MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KOMUNI
30.1.2006
- –José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, José Ribeiro e Castro, Gerardo Galeote Quecedo, João de Deus Pinheiro, Charles Tannock, Antonio Tajani, u Camiel Eurlings, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano, u Raimon Obiols i Germà, f'isem il-Grupp PSE
- –Cecilia Malmström, f'isem il-Grupp ALDE
- –Michał Tomasz Kamiński, f'isem il-UEN
- –PPE-DE (B6‑0075)
- –UEN (B6‑0079/06)
- –PSE (B6‑0081/06)
- –ALDE (B6‑0082/06)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni ta' l-UE fir-rigward tal-gvern Kuban
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni f'Kuba, u partikularment ir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2004,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar is-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2004.
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-14 ta' Diċembru 2005 dwar in-Nisa Lebsin l-Abjad (Damas de Blanco) kif ukoll id-Dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Presidenza ta' Marzu 2003 u tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar is-sitwazzjoni f'Kuba,
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni ta' l-UE 96/697/CFSP dwar Kuba, li ġiet adottata fit-2 ta' Diċembru 1996 u mġedda perjodikament,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. Billi d-difiża ta' l-universalità u l-indiviżabbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, għadha waħda mill-oġġettivi prinċipali ta' l-Unjoni Ewropea,
B. Billi għexieren ta' ġurnalisti indipendenti, dissidenti paċifiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jagħmlu parti mill-oppożizzjoni demokratika, u li fil-maġġoranza tagħhom huma marbuta mal-proġett Varela, għadhom qed jinżammu l-ħabs, f'kundizzjonijiet inumani, uħud minnhom morda serjament, u li ħafna minnhom huma qraba tan-Nisa Lebsin l-Abjad.
C. Billi l-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov 2005 għal-Libertà tal-Kuxjenza lin-Nisa Lebsin l-Abjad, lil Hauwa Ibrahim u lill-organizzazzjoni internazzjonali "Ġurnalisti bla Fruntieri".
D. Billi r-reġim Kuban ċaħad li jħalli lin-Nisa Lebsin l-Abjad milli jattendu għaċ-ċerimonja tar-riċeviment tal-Premju Sakharov 2005 ġewwa s-sede tal-Parlament Ewropew, u b'hekk kiser wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-persuna, li huwa l-libertà li persuna tidħol u toħroġ liberament minn pajjiżha, kif rikonoxxut b'mod ċar fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.
E. Billi l-awtoritajiet Kubani naqsu milli jsegwu t-talbiet u l-istruzzjonijiet tal-President tal-PE u ta' entitajiet oħra Ewropej, minkejja li segwew il-proċeduri kollha neċessarji sabiex in-Nisa Lebsin l-Abjad ikunu jistgħu jirċievu l-Premju.
F. Billi, bl-istess mod, ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2002 tal-Parlament Ewropew, Oswaldo Payà Sardiñas, kien imċaħħad sistematikament mil-libertà li joħroġ minn Kuba u li jattendi għall-istedina li saritlu mill-Parlament Ewropew u minn entitajiet oħra ta' l-Unjoni Ewropea,
G. Billi tul is-sena 2005 ma ġie reġistrat l-ebda ħelsien ta' priġunieri ta' kuxjenza ġewwa Kuba, u li n-numru ta' priġunieri politiċi mhux talli ma naqasx, imma kiber b'mod sustanzjali.
1. Jinnota b'dispjaċir li min-naħa ta' l-awtoritajiet Kubani, ma ntwerewx sinjali importanti li l-Unjoni Ewropea fittxet b'rabta mar-rispett sħiħ tal-libertajiet fundamentali, partikularment il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni politika, u jikkundanna iż-żieda fir-ripressjoni u fin-numru ta' priġunieri ta' kuxjenza;
2 Iqis li ma' jistax ikun li f'Kuba, hemm nies li għadhom qed jiġu mitfugħa u miżmuma l-ħabs minħabba ideali u attivitajiet politiċi paċifiċi, u jitlob għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri ta' kuxjenza politiċi kollha; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jieħdu kull azzjoni neċessarja f'dan ir-rigward;
3. Jikkundanna l-projbizzjoni tal-vjaġġ għan-Nisa Lebsin l-Abjad, iż-żieda fir-ripressjoni tal-oppożizzjoni paċifika u l-priġuneriji ġodda u jsostni li dawn l-atti jaħdmu kontra t-tama għal titjib fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, li huma l-oġġettiv prinċipali tat-tibdil fil-pożizzjoni komuni introdott mill-Kunsill f'Jannar 2005, u jitlob lill-Kunsill li jaħdem fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi;
4. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jadottaw l-inizjattivi kollha neċessarji biex jesiġu l-ħelsien tal-priġunieri politiċi, u t-twaqqif immedjat ta' kull abbuż kontra l-oppożizzjoni politika u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jinsisti li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem għandha tkun partikularment imsemmija minn kull żjara Ewropea ta' livell għoli;
6. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani li immedjatament jagħtu permess lin-Nisa Lebsin l-Abjad li joħorġu minn Kuba biex ikunu jistgħu jattendu għall-istedina tal-Parlament Ewropew, u jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Parlament biex jagħmel dak kollu li hu neċessarju sabiex ir-rebbieħa ikunu jistgħu jirċievu l-Premju Sakharov direttament;
7. Jirrepeti l-istedina tiegħu lil Oswaldo Payá Sardiñas, li rebaħ il-Premju Sakharov 2002 tal-Parlament Ewropew, u jesiġi lill-awtoritajiet Kubani li jawtorizzaw il-vjaġġ tiegħu lejn l-Ewropa sabiex ikun jista' jiltaqa' ma' l-Istituzzjonijiet Komunitarji;
8. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari tar-Repubblika ta' Kuba, kif ukoll lin-Nisa Lebsin l-Abjad u lil Oswaldo Payá Sardiñas, rebbieħa tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew.