MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
22.1.2025 - (2024/2988(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B10‑0074/2025 (S&D)
B10‑0075/2025 (PPE)
B10‑0076/2025 (Verts/ALE)
B10‑0077/2025 (Renew)
B10‑0079/2025 (ECR)
Rasa Juknevičienė, Michael Gahler, Andrzej Halicki, Sebastião Bugalho, David McAllister, Siegfried Mureşan, Željana Zovko, Isabel Wiseler‑Lima, Nicolás Pascual de la Parte, Mika Aaltola, Krzysztof Brejza, Daniel Caspary, Sandra Kalniete, Seán Kelly, Ondřej Kolář, Łukasz Kohut, Andrey Kovatchev, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Danuše Nerudová, Mirosława Nykiel, Ana Miguel Pedro, Paulius Saudargas, Davor Ivo Stier, Michał Szczerba, Alice Teodorescu Måwe, Ingeborg Ter Laak, Matej Tonin, Pekka Toveri, Inese Vaidere, Milan Zver
f’isem il-Grupp PPE
Yannis Maniatis, Nacho Sánchez Amor, Thijs Reuten, Raphaël Glucksmann
f’isem il-Grupp S&D
Adam Bielan, Rihards Kols, Reinis Pozņaks, Jadwiga Wiśniewska, Roberts Zīle, Ondřej Krutílek, Veronika Vrecionová, Jaak Madison, Małgorzata Gosiewska, Cristian Terheş, Maciej Wąsik, Ivaylo Valchev, Aurelijus Veryga, Joachim Stanisław Brudziński
f’isem il-Grupp ECR
Bernard Guetta, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Dan Barna, Benoit Cassart, Olivier Chastel, Karin Karlsbro, Veronika Cifrová Ostrihoňová, Ľubica Karvašová, Ilhan Kyuchyuk, Michał Kobosko, Nathalie Loiseau, Jan‑Christoph Oetjen, Urmas Paet, Marie‑Agnes Strack‑Zimmermann, Eugen Tomac, Hilde Vautmans, Sophie Wilmès, Lucia Yar, Dainius Žalimas
f’isem il-Grupp Renew
Sergey Lagodinsky
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-tifkira tal-istorja,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fl-24 ta’ Frar 2022, ir-reġim Russu ddikjara l-bidu ta’ “operazzjoni militari speċjali” fl-Ukrajna bbażata fuq dikjarazzjonijiet foloz li kellu bżonn jipproteġi lill-popolazzjoni ċivili;
B. billi, fil-fatt, il-Federazzjoni Russa ilha twettaq gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna sa mill-24 ta’ Frar 2022, b’kontinwazzjoni ta’ aggressjonijiet preċedenti sa mill-2014, u qed tkompli tikser b’mod persistenti l-prinċipji tal-Karta tan-NU permezz tal-azzjonijiet aggressivi tagħha kontra s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tikser b’mod sfaċċat u serju d-dritt umanitarju internazzjonali, kif stabbilit mill-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949, b’mod partikolari permezz tal-użu massiv ta’ attakki mmirati kontra l-popolazzjoni ċivili, iż-żoni residenzjali u l-infrastruttura ċivili;
C. billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fir-riżoluzzjoni tagħha tat-2 ta’ Marzu 2022, ikkwalifikat il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna immedjatament bħala att ta’ aggressjoni bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, u, fir-riżoluzzjoni tagħha tal-14 ta’ Novembru 2022, irrikonoxxiet il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tinżamm responsabbli għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, kif ukoll legalment u finanzjarjament responsabbli għall-atti illegali tagħha fuq livell internazzjonali, u li r-Russja għandha tħallas għar-reparazzjonijiet għall-korrimenti u l-ħsarat ikkawżati;
D. billi l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna mhijiex att iżolat iżda kontinwazzjoni tal-politika imperjalistika tagħha, li inkludiet gwerra kontra ċ-Ċeċenja u aggressjoni militari kontra l-Georgia fl-2008, u l-okkupazzjoni tal-Krimea u l-bidu ta’ gwerra f’Donbas fl-2014;
E. billi l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira tar-Russja kontra l-pajjiż ġar tal-Ukrajna kien ippreċedut minn għadd ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-President tal-Federazzjoni Russa li kellhom l-għan li jiġġustifikaw l-użu tal-forza min-naħa tar-Russja permezz tar-reviżjoniżmu tal-istorja, asserzjonijiet foloz u talbiet illeġittimi għar-rikonoxximent tal-interessi esklużivi tagħha fl-Ukrajna u f’pajjiżi ġirien oħra;
F. billi r-reġim Russu beda jagħmel użu mifrux mid-diżinformazzjoni, inkluż abbażi ta’ argumenti mgħawġa tal-istorja, u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin b’tentattiv li jiġġustifika d-delitt tal-aggressjoni, biex jinstiga lill-popolazzjoni Russa sabiex tappoġġja r-reġim illegali tiegħu u l-gwerra illegali tiegħu ta’ aggressjoni kontra l-pajjiż ġar tal-Ukrajna, biex jinterferixxi fil-proċessi demokratiċi ta’ pajjiżi oħra u jnaqqas l-appoġġ fost il-popolazzjonijiet tagħhom favur assistenza u appoġġ internazzjonali kontinwi għall-Ukrajna fil-konfront tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; billi r-reġim Russu jiċħad l-identità nazzjonali distinta tal-Ukrajna, u jiddikjara b’mod falz li hija parti mid-“dinja Russa” (“Russkiy mir”), narrattiva li għandha l-għeruq tagħha fl-ideoloġija imperjalistika; billi r-Russja qed twaqqa’ l-imfakar ta’ Holodomor u fit-territorji okkupati tal-Ukrajna qed tirrestawra l-monumenti lil Lenin li kienu twaqqgħu;
G. billi r-Russja mhux biss naqset milli tirrikonoxxi r-rwol inizjali li ma jistax jinħafer tal-Unjoni Sovjetika fl-istadji bikrija tat-Tieni Gwerra Dinjija, pereżempju permezz tat-Trattat ta’ Non-Aggressjoni tal-1939 bejn il-Ġermanja Nażista u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (l-Unjoni Sovjetika) u l-protokolli sigrieti tiegħu, komunement imsejħa l-Patt Molotov-Ribbentrop tal-1939, li fih iż-żewġ reġimi totalitarji kkonfoffaw biex jaqsmu l-Ewropa fi sferi esklużivi ta’ influwenza, u naqset milli tassumi r-responsabbiltà tagħha għall-ħafna atroċitajiet u delitti tal-massa mwettqa fit-territorji okkupati mill-Unjoni Sovjetika, iżda r-reġim Russu attwali strumentalizza wkoll l-istorja u ħoloq kult ta’ “vittorja” rigward it-Tieni Gwerra Dinjija biex liċ-ċittadini jimmobilizzahom ideoloġikament u jimmanipulahom biex jappoġġjaw ġwerra ta’ aggressjoni illeġittima;
H. billi r-Russja żviluppat kampanja ta’ diżinformazzjoni dejjem tikber ta’ reviżjoniżmu tal-istorja bl-għan li ċċaħħad lill-Ukrajna mill-identità nazzjonali, l-istat u saħansitra l-eżistenza tagħha, u bl-għan li tiġġustifika l-pretensjonijiet tagħha għal sferi esklużivi ta’ influwenza, li jfakkruna f’kif l-Unjoni Sovjetika qablet mal-Ġermanja Nażista li tinvadi u tokkupa partijiet mill-Polonja u r-Rumanija kif ukoll l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Ukrajna fil-Patt Molotov-Ribbentrop; billi llum il-ġurnata, ir-Russja hija ta’ theddida partikolari għall-Polonja u l-Istati Baltiċi u s-sovranità tagħhom permezz ta’ dan it-tip ta’ reviżjoniżmu tal-istorja;
I. billi Jum il-Vitttorja, iċċelebrat kull sena fid-9 ta’ Mejju, inbidel mir-reġim Russu attwali f’għodda ta’ propaganda tal-gwerra fir-Russja, billi sfrutta n-narrattiva tal-“liberazzjoni tal-Ewropa min-Nażiżmu” u b’hekk injora l-okkupazzjoni Sovjetika sussegwenti tal-Istati Baltiċi u s-sovjugazzjoni tal-Ewropa ċentrali; billi din in-narrattiva ta’ liberazzjoni min-Nażiżmu qed tintuża llum fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;
J. billi f’xi Stati Membri, is-simboli komunisti, kif ukoll is-simboli tal-aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa, huma pprojbiti bil-liġi; billi mill-2009, it-23 ta’ Awwissu ġie mfakkar fl-UE kollha bħala l-Jum Ewropew ta’ Tifkira għall-Vittmi tar-Reġimi Totalitarji u Awtoritarji kollha; billi mill-2003 ’l hawn, il-Parlament organizza kommemorazzjoni annwali għall-vittmi tad-deportazzjonijiet Sovjetiċi tal-massa;
1. Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod qawwi possibbli, tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, illegali u inġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna; jistieden lir-Russja ttemm immedjatament l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira kompletament u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi kollha, il-forzi bi prokura kollha u t-tagħmir militari kollu mit-territorju kollu rikonoxxut fuq livell internazzjonali tal-Ukrajna, ittemm id-deportazzjonijiet furzati tal-popolazzjoni ċivili Ukrena u teħles lill-Ukreni kollha detenuti u deportati, u t-tfal b’mod partikolari;
2. Jirrifjuta d-diversi allegazzjonijiet li saru mir-reġim Russu bħala tentattivi ineffettivi biex jiġġustifika gwerra ta’ aggressjoni illegali li tikkostitwixxi ksur sfaċċat tal-Karta tan-NU u tar-responsabbiltà tal-Federazzjoni Russa bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li żżomm il-paċi u l-istabbiltà u li ġiet rikonoxxuta immedjatament bħala tali mill-membri permanenti l-oħra tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU flimkien ma’ maġġoranza kbira ħafna tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; ifakkar li l-ebda kunsiderazzjoni – tkun xi tkun in-natura tagħha, kemm jekk politika, ekonomika, militari, storika jew ta’ tip ieħor – ma tista’ sservi ta’ ġustifikazzjoni għall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;
3. Jikkundanna l-falsifikazzjoni sistematika min-naħa tar-reġim Russu u l-użu li dan qed jagħmel ta’ argumenti storiċi mgħawġa, bħal dawk relatati mal-Patt Molotov-Ribbentrop, fit-tentattiv tiegħu li jimmanipula l-opinjoni pubblika Russa biex tappoġġja azzjonijiet kriminali bħall-gwerra illegali ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, biex idgħajjef l-appoġġ u l-assistenza internazzjonali għall-Ukrajna u biex iħassar l-identità kulturali u storika distinta tal-Ukrajna; jiddenunzja l-pretensjoni tar-Russja li hija intitolata għal żoni ta’ interess esklużiv għad-detriment tas-sovranità u l-integrità territorjali ta’ stati oħra bħala inkompatibbli mad-dritt internazzjonali;
4. Jikkundanna n-nuqqas tal-Federazzjoni Russa li tistabbilixxi r-responsabbiltà għad-delitti Sovjetiċi u l-ostakolar intenzjonat tagħha tar-riċerka storika billi ċaħdet l-aċċess għall-arkivji Sovjetiċi u għalqithom, kif ukoll il-fatt li ppromulgat leġiżlazzjoni li tikkriminalizza r-rappreżentazzjoni veritiera tad-delitti Sovjetiċi u Russi u ppersegwitat l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li investigaw id-delitti Sovjetiċi, u glorifikat it-totalitarjaniżmu Stalinista u ħolqot mill-ġdid il-metodi tiegħu; isostni li l-impunità u n-nuqqas ta’ edukazzjoni u ta’ dibattitu storiku u pubbliku preċiżi mil-lat fattwali kkontribwew biex ir-reġim Russu attwali jkun kapaċi jerġa’ jqajjem il-politiki imperjalisti u jistrumentalizza l-istorja għall-finijiet kriminali tiegħu; jikkundanna wkoll il-persekuzzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jinvestigaw id-delitti Sovjetiċi jew id-delitti tar-reġim attwali, inkluża l-likwidazzjoni ta’ International Memorial, il-Memorial Human Rights Defence Centre (iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem “Memorial” u l-Grupp Helsinki ta’ Moska, kif ukoll l-għeluq furzat taċ-Ċentru Sakharov;
5. Ifakkar li l-attakki intenzjonati tal-Federazzjoni Russa fuq il-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna, il-qerda tal-infrastruttura ċivili, l-użu tat-tortura, tal-vjolenza sesswali u tal-istupru bħala armi tal-gwerra, id-deportazzjoni ta’ eluf ta’ ċittadini Ukreni lejn it-territorju tal-Federazzjoni Russa, it-trasferiment u l-adozzjoni b’mod furzat ta’ tfal Ukreni, u ksur serju ieħor tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu delitti tal-gwerra li tagħhom l-awturi kollha jeħtieġ li jinżammu responsabbli;
6. Itenni, għaldaqstant, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-investigazzjoni li għaddejja mill-Prosekutur tal-QKI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, abbażi tal-allegati delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju; jilqa’ l-adezjoni formali tal-Ukrajna fil-QKI mill-1 ta’ Jannar 2025 bħala kontribut importanti għall-isforzi internazzjonali biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għad-delitti internazzjonali serji; jitlob lill-UE tagħmel aktar sforzi diplomatiċi biex tħeġġeġ ir-ratifika tal-Istatut ta’ Ruma u l-emendi kollha tiegħu fuq livell globali;
7. Barra minn hekk itenni l-appell tiegħu biex jitwaqqaf tribunal speċjali sabiex jinvestiga u jipprosegwixxi d-delitt ta’ aggressjoni mwettaq mit-tmexxija tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna sabiex jipprovdu l-appoġġ politiku, finanzjarju u prattiku kollu meħtieġ biex jiġi stabbilit tribunal speċjali; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għaċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna, ibbażat f’The Hague u li jappoġġja l-isforzi attwali tal-Iskwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta, bħala l-ewwel pass konkret biex jiġi stabbilit it-tribunal speċjali;
8. Jappella bil-qawwa lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jżidu u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom, inkluż ma’ sħab tal-istess fehma, biex jiġġieldu, b’mod rigoruż u minnufih, id-diżinformazzjoni Russa u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin sabiex jipproteġu l-integrità tal-proċessi demokratiċi tagħhom u jsaħħu r-reżiljenza tas-soċjetajiet Ewropej, fost l-oħrajn billi jippromwovu b’mod attiv il-litteriżmu medjatiku u billi jappoġġjaw il-media u l-ġurnaliżmu professjonali ta’ kwalità, b’mod partikolari l-ġurnaliżmu investigattiv li jikxef il-propaganda Russa, kif ukoll il-metodi u n-networks tagħha u billi jappoġġjaw ir-riċerka f’teknoloġiji ġodda ta’ influwenza ibrida;
9. Jitlob lill-UE tespandi s-sanzjonijiet tagħha kontra l-mezzi tal-media Russi li jippromwovu kampanji ta’diżinformazzjoni u manipulazzjoni ta’ informazzjoni li jappoġġjaw u jiġġustifikaw il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawn is-sanzjonijiet malajr u bir-reqqa u jiddedikaw biżżejjed riżorsi biex jindirizzaw b’mod effettiv din il-gwerra ibrida; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-media indipendenti Russa li jinsabu fl-eżilju sabiex jippermettu vuċijiet diversi fil-media bil-lingwa Russa;
10. Jesprimi tħassib serju dwar l-avviżi reċenti mit-tmexxija tal-kumpaniji tal-media soċjali rigward l-illaxkar tar-regoli tagħhom dwar il-verifika tal-fatti u l-moderazzjoni u kif dan se jkompli jippermetti l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tar-Russja madwar id-dinja; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinfurzaw b’mod strett l-Att dwar is-Servizzi Diġitali b’reazzjoni għal dawn l-avviżi minn Meta u aktar kmieni minn X, inkluż bħala parti importanti mill-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni Russa;
11. Jappella liċ-ċittadini tal-UE biex jevalwaw b’mod kritiku l-informazzjoni billi joqogħdu attenti għall-oriġini u l-intenzjonijiet tagħha, b’mod partikolari meta din tirrigwarda narrattivi marbuta mar-Russja, u jagħmlu kontroverifika tal-fatti billi jagħmlu użu minn sorsi varjati u affidabbli sabiex jirreżistu għat-tentattivi ta’ manipulazzjoni minn atturi malinni barranin;
12. Jikkundanna l-isfruttament tar-reliġjon Ortodossa minn Moska għal skopijiet ġeopolitiċi, b’mod partikolari permezz tal-istrumentalizzazzjoni tal-Knisja Ortodossa Russa (il-Patrijarkat ta’ Moska) bħala għodda biex tinfluwenza u teżerċita kontroll fuq il-popolazzjonijiet Ortodossi fl-Ukrajna, fil-Georgia, fil-Moldova, fis-Serbja u f’pajjiżi oħra;
13. Iwieġeb għad-dikjarazzjoni tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna tat-2 ta’ Mejju 2023 dwar l-ideoloġija tar-“Ruxxiżmu” billi jikkundanna l-ideoloġija, il-politika u l-prattiki imperjalisti nazzjonalisti tar-reġim Russu attwali; jenfasizza l-inkompatibbiltà ta’ tali ideoloġija u politika u dawn il-prattiki mad-dritt internazzjonali u mal-valuri Ewropej;
14. Jemmen li t-tentattivi tar-Russja li tirrappreżenta ħażin, tirrevedi u tgħawweġ l-istorja tal-Ukrajna jimminaw il-memorja kollettiva u l-identità tal-Ewropa kollha kemm hi u jirrappreżentaw theddida għall-verità storika, il-valuri demokratiċi u l-paċi fl-Ewropa; jappella lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jinvestu aktar fl-edukazzjoni u fir-riċerka dwar l-istorja komuni tal-Ewropa u t-tifkira Ewropea, u sabiex jappoġġjaw proġetti li jippromwovu fehim aħjar tal-impatt tad-diviżjoni tal-Ewropa matul il-Gwerra Bierda; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-bini ta’ mafkar pan-Ewropew fi Brussell għall-vittmi tar-reġimi totalitarji tas-seklu 20; jiddispjaċih dwar l-użu kontinwu ta’ simboli ta’ reġimi totalitarji fi spazji pubbliċi u jitlob projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-użu tas-simboli kemm Nażisti u kemm komunisti Sovjetiċi, kif ukoll fuq is-simboli tal-aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna;
15. Jesprimi x-xewqa tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu għarfien u fehim aħjar tat-tbatija umana tal-Ewropej ikkawżata mir-reġim Sovjetiku matul is-seklu 20; f’dan ir-rigward, jitlob it-tifkira u r-rispett għall-vittmi tad-delitti Sovjetiċi, bħad-deportazzjonijiet tal-massa, inkluż tal-poplu Tatar tal-Krimea u mill-pajjiżi Baltiċi, is-sistema tal-Gulag, il-Holodomor, massakri bħall-massakru ta’ Katyn, u t-traġedja tas-Silesia ta’ Fuq;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna u lill-istituzzjonijiet Russi.