MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tan-nisa fl-Afganistan minħabba l-adozzjoni reċenti tal-liġi dwar il-“Promozzjoni tal-Virtù u l-Prevenzjoni tal-Vizzju”
18.9.2024 - (2024/2803(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B10‑0024/2024 (The Left)
B10‑0038/2024 (Verts/ALE)
B10‑0045/2024 (Renew)
B10‑0047/2024 (S&D)
B10‑0048/2024 (ECR)
B10‑0050/2024 (PPE)
Sebastião Bugalho, Michael Gahler, Andrzej Halicki, Gabriel Mato, Marcin Kierwiński, Željana Zovko, Tomáš Zdechovský, Jörgen Warborn, Wouter Beke, Ondřej Kolář, Nicolás Pascual De La Parte, Eleonora Meleti, Ingeborg Ter Laak, Reinhold Lopatka, Mirosława Nykiel, Luděk Niedermayer, Michał Wawrykiewicz, Rosa Estaràs Ferragut, Jessica Polfjärd, Antonio López‑Istúriz White, Isabel Wiseler‑Lima
f’isem il-Grupp PPE
Yannis Maniatis, Francisco Assis, Alessandra Moretti, Evin Incir
f’isem il-Grupp S&D
Joachim Stanisław Brudziński, Carlo Fidanza, Adam Bielan, Waldemar Tomaszewski, Sebastian Tynkkynen, Assita Kanko, Małgorzata Gosiewska, Alberico Gambino
f’isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Oihane Agirregoitia Martínez, Abir Al‑Sahlani, Dan Barna, Benoit Cassart, Olivier Chastel, Karin Karlsbro, Ľubica Karvašová, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Jan‑Christoph Oetjen, Urmas Paet, Hilde Vautmans, Lucia Yar
f’isem il-Grupp Renew
Hannah Neumann
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Isabel Serra Sánchez
f’isem il-Grupp The Left
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tan-nisa fl-Afganistan minħabba l-adozzjoni reċenti tal-liġi dwar il-“Promozzjoni tal-Virtù u l-Prevenzjoni tal-Vizzju”
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 150(5) u 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi t-Talibani kisru n-normi internazzjonali, reġgħu bdew ir-repressjoni, b’mod partikolari tan-nisa u l-bniet, tal-minoranzi etniċi, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-persuni LGBTIQ+, u iżolaw lill-Afganistan, u żiedu l-ġuħ u l-faqar;
B. billi t-Talibani implimentaw l-interpretazzjoni estrema tagħhom tax-Xarija u eliminaw lin-nisa mill-ħajja pubblika; billi dan jinkludi l-projbizzjoni tan-nisa mix-xogħol, l-aċċess għall-kura tas-saħħa mingħajr qarib maskili u l-edukazzjoni lil hinn mis-sitt livell, l-infurzar vjolenti ta’ kodiċi tal-ilbies diżumanizzanti, iċ-ċaħda tal-preżenza tan-nisa fl-ispazju pubbliku u ż-żarmar tas-sistema ta’ appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza; billi r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tan-nisa Afgani jżommuhom milli jiksbu viżi tal-UE;
C. billi digriet reċenti tat-Talibani, l-hekk imsejħa liġi dwar il-“Promozzjoni tal-Virtù u l-Prevenzjoni tal-Vizzji”, jestendi dawn ir-restrizzjonijiet billi saħansitra jirrikjedi li l-ilħna nisa ma jinstemgħux fil-pubbliku, u b’hekk in-nisa Afgani jiġu mċaħħda aktar mid-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, li jammontaw għal apartheid tal-ġeneru;
1. Jikkundanna d-digriet reċenti tat-Talibani u l-interpretazzjoni u l-infurzar tal-liġi tax-Xarija, l-eliminazzjoni tan-nisa u l-bniet mill-ħajja pubblika, li jiġu sfurzati jidħlu fi żwiġijiet mhux mixtieqa u bikrija u jiġu esposti għal vjolenza sesswali, u l-introduzzjoni mill-ġdid tas-swat u t-tħaġġir għall-mewt pubbliku tan-nisa; ifaħħar il-kuraġġ tan-nisa Afgani li, minkejja r-riskji ta’ theddida għall-ħajja, jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, u jinsab f’solidarjetà magħhom;
2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan jabolixxu l-prattiki u l-liġijiet tagħhom li jiddiskriminaw kontra n-nisa; jappella sabiex terġa’ tiġi introdotta b’mod immedjat il-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u sinifikattiva tan-nisa u l-bniet fil-ħajja pubblika;
3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan jeħilsu lin-nisa u l-bniet arrestati arbitrarjament u jiftħu mill-ġdid is-sistema ta’ appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza, filwaqt li jiżguraw li l-vittmi jkunu jistgħu jfittxu kenn, kura medika, rikors legali u riparazzjoni;
4. Jappella sabiex l-awtoritajiet de facto tal-Afganistan jinżammu responsabbli, b’mod partikolari permezz tal-investigazzjoni tal-QKI u l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu ta’ Investigazzjoni Indipendenti tan-NU, u jitlob lill-VP/RGħ jagħti bidu għal sanzjonijiet ġodda tal-UE kontra t-Talibani;
5. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaderixxu strettament mal-ħames punti ta’ riferiment tal-Kunsill, li bħalissa mhumiex issodisfati, u jappoġġjaw it-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU;
6. Jikkundanna lill-gvernijiet li jirrikonoxxu lit-Talibani billi jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet; jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw il-parteċipazzjoni sinifikattiva tan-nisa Afgani fil-fora u n-negozjati internazzjonali;
7. Jappella lill-UE biex tappoġġja r-rikonoxximent tal-apartheid tal-ġeneru bħala delitt kontra l-umanità;
8. Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri u lil stati donaturi oħra jżidu l-għajnuna umanitarja u l-finanzjament biex jappoġġjaw il-ħtiġijiet bażiċi u l-għajxien u s-soċjetà ċivili Afgana, jiżguraw finanzjament flessibbli għall-NGOs u l-ħaddiema umanitarji nisa tagħhom u jagħtu viżi umanitarji u viżi mwiegħda għall-eks impjegati Afgani tal-koalizzjoni internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tivvaluta l-impatt tad-digriet reċenti fuq l-operazzjonijiet umanitarji;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri, lin-NU u lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan.