Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0136/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0136/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

15.2.2006

biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Elmar Brok, Gunnar Hökmark, Gitte Seeberg, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra u João de Deus Pinheiro f'isem il-Grupp PPE-DE
minn Martin Schulz, Poul Nyrup Rasmussen, Martine Roure, Hannes Swoboda, Jan Marinus Wiersma, Pasqualina Napoletano f'isem il-Grupp PSE
minn Graham Watson, Karin Riis Jorgensen, Jean-Marie Cavada, Annemie Neyts, Jeanine Hennis-Plasschaert, Sophie in't Veld u Sarah Ludford, f'isem il-Grupp ALDE
minn Daniel Cohn-Bendit u Monica Frassoni f'isem il-Grupp Verts/EFA
mis-Sna Muscardini u s-Sur Szymanski f'isem il-Grupp UEN
minn Jens-Peter Bonde f'isem il-Grupp IND/DEM

Proċedura : 2006/2525(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0136/2006

dwar id-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni u r-rispett għat-twemminiet reliġjużi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni u r-rispett għat-twemmin reliġjużi

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura, (ALDE inċiż 1)

- wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikoli 10 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 6 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, (ALDE inċiż 4)

- wara li kkunsidra l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, (EPP inċiż 4)

- wara li kkunsidra r-reazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli Solana, tal-President tal-Parlament Ewropew Borell u tal-Presidenza Awstrijaka, kif ukoll l-istqarrija konġunta tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tas-Segretarju Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika, (PSE inċiż 3)

A.  billi l-libertà ta' l-espressjoni, tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon hija msemmija fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem; (Premessa A tal-Grupp tal-Ħodor, modifikata)

B.  billi dawn il-libertajiet huma parti fundamentali mill-iżvilupp tad-demokraziji Ewropej kif ukoll mis-separazzjoni ċara bejn l-istat u r-reliġjon; (Premessa B tal-Grupp tal-Ħodor)

C.  billi l-protesti vjolenti f'diversi nħawi tad-dinja huma indirizzati lejn Stati Membri individwali ta' l-UE u lejn dik li nsejħulha d-dinja tal-Punent kollha, u billi l-protesti kienu kkawżati mill-pubblikazzjoni privata ta' karikaturi li ma kinux komunikazzjonijiet minn ebda stat; (Premessa A ta' l-EPP)

D.  billi dan wassal għal protesti, bojkotts mill-konsumatur u tan-negozju kif ukoll għal inkwiet vjolenti madwar id-dinja, b'mod partikulari f'pajjiżi Iżlamiċi, li ftit minnu kien organizzat minn qabel; (Premessa C ta' l-ALDE modifikata)

E.  billi l-maġġoranza l-kbira ta' popli fl-UE, kif ukoll f'pajjiżi affettwati minn dawn il-ġrajjiet mhux f'waqthom, jittamaw li jkun hemm djalogu u relazzjoni paċifika bbażata fuq ir-rispett u t-tolleranza reċiproka, u billi huma biss l-gruppi li jopponu dan li jieħdu vantaġġ mill-iżviluppi reċenti; (Premessa B ta' l-EPP)

F.  billi l-karikaturi li kkawżaw il-protesti ma jgħinux id-djalogu li l-UE bdiet biex jinbnew rabtiet interkulturali u interreliġjużi, u billi l-Unjoni Ewropea tibqa' marbuta bis-sħiħ li tkompli tiżviluppa u ssaħħaħ ir-rabtiet mal-pajjiżi affettwati fi spirtu ta' koperazzjoni reċiproka u ta' viżjoni komuni għal relazzjonijiet imsaħħa; (Premessa C ta' l-EPP modifikata)

G.  billi midja ħielsa u indipendenti hija rekwiżit essenzjali għar-rispett sħiħ tad-dritt tal-libertà ta' l-espressjoni u li ssaħħaħ il-prinċipju tad-demokrazija li fuqu hija mwaqqfa l-Unjoni; (Premessa D ta' l-ALDE)

1.  jiddefendi l-libertà ta' l-espressjoni bħala valur fundamentali ta' l-UE; iqis li l-libertà ta' l-espressjoni trid tkun użata b'responsabilità minn kull individwu u b'rispett għad-drittijiet u għas-sentimenti ta' l-oħrajn; jirrikonoxxi li biex jinstab bilanċ għal dawn l-interessi kollha hemm bżonn ta' dibattitu kontinwu f'ambjent demokratiku; (Premessa 1 tal-PSE modifikata)

2.  jitlob li dawk kollha li jgawdu mil-libertà ta' l-espressjoni jkollhom ir-rieda li jappoġġaw il-valuri fundamentali ta' l-UE - demokrazija, pluraliżmu, tolleranza - u li ma jabbużawx minn din il-libertà billi jipprovokaw il-mibegħda reliġjuża jew billi jxerrdu ideat ksenofobiċi u razzisti bl-għan li jeskludu persuni jkunu xi jkunu l-għeruq jew it-twemminiet reliġjużi tagħhom; (Premessa 2 tal-PSE modifikata)

3.  ifakkar li l-libertà ta' l-espressjoni, tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon hija mħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem; (Paragrafu 2 ta' l-EPP modifikat)

4.  jemmen li l-libertà ta' l-espressjoni dejjem għandha tkun użata b'responsabilità u b'rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għas-sentimenti u t-twemminiet reliġjużi, kemm jekk tikkonċerna r-reliġjon Iżlamika, Kristjana, Lhudija jew kwalunkwe reliġjon oħra; (Paragrafu 4 ta' l-EPP modifikat)

5.  jistqarr li l-libertà ta' l-espressjoni u l-indipendenza ta' l-istampa bħala drittijiet universali ma jistgħux jiddgħajfu minn ebda individwu jew grupp li jħossu offiż minn dak li qiegħed jintqal jew jinkiteb; fl-istess ħin jesprimi r-rispett tiegħu għal dawk li ħassewhom offiżi mill-karikaturi tal-Profeta Mohammed iżda jinnota li rimedju għal kwalunkwe offiża possibbli jista' jintalab permezz tal-qorti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea eżistenti; (Paragrafu 1 tal-Grupp tal-Ħodor)

6.  jikkundanna bl-iktar mod qawwi l-ħruq ta' l-ambaxxati ta' Stati Membri ta' l-UE, kif ukoll it-theddidiet kontra ċittadini ta' l-UE; jiddeplora n-nuqqas ta' gvernijiet li jwaqqfu l-vjolenza milli sseħħ u li gvernijiet oħra ttolleraw attakki vjolenti; jitlob li l-pajjiżi li fihom seħħew dawn l-inċidenti juru biċ-ċar u fil-prattika li inċidenti bħal dawn ma jkunux aċċettati fil-futur; jitlob lill-istati kollha biex jonoraw l-obbligazzjonijiet tagħhom skond il-Konvenzjoni ta' Vjenna; (Paragrafu 2 ta' l-ALDE modifikat + paragrafu 9 ta' l-EPP modifikat)

7.  jinnota li ħafna pajjiżi li fihom seħħet il-vjolenza u d-dimostrazzjonijiet dwar il-karikaturi huma pajjiżi fejn il-libertà ta' l-espressjoni, il-libertà tal-kelma u l-libertà ta' għaqda m'humiex permessi b'mod regolari; (Paragrafu 10 tal-Grupp tal-Ħodor, modifikat)

8.  jilqa' l-istqarrijiet u l-isforzi ta' dawk il-mexxejja tal-komunitajiet Musulmani Ewropej u fid-dinja Għarbija li kkundannaw bil-qawwa l-attakki vjolenti fuq ambaxxati u l-ħruq ta' bnadar; (Paragrafu 7 tal-Grupp tal-Ħodor, modifikat)

9.  jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' ġurnalisti fil-Ġordan, fl-Eġittu u fl-Alġerija li b'kuraġġ reġgħu stampaw u kkummentaw b'mod kritiku dwar il-karikaturi; jikkundanna l-arrest tagħhom bil-qawwa u jħeġġeġ lill-gvernijiet rispettivi biex jeħilsuhom mill-akkużi kollha; Paragrafu 12 tal-Grupp tal-Ħodor, modifikat + paragrafu ġdid)

10.  jenfasizza li bojkott kontra Stat Membru huwa l-kuntrarju tal-fatt li ftehimiet ta' negozju dejjem isiru ma' l-UE kollha kemm hi; (Paragrafu 10 ta' l-EPP modifikat)

11.  jesprimi l-appoġġ sħiħ u s-solidarjetà tiegħu mad-Danimarka u l-pajjiżi u l-popli li ġew affettwati f'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli u li qatt ma kien hemm bħalhom; ifakkar fil-klawżola ta' solidarjetà fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; (Paragrafu 4 ta' l-ALDE, modifikat)

12.  jappoġġa lill-forzi demokratiċi kollha - politiċi, midja u soċjetà ċivili - li jħabbtu wiċċhom ma' u li qed jiġġieldu kontra reġimijiet reliġjużi awtoritarji jew oppressivi; (Paragrafu 6 ta' l-ALDE)

13.  jikkundanna l-qtil tar-Reverendu Santoro minn fanatiċi reliġjużi fit-Turkija kif ukoll l-imwiet tal-vittmi l-oħra kollha tal-vjolenza reċenti; (Paragrafu 3 ta' l-UEN, modifikat)

14.  jiddispjaċih ħafna li jidher li hemm gruppi estremisti organizzati li jaħsbu li huwa ta' vantaġġ li jkabbru t-tensjonijiet preżenti u li jużaw il-karikaturi bħala skuża biex ixewxu n-nies għall-vjolenza; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni fil-pajiżi konċernati għandha opinjoni differenti u tistinka għall-paċi, għall-istabilità u għall-iskambju kulturali milli għall-kaos u l-vjolenza; (Paragrafu 7 ta' l-EPP)

15.  jiddispjaċih għall-propaganda anti-Semitika u anti-Lhudija li reġgħet bdiet tiżdied f'xi pajjiżi Għarab u fl-Iran; jinnota li f'dawn il-pajjiżi jkunu stampati regolarment karikaturi degradanti u umiljanti dwar il-Lhud, u b'hekk juru li ma japplikawx l-istess standards għall-komunitajiet reliġjużi kollha; (Paragrafu 13 tal-Grupp tal-Ħodor)

16.  jappella biex jerġa' jkun hemm ambjent ta' djalogu kostruttiv u paċifiku u jitlob li r-responsabbli lokali, politiċi u reliġjużi jimpenjaw ruħhom biex iwaqqfu dawn l-atti vjolenti; (Paragrafu 6 tal-PSE)

17.  iqis li l-promozzjoni tad-djalogu inter-kulturali u inter-reliġjuż u l-progress tar-rispett u t-tolleranza reċiproka hija sfida dejjem sejra għad-dinja globalizzata; (Paragrafu 7 ta' l-ALDE)

18.  jemmen bis-sħiħ li l-iżvilupp ta' dawn il-passi se jużaw il-qafas ta' koperazzjoni u djalogu mal-pajjiżi msieħba Mediterranji u Ażjatiċi; (Paragrafu 9 ta' l-ALDE)

19.  ifakkar li l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (APEM) hija l-forum ideali biex nikkoperaw ma' l-imsieħba tagħna tan-nofsinhar tal-Mediterran għal soċjetà demokratika, pluralista, tolleranti u mwaqqfa fuq valuri tad-drittijiet tal-bniedem; f'dan il-kuntest, ifaħħar id-dikjarazzjoni tal-Bureau ta' l-APEM u jitlob li s-sessjoni tax-xahar ta' Marzu tieħu ħsieb din il-problema b'mod prijoritarju; (Paragrafu 7 tal-PSE)

20.  jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-gvernijiet u l-parlament ta' l-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika u l-Lega Għarbija (Pargrafu 10 ta' l-ALDE)