Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0095/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0095/2006

MOZZJONI KONĠUNTA GĦAL RIŻOLUZZJONI

8.2.2006

biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Doris Pack f'isem il-Grupp PPE-DE,
dwar il-prospetti għall-Bożnja-Ħerzegovina

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0095/2006
Testi mressqa :
RC-B6-0095/2006
Testi adottati :

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bożnja-Ħerzegovina, partikularment dik dwar l-Istat ta' Integrazzjoni Reġjonali fil-Balkani tal-Punent adottata fl-14 ta' April 2005, ir-riżoluzzjoni dwar l-operazzjoni militari 'Althea' ta' l-UE fil-Bożnja-Ħerzegovina, u r-riżoluzzjoni dwar il-Balkani: 10 snin wara Srebrenica, adottata fis-7 ta' Lulju 2005,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-progress li sar fil-Bożnja-Ħerzegovina fl-implimentar tal-prijoritajiet identifikati fl-"Istudju ta' Fattibilità dwar kemm il-Bożnja-Ħerzegovina hija lesta biex tinnegozja Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea (COM(2003) 692 finali)" (COM(2005)0529),

-  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet fi ħdan is-Sħubija Ewropea mal-Bożnja-Ħerzegovina (15267/05), b'mod partikulari l-prijoritajiet fuq medda qasira u medja ta' żmien identifikati bħala rekwiżiti politiċi,

-  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni ta' l-2005 dwar l-istrateġija għat-tkabbir (COM(2005)0561),

-   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM 2006)27 finali) tas-27 ta' Jannar 2006 dwar: il-Balkani tal-Punent fi triqtha lejn l-UE: it-tisħiħ ta' l-istabbilità u żieda fil-prosperità (PSE ind 7),

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-aġenda ta' Thessaloniki fasslet perspettiva ċara għall-integrazzjoni Ewropea u tiddikjara b'mod ċar li l-ġejjieni tal-Balkani tal-Punent huwa fl-Unjoni Ewropea, malli jintlaħqu l-kriterji stabbiliti, u l-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa l-fażi inizjali (A: Verts+ALDE+4 ind PES)

B.  billi tingħata attenzjoni għall-fatt li l-UE bdiet negozjati mal-Bożnja-Ħerzegovina fil-25 ta' Jannar 2006 lejn Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u li l-Unjoni Ewropea tkompli tippreżenta ruħha bħala sieħba ta' fiduċja għall-pajjiżi ġirien tagħha, impenjata li tippromwovi demokraziji stabbli u ekonomiji f'saħħithom fil-perspettiva ta' integrazzjoni ma' l-UE, speċjalment fil-Balkani tal-Punent (PPE-ED A mod)

C.  billi l-bidu tan-negozjati żied il-pressjoni li ssir riforma istituzzjonali u li jinħolqu istituzzjonijiet statali għal kollox effiċjenti, trasparenti u stabbli li jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni u l-implimentar tal-livelli u l-valuri ta' l-UE fil-leġiżlazzjoni (B:ALDE mod);

E.  billi titqies l-urġenza li tiġi żviluppata amministrazzjoni statali u ġudikatura effiċjenti, it-twaqqif ta' sistemi ta' edukazzjoni moderni u li ma joħolqux segregazzjoni u, fl-aħħarnett, il-promozzjoni ta' miżuri inklużivi soċjali u ekonomiċi għal dawk li jirritornaw fil-Bożnja-Ħerzegovina u, ġeneralment, il-ħtieġa li l-isforzi qawwija ta' riforma jkomplu jiżdiedu sabiex tinħoloq iktar kompettività fl-ekonomija;(EPP-ED B mod)

F.  billi minkejja l-progress kbir li sar f'ħafna oqsma, il-pajjiż għadu maqsum skond linji etniċi stretti u l-proċess ta' rikonċiljazzjoni għadu ma tlestiex;(UEN F)

G.  billi bdew it-taħdidiet bejn il-forzi politiċi ewlenin Bożnijaċi bil-ħsieb li tiġi emendata l-kostituzzjoni wara t-Taħdidiet ta' Brussell tat-12 u t-13 ta' Novembru 2005, u d-Dikjarazzjoni ta' Washington tal-21 ta' Novembru 2005 f'konsultazzjoni ma' l-Istitut ta' l-Istati Uniti għall-Paċi (US Institute for Peace); billi dawn it-taħdidiet li huma mistennija li jaslu fi tmiemhom f'Marzu li ġej għandhom iwasslu għal mudell kostituzzjonali u istituzzjonali li gradwalment għandu jimxi 'l bogħod minn firdiet etniċi u jirrikonoxxi d-drittijiet individwali minflok id-drittijiet kollettivi; (I Verts modifikat)

H.  billi jitqies li l-Bożnja-Ħerzegovina mhux se tkun kapaċi tasal għall-inkorporazzjoni ta' l-acquis ta' l-UE u l-integrazzjoni ma' l-UE meħtieġa bil-qafas istituzzjonali attwali, għalkemm sar progress sinifikanti, inkluż it-twaqqif ta' istituzzjonijiet ġodda fuq livell ta' stat; (PPE-DE F modifikat)

I.  billi jitqies li r-Rappreżentant Għoli l-ġdid li nħatar, li huwa bniedem minn ta' ġewwa fil-pajjiż, iddikjara li issa huwa kruċjali li l-Bożnja-Ħerzegovina titħejja għall-integrazzjoni Ewropea u li jsir enfasi fuq l-iżvilupp ekonomiku; (PPE-DE H modifikat)

J.  billi n-NATO temmet b'suċċess il-missjoni tal-Forza ta' Stabilizzazzjoni (SFOR) u r-responsabilità waqgħet fuq l-UE fit-2 ta' Diċembru 2004 u nediet l-Operazzjoni Althea EUFOR;(PES D)

K.  billi l-Presidenza Awstrijaka poġġiet ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent fost il-prijoritajiet tagħha u qiegħda tippjana li tiftaħ diskussjoni sostanzjali dwar il-Balkani tal-Punent matul laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin fl-10 u l-11 ta' Marzu f'Salzburgu;(PES J)

1.  Jilqa' l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) u jagħmel enfasi li l-pass tan-negozjati jiddipendi fuq il-ħila li jkollhom it-tliet komunitajiet ewlenin fil-pajjiż - il-Bożnijaċi, is-Serbi u l-Kroati - biex jaqblu fuq skeda ta' riformi u jiddipendi wkoll fuq il-ħila tal-pajjiż li jimplimentawhom; (PES 1)

2.  Jinnota l-falliment, f'nofs Jannar 2006, tat-taħdidiet mibdija minn Organizzazzjoni mhux Governattiva Amerikana, bejn il-kapijiet Serbi, Kroati u Bożnijaċi tal-partiti politiċi dwar ir-reviżjoni ta' wħud mill-mekkaniżmi kostituzzjonali, għalkemm waslu parzjalment għal ftehima dwar it-tisħiħ tas-setgħat tal-Prim Ministru u dwar l-espansjoni tal-gvern ċentrali. (PPE-DE 1)

3.  Jitlob lill-Gvern, lill-Parlament u lill-partijiet kollha involuti fil-Bożnja-Ħerzegovina biex ikomplu t-taħdidiet b'mod dinamiku, biex jibnu fuq dak li diġà ftiehmu fuqu, dwar riformi istituzzjonali possibbli, li għandhom jimmiraw lejn l-inklużjoni tal-valuri tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza taċ-ċittadini tal-Bożnja-Ħerzegovina bejniethom stess, lejn is-simplifikazzjoni ta' l-istrutturi statali u l-konsolidazzjoni ta' l-awto-sostenibilità ta' l-Istat, u b'hekk tingħeleb il-firda etnika fi spirtu li jassumu responsabilità tagħhom infushom (local ownership).(PPE-DE 2 mod)

4.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinvolvu ruħhom b'mod iktar attiv fir-riflessjoni komuni dwar ir-riformi istituzzjonali billi jappoġġjaw il-forzi politiċi u ċ-ċittadini tal-pajjiż fl-isforzi tagħhom biex jaslu għal kunsens (PES 2 parti minnha modifikata)

5.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill biex jaħtar lil Christian Schwartz-Schilling bħala r-Rappreżentant Speċjali/Rappreżentant Għoli ta' l-UE għall-Bożnja-Ħerzegovina u jħeġġeġ lilu u lill-Kummissjoni biex isibu mezzi kif jipprovdu l-għajnuna neċessarja politika, teknika u ġuridika lill-kapijiet Bożnijaċi fl-isforzi tagħhom biex jiffurmaw mill-ġdid il-qafas istituzzjonali attwali; (1. Verts modifikat)

6.  Jissottolinja li l-pass tar-riformi u l-implimentazzjoni tagħhom se tkun determinata mill-ħila tal-persuni involuti fil-politika domestika biex jassumu responsabilità tagħhom u jieħdu r-riedni tal-proċess politiku ta' pajjiżhom f'idejhom; isejjaħ ir-Rappreżentant Speċjali/Rappreżentant Għoli ġdid ta' l-UE biex irażżan l-użu tas-setgħat tiegħu sabiex b'hekk iħeġġeġ l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet domestiċi li huma ġenwinament b'saħħithom u demokratiċi; (2. ALDE)

7.  Ifakkar fl-importanza għall-Bożnja-Ħerzegovina li jkun hemm tranżizzjoni riżoluta mill-binja tal-paċi għall-binja ta' stat, li magħha tappartjeni l-evoluzzjoni kostituzzjonali; ifakkar li l-pass li bih jimxu n-negozjati SAA jiddipendi b'mod partikulari mill-progress li jsir fl-iżvilupp ta' qafas legali tajjeb u amministrazzjoni pubblika effiċjenti (PPE-DE 5)

8.  Iwissi partikularment l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet kompetenti tal-pajjiż biex jonoraw l-impenji tagħhom fl-implimentazzjoni u l-ikkompletar, skond il-kontenut u l-iskeda miftiehma, tar-riformi fix-xandir pubbliku, fil-pulizija, fid-difiża u fl-intelliġenza u l-impenji tagħhom fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġijiet neċessarji (PPE-DE 6 modifikata)

9.  Jikkonferma mill-ġdid li kooperazzjoni sħiħa ma' l-ICTY hija pre-kundizzjoni għal relazzjonijiet iktar fil-qrib ma' l-UE u element bażiku għal rikonċiljazzjoni sħiħa bejn il-komponenti kollha differenti fis-soċjetà Bożnijaka bil-għan li l-feriti mit-traġedji tal-passat reċenti jitfejqu, (M Verts modifikat)

10.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-gvern biex imexxu 'l quddiem sforzi mġedda u serji biex jikkompletaw il-proċess tar-ritorn tar-refuġjati u persuni spustati, speċjalment mill-aspett ta' l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet li jgħinu biex ir-ritorn ikun sostenibbli (sikurezza ta' l-individwi, aċċess għall-għajnuna għar-rikostruzzjoni, ix-xogħol, il-kura tas-saħħa, il-pensjonijiet, l-utilitajiet, u l-edukazzjoni); f'dan ir-rigward jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun ta' Posavina u jitlob li l-għajnuna xierqa tkun mogħtija lil dawk li jixtiequ jirritornaw (PPE-DE 7)

11.  Jissottolinja li r-riforma kostituzzjonali mhijiex pre-kundizzjoni fiha nnifisha u ma tistax tiġi imposta iżda l-konklużjoni tan-negozjati SAA se tirrikjedi l-implimentazzjoni sħiħa tal-kundizzjonijiet kollha stipulati fid-dokument dwar sħubija Ewropea (PPE-DE 8 modifikata)

12.  Jappoġġja l-inizjattiva biex tiġi stabbilita Kummissjoni tal-Verità u r-Rikonċiljazzjoni bl-iskop li jiġu aċċettati l-iżbalji tal-passat reċenti u tittieħed azzjoni rigward il-problemi ta' ġustizzja u rikumpens bil-għan li ssir rikonċiljazzjoni bejn il-komponenti kollha fis-soċjetà Bożnijaka; (7. Verts)

13.  Jenfasizza li l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, li se jsiru f'Ottubru 2006, se jkunu kruċjali għall-ġejjieni tal-Bożnja-Ħerzegovina u għall-progress fi triqtha lejn l-integrazzjoni Ewropea, u jsejjaħ il-mexxejja politiċi, il-partiti u l-awtoritajiet kollha biex ilestu ruħhom u jadottaw ir-riformi neċessarji u biex jieħdu l-miżuri kollha biex jiggarantixxu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u demokratiċi (PES 10 modifikat)

14.  Jilqa' r-riformi fil-pulizija, fid-difiża, fil-VAT u fix-xandir pubbliku; jenfasizza l-ħtieġa għal pjan ta' azzjoni komprensiv għar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika li jkollu l-ħila jogħla l-kapaċità għall-implimentazzjoni tar-riformi; isejjaħ għat-tlestija u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni xieraq għal kontra l-korruzzjoni, u l-implimentazzjoni mgħaġġla tal-liġi tal-VAT u r-riforma tal-pulizija (12.PES)

15.  Jindika l-fatt li r-reviżjoni funzjonali tal-pulizija, iffinanzjata mill-UE, ikkonfermat li l-livell ta' reati klassiċi fil-Bożnja-Ħerzegovina huwa baxx ħafna u li l-persentaġġ ta' reati solvuti huwa pjuttost għoli;

16.  Jitlob lill-gvern biex jagħti aktar kas tal-ħtiġijiet speċjali fl-inħawi rurali u biex jaħdem mal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' riforma identifikata meħtieġa għal politika ta' l-iżvilupp effiċjenti ta' l-agrikoltura u l-inħawi rurali.

17.  Jilqa' l-komunikazzjoni ġdida tal-Kummissjoni dwar il-Balkani tal-Punent li għandha l-iskop biex tħeġġeġ il-kummerċ, l-iżvilupp ekonomiku, iċ-ċaqliq ta' persuni, l-edukazzjoni u r-riċerka, il-kooperazzjoni reġjonali u d-djalogu fis-soċjetà ċivili bħala pass ieħor 'l quddiem fl-integrazzjoni tal-pajjiżi tar-reġjun fl-istrutturi Ewropej; (5. Verts)

18.  Itenni s-sejħiet tiegħu għal kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi tar-reġjun fil-kontroll tal-fruntieri, bħala parti minn strateġija usa' għar-reġjun fi ħdan il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ta' l-UE, u jħares 'l quddiem lejn it-tnaqqis progressiv fir-rekwiżiti għal viża li jġib miegħu dan il-proċess; (6. (ALDE)

19.  Jilqa' l-ftehima ffirmata ftit taż-żmien ilu bejn il-Kroazja, il-Bożnja-Ħerzegovina u s-Serbja-Montenegro dwar ir-ritorn tar-refuġjati u l-kumpensi ta' proprjetà, bħala pass importanti lejn soluzzjoni tal-konsegwenza ta' xi tliet miljun refuġjat u persuni spustati internament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jkomplux inaqqsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għar-rikostruzzjoni ta' djar u għal proġetti ta' tisħiħ ekonomiku u, fejn ikun possibbli, jikkundizzjonaw id-donazzjonijiet, is-self u l-investimenti għall-opportunitajiet ta' impjiegi għal dawk li jirritornaw; (9.GUE)

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jinforma b'din ir-riżoluzzjoni il-Gvern tal-Bożnja-Ħerzegovina u l-gvernijiet ta' l-entitajiet tiegħu, lir-Rappreżentant Għoli tal-Bożnja-Ħerzegovina, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ta' l-UE u l-Istati Membri ta' l-UE.