MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-ħtieġa ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-oppressjoni kontinwa u l-elezzjonijiet farsa fil-Belarussja
20.1.2025 - (2024/3014(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B10‑0055/2025 (Renew)
B10‑0056/2025 (Verts/ALE)
B10‑0057/2025 (PPE)
B10‑0058/2025 (S&D)
B10‑0059/2025 (ECR)
Ondřej Kolář, Michael Gahler, Andrzej Halicki, Sebastião Bugalho, David McAllister, Tomas Tobé, Željana Zovko, Isabel Wiseler‑Lima, Nicolás Pascual de la Parte, Mika Aaltola, Wouter Beke, Krzysztof Brejza, Daniel Caspary, Rasa Juknevičienė, Sandra Kalniete, Seán Kelly, Łukasz Kohut, Andrey Kovatchev, Miriam Lexmann, Reinhold Lopatka, Antonio López‑Istúriz White, Ana Miguel Pedro, Paulius Saudargas, Liesbet Sommen, Davor Ivo Stier, Michał Szczerba, Alice Teodorescu Måwe, Ingeborg Ter Laak, Matej Tonin, Milan Zver
f’isem il-Grupp PPE
Yannis Maniatis, Nacho Sánchez Amor, Tobias Cremer
f’isem il-Grupp S&D
Adam Bielan, Mariusz Kamiński, Małgorzata Gosiewska, Alberico Gambino, Aurelijus Veryga, Michał Dworczyk, Joachim Stanisław Brudziński, Ondřej Krutílek, Sebastian Tynkkynen, Rihards Kols, Jaak Madison, Ivaylo Valchev
f’isem il-Grupp ECR
Helmut Brandstätter, Petras Auštrevičius, Dan Barna, Ľubica Karvašová, Michał Kobosko, Nathalie Loiseau, Jan‑Christoph Oetjen, Urmas Paet, Eugen Tomac, Lucia Yar, Dainius Žalimas
f’isem il-Grupp Renew
Mārtiņš Staķis
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-oppressjoni kontinwa u l-elezzjonijiet farsa fil-Belarussja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Ottubru 2020 u tad-19 ta’ Frar 2024 dwar il-Belarussja u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 u tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-1 ta’ Awwissu 2024 dwar il-ħelsien ta’ għadd ta’ priġunieri politiċi, u tas-26 ta’ Frar dwar l-elezzjonijiet parlamentari u lokali, u d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE tat-8 ta’ Awwissu 2023 dwar it-tielet anniversarju tal-elezzjonijiet presidenzjali frodulenti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta tan-NU, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u strumenti internazzjonali oħra relatati mad-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija parti għalihom,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tan-NU tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tal-25 ta’ Marzu 2024 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-kuntest tat-tħejjija għall-elezzjoni presidenzjali tal-2020 u warajha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tat-12 ta’ Ġunju 2023 dwar il-miżuri rakkomandati mill-Korp ta’ Tmexxija skont l-Artikolu 33 tal-Kostituzzjoni tal-ILO dwar is-suġġett tal-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi t-30 sena ta’ tmexxija awtoritarja ta’ Aliaksandr Lukashenka fil-Belarussja kienet ikkaratterizzata minn repressjoni sistematika tal-avversarji politiċi u dissens, inkluż l-għajbien furzat tal-kritiċi ta’ Lukashenka; billi mill-elezzjoni presidenzjali frodulenti ta’ Awwissu 2020, ir-reġim illeġittimu ta’ Lukashenka, bl-appoġġ tar-Russja, rażżan b’mod sistematiku lill-attivisti politiċi, is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati, il-ġurnalisti, l-artisti, il-mexxejja reliġjużi, it-trejdjunjonisti u gruppi oħra fil-Belarussja u barra mill-pajjiż, filwaqt li żamm għexieren ta’ eluf ta’ persuni detenuti arbitrarjament;
B. billi wara l-elezzjoni presidenzjali frodulenti tal-2020 u r-repressjoni brutali sussegwenti, l-UE u ħafna mis-sħab demokratiċi tagħha ma rrikonoxxewx ir-riżultati tal-elezzjonijiet jew lil Aliaksandr Lukashenka bħala mexxej leġittimu u President tal-Belarussja;
C. billi skont iċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem “Viasna”, aktar minn 1 250 priġunier politiku għadhom detenuti fil-Belarussja f’kundizzjonijiet li jipperikolawlhom ħajjithom, u ħafna minn dawn il-priġunieri jinsabu f’qagħda ta’ saħħa fraġli; billi diversi priġunieri politiċi mietu waqt li kienu detenuti, erbgħa minnhom fl-2024 biss; billi l-priġunieri politiċi jiffaċċjaw tortura, ċaħda ta’ kura medika, aċċess ristrett għal żjarat minn avukati u membri tal-familja, u reklużjoni; billi mis-sajf tal-2020 ’l hawn, 3 697 persuna ġew rikonoxxuti bħala priġunieri politiċi; billi fl-2024 biss, ġew dokumentati aktar minn 8 800 każ ta’ persekuzzjoni politikament motivata, fosthom arresti, detenzjonijiet, sensji u forom oħra ta’ repressjoni mmirati lejn priġunieri politiċi, il-familji u l-avukati tagħhom, attivisti, ġurnalisti, qassisin, tobba, Belarussi li jmorru lura pajjiżhom u oħrajn;
D. billi diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż l-OHCHR, iddokumentaw ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inklużi tortura, detenzjonijiet arbitrarji, priġunerija jew forom oħra ta’ privazzjoni severa tal-libertà fiżika, għajbien furzat, persekuzzjoni għal raġunijiet politiċi u trażżin tal-libertajiet, li skont id-dritt internazzjonali jammontaw għal delitti kontra l-umanità; billi f’Settembru 2024 il-Litwanja rreferiet is-sitwazzjoni fil-Belarussja lill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex jinvestiga ċerti delitti kontra l-umanità mwettqa mir-reġim ta’ Lukashenka;
E. billi r-reġim illeġittimu Belarussu qed jippjana li jorganizza elezzjonijiet presidenzjali foloz fis-26 ta’ Jannar 2025 u Lukashenka qed jipprova jikseb is-seba’ mandat tiegħu; billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Belarussja rreġistrat lil Lukashenka u lil erba’ “kandidati” pro forma oħra; billi l-kampanja elettorali presidenzjali attwali qed titwettaq f’ambjent ta’ repressjoni severa li tonqos milli tissodisfa anke l-istandards minimi għal elezzjonijiet demokratiċi; billi l-kandidati demokratiċi huma pprojbiti milli jipparteċipaw, il-libertà tal-media hija ristretta ħafna, il-votanti jiffaċċjaw intimidazzjoni, u n-nuqqas ta’ osservazzjoni elettorali indipendenti jkompli jdgħajjef il-leġittimità tal-proċess elettorali;
F. billi kemm l-elezzjonijiet parlamentari kif ukoll dawk lokali li saru fil-25 ta’ Frar 2024, u l-elezzjoni presidenzjali falza li jmiss skedata għas-26 ta’ Jannar 2025 huma eżempju tan-nuqqas ta’ rispett tar-reġim għan-normi demokratiċi peress li l-elezzjonijiet fil-Belarussja huma kkontrollati b’mod strett, fejn il-kandidati kollha jiġu approvati minn qabel mill-awtoritajiet, il-partiti demokratiċi jiġu eliminati u l-votanti ma jingħataw l-ebda għażla reali; billi l-kampanja elettorali kienet ikkaratterizzata mid-detenzjoni ta’ individwi involuti fil-kampanji presidenzjali tal-2020 ta’ kandidati oħra u minn rieda ċara li d-dissens jitrażżan b’mod aħrax;
G. billi skont iċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem “Viasna”, mill-inqas 360 persuna ġew detenuti bejn Lulju u Settembru 2024, u ħafna mexxejja demokratiċi, inklużi r-Rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi Ales Bialiatski, Maria Kalesnikava, Viktar Babaryka, Pavel Seviarynets, Siarhei Tsikhanouski, Mikalai Statkevich u oħrajn għadhom miżmuma l-ħabs; billi mill-inqas tmien priġunieri politiċi bħalissa jinsabu detenuti f’iżolament:
H. billi r-reġim ta’ Lukashenka żied il-pressjoni fuq il-persunal tal-missjonijiet diplomatiċi tal-Punent akkreditat fil-Belarussja kif ukoll fuq barranin oħra; billi Mikalai Khila, membru lokali tal-persunal tad-delegazzjoni tal-UE għall-Belarussja, inqabad mill-KGB Belarussu quddiem l-uffiċċju tad-delegazzjoni tal-UE, inżamm taħt arrest preventiv minn April 2024 u, f’Diċembru 2024, ġie kkundannat għal erba’ snin priġunerija; billi ġie elenkat bħala priġunier politiku miċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem “Viasna”; billi żewġ ċittadini Ġappuniżi reċentement ġew detenuti fuq akkużi foloz ta’ “attivitajiet ta’ aġent”;
I. billi fl-2024 Lukashenka ta l-maħfra lil aktar minn 200 priġunier politiku f’tentattiv biex jitneħħew xi sanzjonijiet tal-Punent; billi l-arresti politiċi għadhom għaddejjin minkejja dawn il-maħfriet, u fl-2024 biss, mill-inqas 1 721 individwu ġew ikkundannati fuq akkużi politiċi;
J. billi l-Federazzjoni tat-Trade Unions tal-Belarussja ilha infiltrata fl-istruttura tal-gvern tar-reġim ta’ Lukashenka u huwa maħsub li għandha rwol sinifikanti fl-organizzazzjoni tal-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet;
K. billi r-reġim Belarussu juża liġijiet kontra l-estremiżmu biex jostakola l-mezzi tal-media u, abbażi ta’ dan, il-biċċa l-kbira tal-media indipendenti ġiet ikklassifikata bħala “estremista” filwaqt li mill-inqas 45 rappreżentant tal-media sfaw detenuti, madwar 400 f’eżilju u oħrajn qed jiffaċċjaw fastidju u trattament ħażin; billi l-media indipendenti, bħal Belsat TV, Charter 97, Nexta, Radio Racyja, Radio Svaboda u oħrajn, għandhom rwol kruċjali biex jagħtu informazzjoni essenzjali u jservu bħala pjattaforma għall-ilħna demokratiċi; billi l-awtoritajiet Belarussi jużaw sorveljanza, ċensura online u diżinformazzjoni, li jeskalaw l-awtoritarjaniżmu diġitali u jimminaw il-prospetti għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti fl-2025; billi l-propagandisti Belarussi regolarment ixerrdu diżinformazzjoni dwar l-Istati Membri tal-UE u l-uffiċjali tagħhom u jrażżnu l-aċċess għall-informazzjoni;
L. billi mill-2020, aktar minn 500 000 Belarussu ġew imġiegħla jaħarbu mill-pajjiż u xi wħud għadhom qed jiffaċċjaw persekuzzjoni mir-reġim ta’ Lukashenka, inkluż permezz ta’ proċessi in absentia, theddid mill-forzi tas-sigurtà u pressjoni fuq il-qraba, konfiska tal-proprjetà u restrizzjonijiet oħra;
M. billi taħt Lukashenka, aktar minn 250 persuna kkundannati għall-mewt ġew iġġustizzjati; billi l-Belarussja tibqa’ l-uniku pajjiż fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali li żamm il-piena tal-mewt, u l-ambitu tagħha ġie estiż fl-2022 biex jinkludi atti ta’ terroriżmu definiti b’mod vag u fl-2023 biex jinkludi t-“tradiment kontra l-istat”;
N. billi l-miżuri repressivi fil-Belarussja qed jattakkaw dejjem aktar il-libertà reliġjuża, bl-adozzjoni reċenti tal-liġi dwar il-libertà tal-kuxjenza u l-organizzazzjonijiet reliġjużi toħloq theddida serja għad-drittijiet u l-eżistenza ta’ komunitajiet reliġjużi; billi din ir-repressjoni kellha wkoll fil-mira lil mexxejja reliġjużi, kif deher mis-sentenza reċenti ta’ qassis Kattoliku, ir-Reverendu Henrykh Akalatovich, għal 11-il sena ħabs fuq akkużi ffabbrikati ta’ tradiment għoli, liema sentenza tikkostitwixxi l-ewwel każ ta’ din ix-xorta kontra l-kleru Kattoliku fil-Belarussja;
O. billi r-reġim ta’ Lukashenka wera li huwa strumentali għal Putin billi pprovda lill-forzi Russi aċċess għat-territorju Belarussu sabiex titħejja l-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna; billi r-reġim ta’ Lukashenka jwettaq delitti kontra tfal Ukreni, inkluż billi jospita kampijiet ta’ riedukazzjoni għall-indottrinazzjoni politika u l-militarizzazzjoni; billi jassisti t-tentattivi mir-Russja u minn pajjiżi oħra biex jiddestabbilizzaw l-UE u jimminaw l-aspirazzjonijiet Ewropej fost il-ġirien tal-UE, b’mod partikolari billi jużaw il-migrazzjoni bħala arma fil-fruntieri tal-UE u jilleġittimizzaw ir-reġim awtokratiku ta’ Bidzina Ivanishvili fil-Georgia;
P. billi l-UE imponiet sanzjonijiet immirati fuq il-Belarussja b’reazzjoni għall-elezzjonijiet frodulenti tal-2020, il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, u l-kompliċità tal-Belarussja fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inklużi restrizzjonijiet kummerċjali u sanzjonijiet fuq 287 individwu, fosthom Lukashenka, u 39 entità;
Q. billi r-reġim ta’ Lukashenka, bl-għajnuna tar-Russja, jevita xi wħud minn dawn is-sanzjonijiet permezz tal-aċċess preferenzjali għas-suq u l-użu tal-infrastruttura Russa; billi r-rapporti jindikaw li BelAZ, produttur tat-trakkijiet Belarussu ssanzjonat, jevita s-sanzjonijiet billi jżarma t-trakkijiet fil-Belarussja u jittrasporta l-parts lejn l-UE biex jintramaw mill-ġdid taħt ismijiet ta’ ditti differenti;
1. Itenni li ma jirrikonoxxix l-elezzjoni ta’ Alexander Lukashenko għall-kariga ta' President tal-Belarussja; iqis ir-reġim attwali fil-Belarussja bħala illeġittimu, illegali u kriminali; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu għall-poplu Belarussu fl-insegwiment tiegħu tad-demokrazija, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem;
2. Jiddenunzja n-nuqqas ta’ libertà, ġustizzja u trasparenza qabel l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja u jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex kategorikament jirrifjutaw l-elezzjonijiet li ġejjin fil-Belarussja u l-kampanja ta’ tħejjija bħala foloz peress li dawn ma jissodisfawx l-istandards minimi internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex ikomplu ma jirrikonoxxux il-leġittimità ta’ Aliaksandr Lukashenka bħala president wara s-26 ta’ Jannar 2025, u jitlob li jsiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-Belarussja;
3. Jiddeplora l-ksur gravi li għaddej tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi fil-Belarussja, li kompla jintensifika matul it-tħejjija tal-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali; jikkundanna r-repressjoni sistematika fil-Belarussja, li tinkludi arresti arbitrarji, tortura, fastidju, trattament ħażin tad-detenuti, impunità persistenti u nuqqas ta’ rispett strutturali lejn proċessi ġusti u imparzjali; itenni t-talba tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-individwi kollha detenuti fil-Belarussja minħabba l-fehmiet politiċi tagħhom, kif ukoll li jiġu kkumpensati u jingħataw lura d-drittijiet tagħhom; jeżiġi li tintemm ir-repressjoni tal-avversarji politiċi u tal-pubbliku Belarussu;
4. Itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi biex jirrispettaw id-drittijiet tad-detenuti, jipprovdu kura medika u jagħtu aċċess għal avukati, familji u organizzazzjonijiet internazzjonali;
5. Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi, inklużi Maria Kalesnikava, Siarhei Tsikhanouski, Ales Bialiatski, Mikalai Statkevich, Mikalai Khila, Valiantsin Stefanovich, Maksim Znak, Viktar Babaryka, Ihar Losik, Andrzej Poczobut, Palina Sharenda-Panasiuk, Uladzimir Matskevich, Marfa Rabkova, Uladzimir Labkovich, Aliaksandr Yarashuk, Yana Pinchuk, Mikalai Bankou, Andrei Navitski, Henrykh Akalatovich, Uladzimir Kniha Dmitry Kuchuk, Pavel Seviarynets u oħrajn, li ħafna minnhom qed jiffaċċjaw kwistjonijiet tas-saħħa serji mingħajr aċċess għal kura medika xierqa u qed iġarrbu iżolament, trattament ħażin u tortura;
6. Iqis l-arrest u l-kundanna fuq akkużi politikament motivati ta’ Mikalai Khila, membru tal-persunal lokali tad-Delegazzjoni tal-UE f’Minsk, bħala ksur tal-prattiki diplomatiċi fil-konfront tal-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw malajr rispons kredibbli;
7. Ifaħħar ir-reżiljenza tas-soċjetà ċivili u tal-forzi demokratiċi Belarussi; itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Belarussja u l-appoġġ tiegħu għall-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għal futur demokratiku u Ewropew; jesprimi solidarjetà mal-forzi demokratiċi Belarussi u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu Belarussja sovrana, demokratika u prospera; jibqa’ impenjat li jaħdem mal-forzi demokratiċi, mas-soċjetà ċivili u mal-media indipendenti għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja;
8. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jinvestigaw l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja u jappoġġjaw miżuri ta’ akkontabbiltà, inkluż permezz ta’ ġuriżdizzjoni universali; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvestigaw, abbażi ta’ ġuriżdizzjoni universali, id-delitti kontra l-umanità mwettqa mir-reġim ta’ Lukashenka fil-Belarussja u fit-territorju tal-UE u, fuq l-eżempju tal-Litwanja, jirreferu s-sitwazzjoni fil-Belarussja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali għal investigazzjoni sa fejn ikun possibbli, u jikkunsidraw it-twaqqif ta’ tribunal internazzjonali għall-prosekuzzjoni tad-delitti tar-reġim ta’ Lukashenka; jistieden lill-Istati Membri jippermettu lill-avukati Belarussi li tkeċċew mir-reġim jipprattikaw fit-territorju tal-UE sabiex jipprovdu assistenza legali lill-Belarussi ppersegwitati;
9. Jenfasizza l-ħidma imprezzabbli mwettqa mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja li qed jimmonitorjaw, jiddokumentaw u jirrapportaw il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti kontra l-umanità li qed iseħħu fil-pajjiż, sabiex jiġu żgurati akkontabbiltà u ġustizzja sussegwenti għall-vittmi;
10. Itenni l-appell tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lill-priġunieri politiċi u lill-familji tagħhom, inkluż billi jitolbu prova ta’ fejn jinsabu l-priġunieri politiċi, jitolbu l-ħelsien tagħhom, jissimplifikaw il-proċeduri għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja biex jiksbu viżi u dokumenti tal-identità, u jipprovdu riabilitazzjoni u tipi oħra ta’ appoġġ; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri fil-Belarussja biex ikomplu josservaw u jimmonitorjaw il-proċessi tal-priġunieri politiċi kollha;
11. Jisħaq fuq l-importanza li l-Belarussi eżiljati jiġu protetti mill-persekuzzjoni mir-reġim ta’ Lukashenka u li jingħataw opportunitajiet biex jibqgħu u jaħdmu legalment fl-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqajmu l-kwistjoni tal-abbuż tal-mandati ta’ arrest internazzjonali fi ħdan l-Interpol u jistieden lill-pajjiżi kkonċernati ma jestradixxux liċ-ċittadini Belarussi li ħarbu mir-reġim u li se jiffaċċjaw persekuzzjoni meta jirritornaw il-Belarussja;
12. Jiddeplora l-fatt li l-miżuri repressivi fil-Belarussja espandew biex jinkludu attakki fuq il-libertà reliġjuża, permezz tal-adozzjoni tal-liġi dwar il-libertà tal-kuxjenza u l-organizzazzjonijiet reliġjużi, li tikser b’mod serju d-dritt fundamentali għal-libertà tar-reliġjon, tal-kuxjenza u tat-twemmin; iħeġġeġ lir-reġim ta’ Lukashenka jwaqqaf minnufih il-persekuzzjoni tal-komunitajiet reliġjużi u tal-knejjes;
13. Jitlob li jitkompla l-appoġġ tal-UE għall-forzi demokratiċi Belarussi, immexxija minn Sviatlana Tsikhanouskaya; itenni l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-forzi demokratiċi Belarussi, is-soċjetà ċivili, l-istudenti, il-ġurnalisti, il-mexxejja tat-trade unions, il-professjonisti eżiljati u oħrajn billi jingħataw viżi, boroż ta’ studju, għotjiet u opportunitajiet ta’ networking; iħeġġeġ lir-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi tal-Belarussja jżommu u jippromwovu l-għaqda;
14. Jiddenunzja l-kompliċità tar-reġim ta’ Lukashenka fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jikkundanna s-subordinazzjoni intenzjonata tal-Belarussja lir-Russja fl-hekk imsejjaħ stat ta’ unjoni li jinkludi sferi politiċi, ġeopolitiċi, ekonomiċi, militari u kulturali; itenni l-ħtieġa li jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-identità nazzjonali Belarussa u l-lingwa Belarussa, u li tiġi miġġielda d-distorsjoni u l-manipulazzjoni tal-istorja Belarussa mir-reġim ta’ Lukashenka kif ukoll mill-Kremlin u l-forzi bi prokura tiegħu;
15. Iħeġġeġ lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jwessgħu u jsaħħu s-sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet responsabbli għar-repressjoni fil-Belarussja u għall-parteċipazzjoni tal-Belarussja fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, filwaqt li jagħlqu l-lakuni tas-sanzjonijiet; jappella lill-UE tissanzjona lill-entitajiet Belarussi u lill-individwi responsabbli għax-xogħol furzat tal-priġunieri politiċi, kif ukoll l-oġġetti prodotti permezz ta’ dan ix-xogħol furzat;
16. Iħeġġeġ lill-UE u lis-sħab internazzjonali biex minnufih jidentifikaw, jiffriżaw u jsibu perkorsi legali biex jinqabdu l-assi tat-tmexxija Belarussa u tal-entitajiet Belarussi relatati involuti fl-isforz tal-gwerra tar-Russja, kif ukoll l-assi ta’ entitajiet u individwi li jmexxu l-hekk imsejħa kampanja elettorali ta’ Lukashenka, inkluża l-Federazzjoni tat-Trade Unions tal-Belarussja, bħal Yury Sianko, Hanna Varfalameyeva u Valery Kursevich; Jistieden lill-kumpaniji tal-UE u tal-Punent iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom fil-Belarussja;
17. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jqajmu l-kwistjoni tas-sitwazzjoni fil-Belarussja fl-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha, b’mod partikolari fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, fin-NU u fil-korpi speċjalizzati tagħha u fl-ILO, bl-għan li jissaħħaħ l-iskrutinju internazzjonali tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-azzjoni internazzjonali dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw dokumentazzjoni u akkontabbiltà kontinwi għad-delitti internazzjonali mwettqa mir-reġim ta’ Lukashenka, isaħħu l-eżami tal-OHCHR tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja billi jipprovdu appoġġ sħiħ lill-Grupp ta’ Esperti Indipendenti tan-NU dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Belarussja u billi jippreservaw il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja biex il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem jiġi mmonitorjat;
18. Jiddenunzja t-trasferiment illegali ta’ eluf ta’ tfal, inklużi orfni, minn żoni tal-Ukrajna okkupati mir-Russi għall-hekk imsejħa kampijiet ta’ rikreazzjoni fil-Belarussja, fejn huma soġġetti għal Russifikazzjoni u indottrinazzjoni; jikkundanna bil-qawwa l-involviment tas-Salib l-Aħmar tal-Belarussja fid-deportazzjoni illegali ta’ tfal Ukreni;
19. Jikkundanna bil-qawwa lir-reġim ta’ Lukashenka li qed juża l-migrazzjoni biex jiddestabbilizza l-Istati Membri tal-UE ġirien permezz ta’ flussi irregolari orkestrati, filwaqt li jikser id-drittijiet tal-bniedem, jisfrutta individwi vulnerabbli u jhedded l-istabbiltà reġjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu fuq rispons koordinat biex jiġġieldu din it-theddida ibrida filwaqt li jipproteġu l-fruntieri esterni tal-UE u d-drittijiet u s-sikurezza ta’ individwi vulnerabbli;
20. Iħeġġeġ lill-Belarussja tbiddel is-sentenzi tal-mewt kollha, timponi moratorju fuq il-piena kapitali u taħdem favur l-abolizzjoni permanenti tagħha;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Unjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern tal-Ġappun, lir-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi Belarussi u lill-awtoritajiet de facto Belarussi.