistoqsijiet orali dwar Il-25 anniversarju tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD25) (is-Summit ta' Nairobi) (punt 54 tal-PDOJ), u
- il-preżentazzjoni qasira tar-rapport ta' Mislav Kolakušić dwar l-Idoneità regolatorja, sussidjarjetà u proporzjonalità - rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2017, 2018 u 2019 (punt 64 tal-PDOJ)
se jiċċaqalqu bħala t-tielet u r-raba' punt tal-aġenda ta' filgħaxija.
Ir-rapport ta' Predrag Fred Matić dwar Is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa (punt 20 tal-PDOJ) se jiċċaqlaq bħala l-ewwel punt tal-aġenda ta' filgħaxija u r-rapport ta' Paulo Rangel dwar ir-Rapporti 2019-2020 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina se jiċċaqlaq bħala l-aħħar punt tal-aġenda ta' waranofsinhar.
Il-President ħabbar ukoll li rċieva mill-Grupp ECR, skont l-Artikolu 197 tar-Regoli ta' Proċedura, mozzjoni biex jiġi ddikjarat inammissibbli d-dibattitu dwar ir-rapport ta' Predrag Fred Matić dwar Is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa.
Din il-mozzjoni se titressaq għall-votazzjoni waqt is-sessjoni ta' votazzjoni tal-lum.
Il-Ħamis
Se tiżdied seduta solenni mas-Segertarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres, li se ssir mill-11.30 sa 12.00. Konsegwentement, is-seduta se ddum sas-14.00 u d-dibattiti ta' filgħodu se jinqasmu f'żewġ partijiet.
L-ewwel parti se ssir mit-8.30 sal-11.30 bid-dibattitu dwar ir-rapport ta' Jytte Guteland dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima (punt 26 tal-PDOJ). It-tieni parti se ssir minn 12.00 sas-14.00 u se tinkludi d-dibattiti rigward:
- ir-rapport ta' Johan Van Overtveldt u Henrike Hahn dwar Il-faċilità ta' self għas-settur pubbliku skont il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta (punt 27 tal-PDOJ), u
- id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar Il-ħtieġa urġenti li jiġu kkompletati l-proċeduri għan-nomini għall-funzjonament sħiħ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (punt 55 tal-PDOJ).
Għaldaqstant, il-votazzjoni tal-ftehim proviżorju rigward ir-rapport ta' Johan Van Overtveldt u Henrike Hahn se tiċċaqlaq fit-tieni sessjoni ta' votazzjoni.
Il-President għarraf finalment li l-votazzjonijiet se jitqassmu bejn id-diversi sessjonijiet ta' votazzjoni skont l-għadd ta' emendi u l-għadd ta' talbiet għal votazzjonijiet maqsuma u separati. L-informazzjoni dwar it-tqassim tal-votazzjonijiet f'diversi sessjonijiet ta' votazzjoni se tkun disponibbli fis-sit tal-internet tal-Parlament fit-taqsima "Informazzjoni u dokumenti prijoritarji".
Il-Parlament approva l-modifiki.
L-ordni tal-ħidma b'hekk ġie ffinalizzat.
⁂
Intervent ta': Terry Reintke, li talbet li l-Parlament itella' l-bandiera qawsalla, wara li l-UEFA ma laqgħetx it-talba tal-belt ta' Munich biex illejla l-istadium jiddawwal b'dawn il-kuluri fl-ambitu tal-Tazza tal-UEFA (il-President ħa nota tat-talba tagħha u ċċara li l-Parlament minn dejjem kien impenjat favur id-difiża tad-drittijiet LGBTQI).