Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B10-0179/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B10-0179/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar id-deterjorament tal-kriżi demokratika tal-Georgia wara l-elezzjonijiet parlamentari reċenti u l-allegata frodi elettorali

26.11.2024 - (2024/2933(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B10‑0179/2024 (Renew)
B10‑0180/2024 (Verts/ALE)
B10‑0182/2024 (PPE)
B10‑0183/2024 (S&D)
B10‑0184/2024 (ECR)

Rasa Juknevičienė, Antonio López‑Istúriz White, Michael Gahler, Andrzej Halicki, David McAllister, Sebastião Bugalho, Željana Zovko, Isabel Wiseler‑Lima, Nicolás Pascual de la Parte, Mika Aaltola, Wouter Beke, Krzysztof Brejza, Daniel Caspary, Sandra Kalniete, Łukasz Kohut, Andrey Kovatchev, Ana Miguel Pedro, Davor Ivo Stier, Riho Terras, Matej Tonin, Milan Zver
f’isem il-Grupp PPE
Yannis Maniatis, Nacho Sánchez Amor, Sven Mikser, Tobias Cremer
f’isem il-Grupp S&D
Joachim Stanisław Brudziński, Adam Bielan, Rihards Kols, Mariusz Kamiński, Małgorzata Gosiewska, Roberts Zīle, Assita Kanko, Reinis Pozņaks, Ondřej Krutílek, Alexandr Vondra, Sebastian Tynkkynen, Veronika Vrecionová, Charlie Weimers, Jadwiga Wiśniewska
f’isem il-Grupp ECR
Urmas Paet, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Dan Barna, Michał Kobosko, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Jan‑Christoph Oetjen, Marie‑Agnes Strack‑Zimmermann, Hilde Vautmans, Lucia Yar, Dainius Žalimas
f’isem il-Grupp Renew
Markéta Gregorová
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Hanna Gedin, Jonas Sjöstedt


Proċedura : 2024/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B10-0179/2024
Testi mressqa :
RC-B10-0179/2024
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deterjorament tal-kriżi demokratika tal-Georgia wara l-elezzjonijiet parlamentari reċenti u l-allegata frodi elettorali

(2024/2933(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia, b’mod partikolari dik tad-9 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rigress demokratiku u t-theddid għall-pluraliżmu politiku fil-Georgia[1],

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-sejbiet preliminari u l-konklużjonijiet tal-missjoni internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali (MIOE) li tmexxiet mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (l-ODIHR tal-OSKE) dwar l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-Georgia fis-26 ta’ Ottubru 2024 u d-dikjarazzjoni mill-Kap tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-osservazzjoni elettorali,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Josep Borrell, tad-29 ta’ Ottubru 2024, dwar l-aħħar żviluppi wara l-elezzjonijiet parlamentari fil-Georgia, u d-dikjarazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2024 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Georgia,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta minn Emmanuel Macron, President tar-Repubblika Franċiża, Olaf Scholz, Kanċillier tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Donald Tusk, Prim Ministru tar-Repubblika tal-Polonja dwar is-sitwazzjoni fil-Georgia tas-7 ta’ Novembru 2024,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-President tad-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Euronest tat-28 ta’ Ottubru 2024 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Georgia,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-ministri tal-UE tat-28 ta’ Ottubru 2024 dwar l-elezzjonijiet fil-Georgia,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Grupp ta’ Ħbieb tal-Georgia, li jirrappreżenta l-parlamenti Ewropej, tas-6 ta’ Novembru 2024, bit-titolu “On international inquiry commission to investigate irregularities of elections in Georgia” (Dwar kummissjoni ta’ inkjesta internazzjonali biex tinvestiga l-irregolaritajiet tal-elezzjonijiet fil-Georgia),

 wara li kkunsidra l-istatus tal-Georgia bħala pajjiż kandidat tal-UE, li ngħata mill-Kunsill Ewropew fis-Summit tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2024 bit-titolu “2024 Communication on EU enlargement policy” (Komunikazzjoni tal-2024 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE) (COM(2024)0690), li tinkludi l-ewwel rapport ta’ progress dwar il-Georgia,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi fis-26 ta’ Ottubru 2024 saru l-elezzjonijiet parlamentari fil-Georgia; billi x-xhur li wasslu għall-elezzjonijiet kienu kkaratterizzati minn attakki sinifikanti fuq id-demokrazija fil-Georgia, bħall-adozzjoni rapida ta’ leġiżlazzjoni antidemokratika kkritikata min-Nazzjonijiet Uniti, il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja), u l-UE; billi l-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni naqas milli jissodisfa l-istandards demokratiċi minħabba azzjonijiet mill-partit fil-gvern Ħolma Georgjana u mill-awtoritajiet li rawmu klima ta’ biża’, inkluż permezz tal-arresti, it-tfittxijiet fid-djar u l-intimidazzjoni tal-politiċi tal-oppożizzjoni, il-mexxejja tas-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti, ir-riċerkaturi u persuni oħra kritiċi tal-gvern, u l-vjolenza mwettqa fil-konfront tagħhom;

B. billi, matul il-kampanja, il-partit fil-gvern Ħolma Georgjana sfrutta l-biża’ naturali tas-soċjetà Georgjana mill-gwerra billi tenna li huwa kien il-“partit tal-paċi”, u sostna li l-oppożizzjoni kienet allegatament se tkaxkar lill-pajjiż fi gwerra mar-Russja fuq ordni mill-Punent, u uża t-teorija ta’ komplott “Partit Globali tal-Gwerra”; billi l-mexxejja tal-Federazzjoni Russa u l-propagandisti tagħha appoġġjaw b’mod miftuħ lill-partit Ħolma Georgjana kemm qabel kif ukoll wara l-elezzjonijiet; billi l-mexxejja ewlenin tal-partit fil-gvern għamlu dikjarazzjonijiet pubbliċi matul il-kampanja fejn esprimew l-intenzjoni tagħhom li jipprojbixxu lill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni wara l-elezzjonijiet, u dan qajjem tħassib dwar l-ekwità u l-inklużività tal-proċess politiku;

C. billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-Georgia tas-26 ta’ Ottubru 2024 offrew għażla ta’ kandidati iżda kienu vvizzjati b’irregolaritajiet serji, rapporti dokumentati ta’ manipulazzjoni tal-vot u t-trażżin tal-libertajiet tal-votanti, b’mod partikolari permezz tax-xiri tal-voti, il-fastidju tal-osservaturi, it-tneħħija tal-media mill-postijiet tal-votazzjoni, l-intimidazzjoni tal-votanti ġewwa u barra l-postijiet tal-votazzjoni, it-traċċar tal-votanti u l-konfiska tad-dokumenti tal-identità f’żoni rurali, li mbagħad ingħataw lil attivisti leali tal-partit fil-gvern biex jivvutaw, it-trasport organizzat tal-votanti, id-diskors ta’ mibegħda, l-aċċess insuffiċjenti taċ-ċittadini Georgjani għall-votazzjoni barra mill-pajjiż, u d-differenzi improbabbli fil-parteċipazzjoni elettorali tan-nisa u tal-irġiel f’żoni rurali; billi l-impjegati tas-settur pubbliku u r-riċevituri tal-benefiċċji soċjali ffaċċjaw pressjoni biex jappoġġjaw lill-partit fil-gvern;

D. billi l-osservaturi internazzjonali nnotaw l-approfondiment tad-diviżjonijiet politiċi u żbilanċ sinifikanti fl-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, kif ukoll il-ħafna vantaġġi li jgawdi l-partit fil-gvern, u dan kollu jrendi l-kundizzjonijiet diġà mhux ekwi saħansitra aktar mhux ekwi; billi l-effettività tas-sorveljanza finanzjarja tal-kampanja kienet imminata minn infurzar limitat u tħassib dwar l-imparzjalità u l-istrumentalizzazzjoni politika tal-korp ta’ sorveljanza;

E. billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-Georgia tas-26 ta’ Ottubru 2024 immarkaw l-ewwel użu sħiħ mill-pajjiż ta’ sistema proporzjonali, b’apparat elettroniku għall-identifikazzjoni tal-votanti u għall-għadd tal-voti; billi dawn it-teknoloġiji qajmu tħassib dwar it-trasparenza, is-segretezza tal-votanti u n-nuqqas ta’ verifika indipendenti;

F. billi l-emendi reċenti għall-Kodiċi Elettorali, inkluża t-tneħħija tal-kwoti tal-ġeneru, biddlu l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali u, flimkien mal-promulgazzjoni tal-“liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija”, illimitaw il-libertajiet fundamentali, stigmatizzaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mminaw l-integrità tal-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Georgia;

G. billi missjonijiet indipendenti ta’ osservazzjoni elettorali Georgjani rrispettati kkonkludew li t-taħlita ta’ koerċizzjoni qabel l-elezzjoni, manipulazzjoni f’jum l-elezzjoni u aċċess ristrett għall-osservaturi kienet tfisser li l-elezzjonijiet ma kinux jirriflettu r-rieda vera tal-poplu Georgjan; billi s-sistema ta’ konfiska tal-karti tal-identità, ġbir tad-data u preżenza mhux awtorizzata ħolqot ambjent koerċittiv, u dan saħħaħ il-kompliċità tal-atturi statali fl-iffaċilitar tal-frodi elettorali; billi l-prinċipju ta’ segretezza tal-votanti nkiser b’mod wiesa’ dakinhar tal-elezzjoni; billi l-elezzjonijiet ġew imbagħbsa permezz ta’ taħlita ta’ intimidazzjoni tal-votanti, ostruzzjoni tal-osservazzjoni u manipulazzjoni tal-proċeduri tal-votanti, u ma jistgħux jitqiesu liberi u ekwi;

H. billi l-anomaliji mifruxa fil-parteċipazzjoni elettorali u fis-sehem tal-voti favur il-partit fil-gvern kienu konsistenti ma’ ħafna rapporti ta’ prattiki elettorali ħżiena;

I. billi kważi kull stħarriġ tal-opinjoni li sar qabel l-elezzjoni kien jissuġġerixxi li l-partit Ħolma Georgjana ma kienx se jikseb il-maġġoranza; billi d-diskrepanza bejn l-istħarriġ tal-opinjoni li sar qabel l-elezzjoni u r-riżultati elettorali rrappurtati mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali ma tistax tiġi spjegata minn marġni ta’ żball statistiku;

J. billi l-President tal-Georgia, Salome Zourabichvili, ikkundannat pubblikament l-elezzjonijiet bħala mbagħbsa, irrifjutat li tirrikonoxxi l-validità tar-riżultat, u talbet investigazzjoni internazzjonali u elezzjonijiet ġodda; billi l-President affermat li r-rikonoxximent tal-eżitu jkun ekwivalenti għal “aċċettazzjoni tat-tjassir tal-Georgia mir-Russja” u ddeskriviet il-proċess elettorali bħala “operazzjoni speċjali Russa”; billi l-erba’ koalizzjonijiet tal-oppożizzjoni li qabżu l-limitu elettorali ma aċċettawx ir-riżultati tal-elezzjoni u rrifjutaw li jilleġittimizzaw il-parlament riżultanti; billi tliet blokok tal-oppożizzjoni – il-Moviment Nazzjonali Magħqud, il-Koalizzjoni Georgia b’Saħħitha, il-Koalizzjoni għall-Bidla u Gakharia għall-Georgia – ma aċċettawx il-mandati parlamentari tagħhom u rrifjutaw li jissieħbu fil-11-il konvokazzjoni tal-parlament, għax sostnew li l-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta’ Ottubru 2024 kienu illeġittimi; billi fit-13 ta’ Novembru 2024, il-Prim Ministru Georgjan Kobakhidze, filwaqt li rrepeta d-dikjarazzjonijiet li għamel f’Awwissu, tenna l-pjanijiet li jipprojbixxi b’mod kostituzzjonali lill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni jekk dawn jirrifjutaw li jaċċettaw il-mandati parlamentari tagħhom; billi l-Georgia għalhekk tinsab fi kriżi kostituzzjonali;

K. billi l-parlament il-ġdid tlaqqa’ fil-25 ta’ Novembru 2024 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membri tal-oppożizzjoni; billi l-President Salome Zourabichvili ddikjarat, b’referenza għas-sessjoni inawgurali tal-parlament, li “llum il-parlament tal-Georgia m’għadux jeżisti” peress li l-partit Ħolma Georgjana “kkalpesta l-kostituzzjoni”;

L. billi, fid-dikjarazzjoni tiegħu wara l-elezzjonijiet, il-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fakkar li l-osservaturi internazzjonali ma kinux iddikjaraw l-elezzjonijiet liberi u ekwi, talab li jsiru investigazzjoni u inkjesta trasparenti dwar l-irregolaritajiet u l-pressjoni u l-intimidazzjoni tal-votanti, u enfasizza l-ħtieġa li titreġġa’ lura t-tendenza ta’ erożjoni demokratika fil-Georgia;

M. billi l-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orbán, ivvjaġġa lejn Tbilisi biex jifraħ lill-partit Ħolma Georgjana qabel ma ġew ippubblikati r-riżultati finali tal-elezzjoni u mingħajr ma l-ewwel ikkonsulta mexxejja oħra tal-UE, u kien l-uniku mexxej tal-UE li għamel dan;

N. billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Georgia ppreżentaw ilmenti quddiem il-qorti u talbu li jsiru investigazzjonijiet dwar frodi elettorali, għalkemm f’ħafna każijiet il-korpi investigattivi ma nedewx inkjesti u ma eżaminawx kif xieraq il-ksur; billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali s’issa rrifjutat li tippubblika l-awditu kkummissjonat dwar is-sistema tal-votazzjoni elettronika, u ċċertifikat ir-riżultati tal-elezzjonijiet, minkejja l-irregolaritajiet imsemmija hawn fuq;

O. billi l-azzjoni legali mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Georgjani ġiet segwita minn miżuri punittivi mill-awtoritajiet kontra r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inklużi taħrikiet mhux ġustifikati għal interrogazzjoni u multi kbar talli tkellmu dwar il-frodi elettorali;

P. billi l-qrati Georgjani komplew jipproċessaw malajr u jiċħdu, bil-massa, il-kawżi mressqa mill-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u mill-osservaturi lokali li allegaw irregolaritajiet fil-votazzjoni, filwaqt li ċaħdu l-mozzjonijiet biex jittellgħu x-xhieda u l-mozzjonijiet li jobbligaw lill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tgħaddi r-rekords tal-kunsinna u tal-wasla tal-markaturi u tad-dokumenti akkwistati u użati għall-votazzjoni;

Q. billi fis-16 ta’ Novembru 2024, minkejja diversi lmenti u talbiet minn osservaturi elettorali indipendenti biex ir-riżultati jiġu annullati, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Georgia ħabbret il-minuti sommarji finali tal-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta’ Ottubru 2024, u tat ir-rebħa lill-partit Ħolma Georgjana, bi 53.92 % tal-voti;

R. billi fit-28 ta’ Ottubru 2024 faqqgħu għall-ewwel darba l-protesti fi Tbilisi, b’eluf ta’ nies jinġabru biex jikkontestaw il-leġittimità tar-rebħa ddikjarata tal-partit fil-gvern; billi d-dimostrazzjonijiet komplew fl-4 ta’ Novembru 2024, u kibru fid-daqs u fl-intensità tagħhom; billi l-pulizija kkontrollat bil-forza d-dimostrazzjonijiet fi Tbilisi billi użat vjolenza sproporzjonata kontra l-ġurnalisti u l-protestanti paċifiċi, u arrestat bosta dimostranti;

S. billi, skont l-Artikolu 78 tal-Kostituzzjoni tal-Georgia, “il-korpi kostituzzjonali għandhom jieħdu l-miżuri kollha fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom biex jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tal-Georgia fl-Unjoni Ewropea u fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana”;

T. billi l-Georgia, bħala pajjiż kandidat tal-UE, għandha tikkonforma bis-sħiħ mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tissodisfa d-disa’ passi stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; billi, għalkemm il-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta’ kandidat lill-Georgia f’Diċembru 2023, il-proċess ta’ adeżjoni tagħha mal-UE minn dak iż-żmien ’l hawn twaqqafde factominħabba l-azzjoni meħuda mill-Gvern tal-Georgia mir-rebbiegħa tal-2024;

U. billi l-oligarka Bidzina Ivanishvili, il-mexxej tal-partit Ħolma Georgjana, li jeżerċita wkoll influwenza konsiderevoli fuq l-ekonomija tal-Georgia, kellu rwol determinanti fir-rigress demokratiku tal-pajjiż u fl-imminar tal-orjentazzjoni Ewro-Atlantika tiegħu li xxaqleb favur ir-Russja;

1. Jiddeplora l-fatt li l-Georgia, pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE, organizzat elezzjonijiet parlamentari fis-26 ta’ Ottubru 2024 li ma rrispettawx l-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi jew l-impenji tagħha bħala membru tal-OSKE biex twettaq elezzjonijiet liberi u ekwi; jenfasizza li l-ksur tal-integrità elettorali huwa inkompatibbli mal-istandards mistennija minn pajjiż kandidat tal-UE; jenfasizza l-fatt li t-tmexxija tal-elezzjoni kienet manifestazzjoni ulterjuri tar-rigress demokratiku kontinwu li għalih il-partit fil-gvern huwa kompletament responsabbli;

2. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur elettorali numeruż u serju, inklużi każijiet dokumentati ta’ intimidazzjoni, manipulazzjoni tal-voti, tiswijiet tal-vot, interferenza mal-osservaturi elettorali u mal-media, manipulazzjoni rrapportata li tinvolvi magni tal-votazzjoni elettronika li ppermettew voti multipli għal kull dokument tal-identità, żbilanċi sinifikanti fir-riżorsi finanzjarji, il-vantaġġi tas-setgħa fil-kariga u nuqqas ta’ investigazzjoni ta’ irregolaritajiet proċedurali serji;

3. Iqis li l-frodi elettorali estensiva rrapportata timmina l-integrità tal-proċess elettorali, il-leġittimità tar-riżultati u l-fiduċja tal-pubbliku fi kwalunkwe gvern ġdid, u li r-riżultati ma jservux bħala rappreżentanza affidabbli tar-rieda tal-poplu Georgjan;

4. Jirrikonoxxi l-kundanna qawwija mill-President tal-Georgia Salome Zourabichvili tal-elezzjonijiet bħala mbagħbsa u d-deċiżjoni tagħha li ma tirrikonoxxix ir-riżultati; japprezza l-isforzi li saru mill-President tal-Georgia Salome Zourabichvili biex tmexxi l-pajjiż lura lejn triq demokratika u Ewropea tal-iżvilupp;

5. Iqis li, peress li l-leġittimità tal-vot ġiet imminata serjament mill-iskala tal-ksur, il-komunità internazzjonali ma għandhiex tirrikonoxxi r-riżultati tal-elezzjoni; jiċħad, għalhekk, kwalunkwe rikonoxximent tal-elezzjonijiet parlamentari u jappella li dawn jerġgħu jsiru mill-ġdid fi żmien sena, bil-proċess jitwettaq f’ambjent elettorali aħjar minn awtorità elettorali nazzjonali indipendenti u imparzjali, taħt superviżjoni internazzjonali stretta, sabiex jiġi żgurat proċess elettorali ġenwinament ġust u trasparenti;

6. Jappoġġja l-appell għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet ta’ manipulazzjoni elettorali, l-intimidazzjoni tal-votanti u l-ksur sistemiku, li ġew irrapportati li seħħew fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni u f’jum l-elezzjoni;

7. Jilqa’ d-deċiżjoni mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li jibgħat missjoni teknika fil-Georgia; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jistabbilixxu mandat ta’ missjoni wiesa’ li jmur lil hinn mil-limitazzjonijiet tal-qafas u l-metodoloġija ta’ osservazzjoni elettorali tal-OSKE, li huwa differenti b’mod sinifikanti mill-metodoloġija ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE, minħabba li l-metodoloġija tal-OSKE mhijiex dejjem kapaċi tkopri b’mod adegwat dak kollu li jseħħ f’pajjiż qabel il-jum tal-elezzjoni, b’mod partikolari f’pajjiżi bħall-Georgia fejn hemm sistema stabbilita sew ta’ pressjoni fuq l-uffiċjali pubbliċi, intimidazzjoni tal-votanti u ostruzzjoni tal-osservaturi tal-elezzjoni lokali;

8. Jesprimi tħassib dwar is-sekwestru mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ apparat ta’ verifika tal-votanti u ta’ dokumentazzjoni elettorali; jistieden lill-awtoritajiet jippermettu l-verifika mill-votanti tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet skont l-ogħla standards ta’ protezzjoni tad-data; jissottolinja l-importanza li tiġi ssalvagwardjata d-data kollha relatata mal-elezzjoni u li din issir aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati rilevanti, minħabba li jista’ jkun fiha evidenza ewlenija ta’ kwalunkwe irregolarità;

9. Jesprimi tħassib serju dwar it-tkeċċija koordinata mill-istituzzjonijiet ġudizzjarji Georgjani ta’ bosta lmenti ta’ frodi u manipulazzjoni elettorali u dwar kif il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali naqset kompletament milli tinvestiga kwalunkwe inċident elettorali rrapportat; iqis li, billi ma jwieġbux għat-tħassib ġenwin fis-soċjetà u għar-rapporti minn osservaturi lokali u internazzjonali, l-awtoritajiet Georgjani qegħdin imexxu intenzjonalment lill-pajjiż lejn kriżi politika lokali u lejn stat ta’ iżolament internazzjonali mis-sħab demokratiċi tal-Georgia;

10. Jesprimi tħassib kbir dwar it-tnaqqis sinifikanti fir-rappreżentanza politika tan-nisa fil-Georgia, li huwa aggravat mill-abolizzjoni tal-kwoti tal-ġeneru, u jappella li jsiru bidliet leġiżlattivi biex tiġi mħeġġa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika;

11. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimponu sanzjonijiet personali fuq l-uffiċjali u l-mexxejja politiċi fil-Georgia li huma responsabbli għar-rigress demokratiku, il-ksur tal-liġijiet u l-istandards elettorali, l-abbużi amministrattivi u l-użu ħażin tal-istituzzjonijiet tal-istat, bħall-Prim Ministru Irakli Kobakhidze, is-Sindku ta’ Tbilisi u s-Segretarju Ġenerali tal-partit Ħolma Georgjana fil-gvern Kakha Kaladze, l-Ispeaker tal-Parlament tal-Georgia Shalva Papuashvili, u l-president tal-partit Ħolma Georgjana Irakli Garibashvili, u jestendu dawn is-sanzjonijiet għall-imħallfin li jagħtu sentenzi politikament motivati; itenni bil-qawwa l-appell tiegħu lill-Kunsill u lis-sħab demokratiċi tal-UE biex jimponu sanzjonijiet personali immedjati u mmirati fuq Bidzina Ivanishvili u jiffriżaw l-assi tiegħu kollha fi ħdan l-UE għar-rwol tiegħu fl-imminar tal-proċess politiku fil-Georgia u talli aġixxa kontra l-interessi ddikjarati mill-kostituzzjoni tal-pajjiż, inklużi l-isforzi biex tiġi restawrata l-isfera ta’ influwenza tar-Russja fuq il-pajjiż;

12. Jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa vitali għall-parametri referenzjarji tal-UE għal-liberalizzazzjoni tal-viża u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrieżaminaw l-istatus ta’ mingħajr viża tal-Georgia, bil-possibbiltà ta’ sospensjoni jekk jitqies li l-istandards tal-UE dwar il-governanza u l-libertajiet demokratiċi mhumiex qed jiġu rrispettati;

13. Jappella lill-UE tillimita serjament il-kuntatti formali fil-livell tal-UE mal-Gvern u l-Parlament tal-Georgia;

14. Jikkundanna ż-żjara tal-Prim Ministru Ungeriż Orbán fil-Georgia bħala ksur tal-pożizzjoni tal-UE u saħansitra tentattiv ieħor biex tiġi mminata l-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE; jenfasizza li, għal darb’oħra, il-Prim Ministru Orbán ma tkellimx f’isem l-UE;

15. Ifakkar li, bħala riżultat tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni antidemokratika ġdida, bħal-liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija u l-liġi dwar il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni, il-proċess tal-integrazzjoni tal-Georgia fl-UE ġie sospiż b’mod effettiv; ifakkar li l-UE ffriżat ukoll l-allokazzjoni ta’ fondi lill-Georgia; jissottolinja li r-rigress demokratiku kontinwu fil-Georgia mhuwiex biss żvilupp deplorevoli, meta wieħed iqis li l-Georgia xi darba kienet pijuniera tal-aspirazzjonijiet Ewro-Atlantiċi, iżda jeħtieġ ukoll li titreġġa’ lura u li tali partijiet mil-liġi antidemokratika jitħassru sabiex ir-relazzjonijiet tal-pajjiż mal-UE jerġgħu jaqbdu t-triq it-tajba; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ambjent politiku fil-Georgia jindika bidla awtoritarja mill-partit fil-gvern u jittradixxi l-aspirazzjonijiet favur l-Ewropa tal-poplu Georgjan; itenni l-appoġġ sod tiegħu għall-iżvilupp demokratiku tal-Georgia u għall-aspirazzjonijiet Ewro-Atlantiċi tal-poplu tagħha; ifakkar lill-gvern Georgjan li l-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni tappoġġja b’mod qawwi l-perkors tal-pajjiż favur il-Punent u l-adeżjoni tiegħu mal-UE;

16. Jinsab allarmat bl-ambjent ta’ intimidazzjoni u polarizzazzjoni xprunat mid-dikjarazzjonijiet li saru mir-rappreżentanti tal-Gvern tal-Georgia u mill-mexxejja politiċi, kif ukoll bl-attakki kontra l-pluraliżmu politiku, inkluż permezz ta’ theddid biex jiġu pprojbiti l-partiti tal-oppożizzjoni, jiġu arrestati l-mexxejja tagħhom u saħansitra ċ-ċittadini komuni li jappoġġjawhom, u jsikktu n-nuqqas ta’ qbil; iwissi lill-awtoritajiet Georgjani li kwalunkwe tentattiv biex jiġu pprojbiti partiti politiċi stabbiliti legalment jista’ jbiegħed lill-Georgia mill-UE u jagħmel kwalunkwe pass lejn l-adeżjoni mal-UE impossibbli;

17. Jikkundanna bil-qawwa l-interferenza sistematika tar-Russja fil-proċessi demokratiċi fil-Georgia, inkluż permezz ta’ intimidazzjoni fil-konfront tal-votanti, xiri tal-voti u diżinformazzjoni, bħat-teorija ta’ komplott “Partit Globali tal-Gwerra”; jiddeplora n-narrativi ta’ diżinformazzjoni mxerrda u amplifikati mill-uffiċjali tal-partit fil-gvern u mill-media affiljata mal-Gvern fil-perjodu ta’ żmien tat-tħejjija għall-elezzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jiżguraw informazzjoni u komunikazzjoni bbażati fuq il-fatti, iżommu lura mill-propaganda kontra l-UE li tmur kontra l-għan iddikjarat tal-adeżjoni mal-UE, u jsaħħu r-reżiljenza tas-soċjetà tal-Georgia għad-diżinformazzjoni u l-propaganda tar-Russja;

18. Ifakkar li l-Kunsill Ewropew ta lill-Georgia l-istatus ta’ kandidat fis-summit tiegħu tal-14 u tal-15 ta’ Diċembru 2023 bil-fehim li jittieħdu l-passi rilevanti kif stabbilit fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; jisħaq li l-elezzjonijiet parlamentari reċenti jmorru b’mod ċar kontra din l-ambizzjoni; jaqbel mal-valutazzjoni ppreżentata fil-Pakkett tat-Tkabbir tal-2024 tal-Kummissjoni, li tiddikjara li l-proċess ta’ adeżjoni tal-Georgia mal-UE għandu jitwaqqaf b’mod indefinit b’riżultat tar-rigress demokratiku mibdi mill-Gvern Georgjan; jissottolinja li l-politiki implimentati mill-partit Ħolma Georgjana huma inkompatibbli mal-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-Georgia;

19. Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-aspirazzjonijiet Ewropej leġittimi tan-nies tal-Georgia u għax-xewqa tagħhom li jgħixu f’pajjiż prosperu u demokratiku, liberu mill-korruzzjoni, li jirrispetta bis-sħiħ il-libertajiet fundamentali, jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxi soċjetà miftuħa, media indipendenti u elezzjonijiet liberi u ekwi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jiggarantixxu d-dritt ta’ għaqda liċ-ċittadini u jżommu lura milli jużaw il-forza mhux iġġustifikata kontrihom;

20. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-VP/RGħ il-ġdid iwettqu rieżami komprensiv u bidla radikali fil-politika tal-UE fir-rigward tal-Ġeorġja; jitlob lill-Kummissjoni tuża l-EUR 120 miljun iffriżati, oriġinarjament maħsuba bħala appoġġ għall-awtoritajiet Georgjani, biex ittejjeb l-appoġġ tal-UE lis-soċjetà ċivili tal-Georgia, b’mod partikolari lis-settur mhux governattiv u lill-media indipendenti, li qed jispiċċaw dejjem aktar taħt pressjoni bla bżonn mill-partit politiku fil-gvern u mill-awtoritajiet, kif ukoll sabiex jappoġġjaw programmi li jippromwovu r-reżiljenza demokratika u l-integrità elettorali; jilqa’ l-proposta tal-VP/RGħ Borrell biex jagħmel dan; jappella li l-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE jiġu aġġustati biex jitqiesu l-ħtiġijiet li jirriżultaw f’ambjent aktar ostili u antidemokratiku;

21. Itenni bil-qawwa t-talba urġenti tiegħu għall-ħelsien immedjat tal-eks President Mikheil Saakashvili minħabba raġunijiet umanitarji; jenfasizza li l-Gvern tal-Georgia jġorr ir-responsabbiltà sħiħa u inkontestabbli għall-ħajja, is-saħħa, is-sikurezza u l-benesseri tal-eks President Mikheil Saakashvili u jrid jinżamm kompletament responsabbli għal kwalunkwe ħsara li tiġrilu;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Novembru 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza