Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B10-0230/2025Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B10-0230/2025

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-prosekuzzjoni tal-ġurnalisti fil-Kamerun, b’mod partikolari l-każijiet ta’ Amadou Vamoulké, Kingsley Fomunyuy Njoka, Mancho Bibixy, Thomas Awah Junior u Tsi Conrad

2.4.2025 - (2025/2627(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 150(5) u l-Artikolu 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B10‑0230/2025 (The Left)
B10‑0232/2025 (Verts/ALE)
B10‑0233/2025 (S&D)
B10‑0235/2025 (Renew)
B10‑0236/2025 (PPE)
B10‑0237/2025 (ECR)

Sebastião Bugalho, Tomáš Zdechovský, Michael Gahler, Isabel Wiseler‑Lima, Michał Wawrykiewicz, Tomas Tobé, Luděk Niedermayer, Seán Kelly, Vangelis Meimarakis, Andrey Kovatchev, Wouter Beke, Danuše Nerudová, Loránt Vincze, Jessica Polfjärd, Łukasz Kohut, Antonio López‑Istúriz White, Miriam Lexmann, Inese Vaidere
f’isem il-Grupp PPE
Yannis Maniatis, Francisco Assis, Marta Temido
f’isem il-Grupp S&D
Waldemar Tomaszewski, Małgorzata Gosiewska, Sebastian Tynkkynen, Joachim Stanisław Brudziński, Assita Kanko, Alexandr Vondra, Ondřej Krutílek, Veronika Vrecionová, Adam Bielan
f’isem il-Grupp ECR
Jan‑Christoph Oetjen, Oihane Agirregoitia Martínez, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Dan Barna, Olivier Chastel, Engin Eroglu, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Ilhan Kyuchyuk, Marie‑Agnes Strack‑Zimmermann, Hilde Vautmans, Lucia Yar
f’isem il-Grupp Renew
Catarina Vieira
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Rima Hassan
f’isem il-Grupp The Left

Proċedura : 2025/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B10-0230/2025
Testi mressqa :
RC-B10-0230/2025
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prosekuzzjoni tal-ġurnalisti fil-Kamerun, b’mod partikolari l-każijiet ta’ Amadou Vamoulké, Kingsley Fomunyuy Njoka, Mancho Bibixy, Thomas Awah Junior u Tsi Conrad

(2025/2627(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 150(5) u l-Artikolu 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-libertà tal-istampa fil-Kamerun qed tiddeterjora; billi l-Kostituzzjoni Kamerunjana tirrikonoxxi l-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet fundamentali; billi l-ġurnalisti jiġu regolarment detenuti, attakkati, iċċensurati u mitfugħa l-ħabs fuq akkużi ta’ aġir kontra l-Istat, ta’ malafama kriminali, ta’ disseminazzjoni ta’ aħbarijiet foloz u ta’ ritaljazzjoni huma u jirrapportaw dwar il-kriżi fir-reġjuni tal-Kamerun li jitkellmu bl-Ingliż;

B. billi l-Kamerun jirrikorri għal perjodi twal ta’ detenzjoni preventiva u arbitrarja; billi l-ġurnalisti jiġu detenuti f’iżolament u jingħataw kundanni minn qrati militari, fost ksur serju ieħor tad-dritt għal proċess ġust u imparzjali;

C. billi l-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura, Freedom House u l-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti dan l-aħħar irrapportaw li l-pulizija, il-ġendarmi u aġenti oħra tal-gvern tal-Kamerun arrestaw lill-ġurnalisti, iddetenewhom, attakkawhom fiżikament u intimidawhom u li, ladarba jkunu detenuti, il-ġurnalisti spiss jisfaw ittrattati ħażin, ittorturati u maqtula;

D. billi Tsi Conrad, Mancho Bibixy, Kingsley Fomunyuy Njoka u Thomas Awah Junior huma ġurnalisti li rrapportaw dwar is-sitwazzjoni fir-reġjuni tal-Kamerun li jitkellmu bl-Ingliż, inkluż dwar abbużi mwettqa matul il-kunflitt armat u l-inkwiet ċivili attwali; billi Amadou Vamoulké, ġurnalista li jinsab fi stat ħażin ta’ saħħa, ġie kkundannat għal 32 sena ħabs għall-ġestjoni indipendenti tiegħu tal-organiżmu statali tax-xandir;

E. billi l-ġurnalisti Martinez Zogo, Jean-Jacques Ola Bebe, Samuel Wazizi u Anye Nde Nsoh sfaw maqtula bejn Awwissu 2019 u Mejju 2023, u mistoqsijiet serji dwar l-obbligu ta’ rendikont għadhom mingħajr tweġiba;

F. billi l-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Kamerun;

1. Jikkundanna l-ksur strutturali tad-drittijiet tal-bniedem tal-ġurnalisti min-naħa tal-awtoritajiet Kamerunjani, jistieden lil dawk l-awtoritajiet jiżguraw ir-rispett tal-libertà tal-istampa, b’mod partikolari fil-fażi ta’ tħejjija għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-Kamerun tal-2025, u jħeġġiġhom jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Amadou Vamoulké, lil Kingsley Fomunyuy Njoka, lil Mancho Bibixy, lil Thomas Awah Junior u lil Tsi Conrad u jiżguraw, sadanittant, ir-rispett tad-drittijiet bażiċi tagħhom u l-aċċess tagħhom għal trattament mediku;

2. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jqajmu l-każijiet tal-ġurnalisti detenuti mal-awtoritajiet Kamerunjani; jistieden lill-UE tuża l-influwenza diplomatika u ekonomika tagħha biex tikseb titjib tanġibbli fid-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun;

3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri jirreaġixxu b’mod attiv għar-restrizzjonijiet kontra l-ġurnalisti, inkluż billi jiżguraw osservazzjoni komprensiva tal-proċessi, iżuru lill-ġurnalisti li jinsabu detenuti u jżommu kuntatt attiv mal-ġurnalisti emarġinati jew f’sitwazzjoni ta’ riskju u mal-familji u l-kollegi tagħhom;

4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kamerunjani jieqfu jgħaddu liċ-ċivili minn proċessi fil-qrati militari, liema prattika ma hijiex konformi mad-dritt internazzjonali, u jwaqqfu r-rikors abbużiv tagħhom għal akkużi ta’ terroriżmu, ta’ aġir kontra l-Istat u ta’ disseminazzjoni ta’ aħbarijiet foloz fil-proċedimenti kontra l-ġurnalisti;

5. Jistieden mill-ġdid lill-Istati Membri jappoġġjaw missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni fil-Kamerun min-naħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, b’mod partikolari fid-dawl tal-kunflitt fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ;

6. Jistieden lill-Istati Membri jaġevolaw l-applikazzjonijiet għal viża umanitarja għall-ġurnalisti tal-Kamerun li jinsabu f’riskju ta’ persekuzzjoni;

7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kamerun.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' April 2025
Avviż legali - Politika tal-privatezza