Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B6-0189/2006

Testi mressqa :

RC-B6-0189/2006

Dibattiti :

PV 22/03/2006 - 12
CRE 22/03/2006 - 12

Votazzjonijiet :

PV 23/03/2006 - 11.9
CRE 23/03/2006 - 11.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI KONĠUNTA GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 125kWORD 93k
20.3.2006
PE 371.615v01-00}
PE 371.619v01-00}
PE 371.625v01-00}
PE 371.629v01-00} RC1
 
B6-0189/2006}
B6-0192/2006}
B6‑0198/2006}
B6‑0202/2006} RC1
skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura, imressqa minn
   Giles Chichester, Paul Rübig, Jacek Emil Saryusz-Wolski u Alejo Vidal-Quadras Roca, f'isem il-Grupp PPE-DE
   Robert Goebbels, Reino Paasilinna, Mechtild Rothe u Pasqualina Napoletano, f'isem il-Grupp tal-PSE
   Lena Ek, Fiona Hall, Anne Laperrouze, Patrizia Toia u Vittorio Prodi, f'isem il-Grupp ALDE
   Konrad Szymański, Cristiana Muscardini, Umberto Pirilli, Guntars Krasts u Inese Vaidere, f'isem il-Grupp UEN
li tieħu post il-mozzjonijiet imressqa minn dawn il-gruppi:
   ALDE (B6‑0189/2006)
   UEN (B6‑0192/2006)
   PPE-DE (B6‑0198/2006)
   PSE (B6‑0202/2006)
dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sigurtà fil-provvista ta' l-enerġija għandha titqies bħala fattur essenzjali tal-kunċett tas-sigurtà globali u għandha impatt li dejjem qed jiżdied fuq is-sigurtà ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-Kummissjoni adottat il-'Green Paper' tagħha dwar Strateġija Ewropea għall-Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sikura (COM(2006) 105),

C.  billi hemm tliet obbjettivi ewlenin għall-politika ta' l-UE dwar l-enerġija: is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u l-ħarsien ta' l-ambjent,

D.  billi d-dipendenza ta' l-UE-25 fuq l-importazzjoni ta' l-enerġija hija ta' 48% (2002) u din hija mistennija togħla għal 71% sa l-2030, jekk ma tittieħed ebda miżura ulterjuri, u billi ċ-ċertezza dwar il-provvista hija waħda mill-aktar kundizzjonijiet importanti għas-sigurtà ta' l-enerġija,

E.  billi l-importazzjoni tissodisfa 76.6% tad-domanda ta' l-UE għaż-żejt, 53% tad-domanda għall-gass, 35.4% tad-domanda għall-faħam u kważi 100% tad-domanda għall-uranju u prodotti ta' l-uranju,

F.  billi l-konsum ta' enerġija primarja fl-UE-25 fl-2005 kien l-ekwivalenti ta' 1700 miljun tunnellata ta' żejt (Mtoe), li minnu 38% kien ta' żejt, 18% ta' faħam jew fjuwils solidi, 15% ta' fjuwils nukleari, u 6% ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu (RES),

G.  billi l-konsum finali ta' enerġija fl-UE-25 fl-2004 kien ta' 28% fis-settur industrijali, 31% fit-trasport u 41% f'użu domestiku f'bini;

H.  billi l-produzzjoni gross ta' l-elettriku fl-UE-25 hija 31% nukleari, 25% minn fjuwil solidu (il-biċċa l-kbira faħam), 18% mill-gass, 14% minn sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, u 5% miż-żejt;

I.  billi l-intensità ta' l-enerġija fl-UE-25 tbaxxiet b'mod regolari sabiex fl-2004 kienet meħtieġa bejn wieħed u ieħor 70% ta' l-enerġija li fl-1980 kienet meħtieġa għall-unit ta' produzzjoni ekonomika; billi l-konsum totali ta' enerġija primarja fl-UE-25 qed jikber b'rata medja ta' 0.8% fis-sena, ekwivalenti għal 0.5% 'per capita' fis-sena, matul l-istess perjodu,

J.  billi 59% taż-żejt ikkunsmat fl-Ewropa fl-2004 ntuża mis-settur tat-trasport, 17% ntuża f'użu domestiku f'bini, 16% f'użu li m'għandux x'jaqsam ma' enerġija u 8% ntuża fl-industrija; billi d-domanda għall-enerġija fis-settur tat-trasport hija mistennija mill-Kummissjoni li tiżdied mill-anqas bi 30% sa l-2030, b'żjieda sa 5% fis-sena għat-trasport bl-ajru,

K.  billi 29% tal-gass ikkunsmat fl-UE-25 fl-2004 ntuża għall-produzzjoni ta' l-elettriku, waqt li l-71% li jifdal intuża f'produzzjoni mhix elettrika (industrija, djar, u oħrajn),

L.  billi d-domanda għall-faħam fl-UE ilha tonqos għal ħafna snin, id-dipendenza fuq l-importazzjoni hija diġà ta' 50% u qiegħda togħla meta mqabbla mal-konsum tal-faħam,

M.  billi tlettax-il Stat Membru jipproduċu elettriku permezz tan-nukleari u billi ċerti Stati Membri ddikjaraw politika favur it-tneħħija ta' l-enerġija nukleari,

N.  billi fil-preżent is-suq ta' l-enerġija fl-UE mhuwiex integrat u mhux kompetittiv biżżejjed,

O.  billi l-UE stipulat miri sabiex iżżid is-sehem ta' konsum ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu minn 6% għal 12%, u għal 22.1% għall-produzzjoni ta' l-elettriku u għal 5.75% għal fjuwils, sa l-2010; billi dawn il-miri jistgħu jintlaħqu jekk l-Istati Membri kollha jadattaw il-politiki tagħhom,

P.  billi l-UE adottat id-Direttiva ta' l-Effiċjenza ta' l-Użu Finali ta' l-Enerġija u s-Servizzi ta' Enerġija li tirrikjedi li l-Istati Membri jfasslu sensiela ta' pjanijiet ta' azzjoni li jistipulaw strateġiji ta' ffrankar ta' enerġija matul id-disa' snin li ġejjin,

Q.  billi s-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu huma fil-parti l-kbira tagħhom sorsi indiġeni u li jistgħu jintużaw fis-setturi kollha, jiġifieri fl-elettriku, tisħin u tkessiħ, u trasport,

R.  billi skond l-aħħar Eurobarometer dwar l-Enerġija, kważi nofs iċ-ċittadini ta' l-UE (48%) jemmnu li l-gvern nazzjonali tagħhom għandu jiffoka fuq l-iżvilupp ta' l-użu ta' l-enerġija mix-xemx, segwiti mill-41% li huma favur il-promozzjoni ta' riċerka avvanzata għal teknoloġiji ġodda ta' enerġija, u l-31% favur l-iżvilupp ta' enerġija mir-riħ, filwaqt li r-regolazzjoni li tnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt (23% favur), u l-iżvilupp ta' l-użu ta' l-enerġija nukleari (12%) huma mogħtija anqas importanza miċ-ċittadini,

S.  billi l-UE għandha tapprofitta ruħha mill-potenzjal kbir tagħha li tiffranka l-enerġija fis-setturi kollha, inkluż it-trasport, kif ukoll li tiżviluppa sorsi u teknoloġiji ġodda ta' enerġija li jiġġeddu,

T.  billi l-enerġija hija riżors importanti għat-tkabbir ekonomiku, għall-impjiegi u għall-iżvilupp soċjali u billi ntoppi fil-provvista ta' l-enerġija jistgħu joħolqu instabbilità u jistgħu jheddu l-paċi,

NITKELLMU B'VUĊI WAĦDA

1.  Jilqa' l-'Green Paper' il-ġdida tal-Kummissjoni dwar politika għall-Ewropa dwar enerġija sikura, kompetittiva u sostenibbli; madankollu jinnota li l-'Green Paper' ma tipproponix obbjettivi ġodda jew lanqas ma tressaq proposti konkreti li jirrispondu għas-sejħiet riċenti għal politika komuni dwar l-enerġija, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżguraw proċess politiku mgħaġġel sabiex tintlaħaq politika Ewropea dwar l-enerġija aktar ambizzjuża, li tikkonkludi pjan ta' azzjoni konkret kemm jista' jkun malajr; jitlob li l-Parlament Ewropew ikun ikkonsultat bis-sħiħ f'dan il-proċess;

2.  Jinnota li l-'Green Paper' tonqos li tindirizza setturi importanti li jiddependu ħafna fuq sorsi ta' enerġija impurtati, b'mod partikulari t-trasport u l-avjazzjoni; jikkunsidra li l-'Green Paper' hija anqas ambizzjuża fir-rigward tat-trasport milli huwa r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-CARS-21;

3.  Jinnota li t-tilwim riċenti dwar il-prezzijiet tal-gass bejn ir-Russja u l-ġirien tagħha, iżda wkoll iż-żjieda riċenti fil-prezz taż-żejt mhux raffinat, urew il-vulnerabilità tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-enerġija; jinnota li l-politika dwar l-enerġija fis-sens strett tal-frażi għandha tkun marbuta mal-politika barranija u ta' sigurtà; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrispondi għas-sejħiet riċenti għal politika komuni dwar l-enerġija;

4.  Jistieden lill-UE sabiex tieħu l-inizjattiva biex tistabbilixxi koperazzjoni wiesa' mal-pajjiżi kollha li jikkonsmaw ħafna żejt u gass - l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-ekonomiji emerġenti kbar bħall-Indja u ċ-Ċina - sabiex titfassal strateġija komprensiva u globali bil-għan li torganizza l-aspett tad-domanda, u sabiex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex ikun hemm kontrobilanċ għall-oligopolija fl-aspett tal-produzzjoni; jinsisti li din l-istrateġija għandha wkoll tippromwovi l-aħjar teknoloġiji għall-iffrankar u l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-użu ta' sorsi alternattivi ta' enerġija;

5.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' relazzjonijiet politiċi tajbin mal-pajjiżi sħab ta' l-UE li l-aktar jipprovdulha enerġija, b'mod partikulari n-Norveġja, li għadha t-tielet l-akbar produttur ta' żejt fid-dinja u li toffri provvista stabbli ta' enerġija u li għandha wkoll rekord ta' relazzjonijiet tajba mar-Russja fis-settur ta' l-enerġija;

6.  Jaqbel mal-Kunsill li viżjoni komuni ta' strateġija dwar is-sigurtà tal-provvista għandha tirrispetta d-differenzi ġeografiċi, ekonomiċi, reġjonali, klimatiċi u strutturali ta' l-Istati Membri;

7.  Jistieden lil kull Stat Membru ta' l-UE sabiex iħejji pjan prospettiv ta' enerġija bbażat fuq tbassir f'terminu medju u fit-tul ta' l-immaniġjar tal-provvista u d-domanda tiegħu, u jgħid b'liema mezzi biħsiebu juża sabiex ilaħħaq mad-domanda għall-enerġija, kemm f'termini ta' produzzjoni nazzjonali u ta' importazzjoni ta' enerġija, waqt li jiddikjara l-effetti ta' dan il-bilanċ fir-rigward ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

8.  Jenfasizza li politika attiva favur riformi demokratiċi, l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u l-progress soċjali fil-pajjiżi produtturi ta' enerġija u dawk b'faċilitajiet ta' transitu tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-istabbilità politika fit-tul, li hija neċessarja għas-sigurtà fil-provvista u d-distribuzzjoni ta' l-enerġija;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jipproponu sistema ta' medjazzjoni rikonoxxuta f'livell internazzjonali għal każijiet ta' konflitti u tilwim li jirrigwardaw il-kunsinna u d-distribuzzjoni ta' l-enerġija; jemmen li l-UE tista' tibda dan il-proċess billi tiżviluppa sistema ta' medjazzjoni bħala parti mill-politika tagħha mal-ġirien kif ukoll ma' pajjiżi fornituri ewlenin oħrajn, u tista' tippromwovi b'mod attiv din is-sistema ta' medjazzjoni b'mod globali; għaldaqstant l-UE għandha tiżviluppa mudell ta' metodu għall-immaniġġjar internazzjonali tad-distribuzzjoni ta' l-enerġija;

10.  Jisħaq fuq l-importanza li fid-diplomazija l-ġdida dwar l-enerġija ta' l-UE jiġi inkluż djalogu kostruttiv mal-konsumaturi ewlenin kollha ta' l-enerġija, u b'mod speċjali ma' l-ekonomiji emerġenti, dwar l-effiċjenza u l-konservazzjoni ta' l-enerġija bil-ħsieb li jistabbilixxu standards ta' effiċjenza minimi li jiġu armonizzati fuq bażi ta' fażijiet, għal prodotti globali bħal karozzi, apparat elettriku, apparat elettroniku għall-konsumatur u tagħmir ta' l-uffiċċju, u biex jippromwovu fuq livell globali l-integrazzjoni ta' l-ambjent fid-deċiżjonijiet dwar it-trasport u l-enerġija;

SOLIDARJETÀ FL-UE

11.  Jisħaq li element essenzjali ta' politika ta' l-enerġija komuni għandu jkun solidarjetà msaħħa bejn l-Istati Membri sabiex jindirizzaw diffikultajiet li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà fiżika ta' l-infrastruttura u s-sigurtà tal-provvista; minbarra dan, iqis li solidarjetà msaħħa bħal din tqawwi konsiderevolment il-kapaċità ta' l-UE li tiddefendi l-interess komuni tagħha f'kwistjonijiet dwar l-enerġija fuq livell internazzjonali;

12.  Jargumenta favur it-tisħiħ tal-Politika Ewropea fir-Rigward tal-Pajjiżi Ġirien, b'enfasi speċjali fuq il-koperazzjoni fil-qasam ta' l-enerġija mal-pajjiżi ġirien, li tinkludi l-infrastruttura ta' trasportazzjoni, li għandha tingħata għajnuna finanzjarja speċjali; jitlob għall-inklużjoni tal-koperazzjoni fil-politika ta' l-enerġija fil-Pjanijiet ta' Azzjoni li qegħdin jitħejjew skond il-Politika Ewropea fir-Rigward tal-Pajjiżi Ġirien;

13.  Jiltob għal metodu bbażat fuq il-ġustizzja u r-responsabilità maqsuma fit-twettieq tal-politika ta' l-enerġija fuq livell nazzjonali, sabiex, meta jittieħdu deċiżjonijiet strateġiċi, dawk is-sħab fost l-Istati Membri ta' l-UE li jistgħu jintlaqtu bid-deċiżjonijiet ikunu kkonsultati wkoll;

SUQ INTERN LI JAĦDEM SEWWA

14.  Jemmen bis-sħiħ fl-idea li parti essenzjali fiż-żamma tas-sigurtà tal-provvista hija t-trasportazzjoni rapida tal-provvisti preżenti ta' l-UE ta' l-elettriku u l-gass mill-Istati Membri kollha, sabiex jinkiseb suq intern li jaħdem sewwa biex titkabbar il-kompetittività, it-trasparenza u l-effiċjenza ta' l-enerġija;

15.  Għalhekk huwa mħasseb ħafna dwar id-distorsjoni li hemm fis-suq intern kaġun ta' l-appoġġ protezzjonist għal fornituri nazzjonali ewlenin, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli tas-suq intern sabiex taċċerta kompetizzjoni ġusta u mhux diskriminatorja u biex tevita l-ħolqien ta' swieq ta' enerġija oligopolistiċi;

16.  Jappella lill-Kunsill sabiex jaċċetta l-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-prijoritajiet TENs sabiex jgħaqqad il-ħoloq neqsin fin-netwerks ta' l-enerġija trans-Ewropej (TENs) ħalli jevita l-ibblukkar, itejjeb is-sigurtà tal-provvista, ilesti l-ħolqien tas-suq intern billi jappoġġja proġetti speċifiċi fejn ikun xieraq;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex joħolqu suq ta' l-enerġija intern ta' l-UE billi jsibu bilanċ bejn sorsi ta' provvista interni u esterni, jaċċertaw l-operabilità reċiproka tan-netwerks ta' l-enerġija nazzjonali u joħolqu ambjent kompetittiv għall-enerġija billi jisseparaw il-funzjonijiet tal-fornituri u d-distributuri filwaqt li jiżguraw il-kompetizzjoni bejn id-distributuri;

18.  Iqis li l-evoluzzjoni tal-qafas ta' Kyoto wara l-2012 għandha bżonn kunsiderazzjoni attiva minn issa, sabiex jingħata ċans lis-swieq biex jikkalkulaw il-prezz tal-karbonju f'programmi ewlenin ta' investiment, bir-rikonoxximent tal-fatt li l-kompetittività u t-tkabbir Ewropew diġà jinsabu mfixklin minn spejjeż ogħla ta' xogħol u elettriku;

SORSI TA' ENERĠIJA SOSTENIBBLI

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipproponi miżuri dwar l-enerġija u sabiex tinvesti b'mod urġenti u qawwi f'ekonomija li tkun tassew effiċjenti fl-enerġija, sabiex tnaqqas drastikament id-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni wkoll sabiex tinsisti dejjem fuq l-irwol ewlieni li għandhom il-konservazzjoni u l-effiċjenza ta' l-enerġija fit-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-enerġija;

20.  Jisħaq fuq l-importanza eċċezzjonali ta' sorsi ta' enerġija li tiġġedded, flimkien ma' l-effiċjenza fl-enerġija, għal politika dwar l-enerġija Ewropea għal provvisti ta' enerġija futuri; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex joħorġu b'miri ġodda u ambizzjużi għal wara l-2010 u biex taħdem f'dan il-qasam sabiex tiggarantixxi żvilupp aktar mgħaġġel f'kull Stat Membru; jinsisti li għandu jkun hemm direttiva dwar it-tisħin u tkessiħ minn sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, bħal ma ddeċieda l-Parlament, sabiex jiżgura aktar il-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn is-sorsi fil-qasam tat-tisħin;

21.  Jerġa' jafferma l-appoġġ qawwi tiegħu għall-RES, jappella lill-Istati Membri biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex jilħqu l-miri ta' sehem ta' 12% mill-konsum ta' l-enerġija totali u 22.1% ta' l-elettriku mill-RES sa l-2010 u jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-elettriku mill-RES;

22.  Jilqa' l-inizjattivi ġodda mill-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijomassa tagħha u l-proposta għal bijofjuwils, u jitlob lill-istituzzjonijiet ta' l-UE kollha sabiex iħaffu l-isforzi fl-użu tal-potenzjal tas-sorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu mill-bijomassa waqt li jagħtu kas kemm xieraq ta' kunsiderazzjonijiet ambjentali;

23.  Iqisha bħala urġenti li l-Kummissjoni tressaq proposti u taħdem ma' l-industrija sabiex tħaffef l-applikazzjoni ta' l-idroġenu u taċ-ċelloli tal-fjuwil sabiex tagħmel progressi kontinwi u fit-tul fl-effiċjenza u fil-konservazzjoni ta' l-enerġija fis-settur tat-trasport; jinnota li l-bijomassa, b'mod ġenerali, tista' tgħin biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' l-enerġija fl-Unjoni permezz tal-kombustjoni konvenzjonali; jitlob lill-Kummissjoni, minħabba l-benefiċċji mid-dħul addizzjonali għas-settur ta' l-agrikoltura u l-forestrija, biex timplimenta programm intensiv għall-aktar organizzazzjoni bikrija possibbli tal-produzzjoni, għall-ġbir tar-residwi agrikoli u forestali, għat-tmermir kimiku kkawżat mis-sħana u għall-użu tal-gass prodott;

24.  Jirrikonoxxi l-importanza li dejjem qiegħda tikber tal-gass, waqt li s-sehem tiegħu fl-enerġija totali qiegħed dejjem jikber, u l-bżonn li jintużaw strateġiji differenti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass, bħall-iżvilupp tat-'terminals' LNG u l-faċilitajiet ta' ħżin kif ukoll pajpijiet ġodda;

25.  Jemmen li l-enerġija nukleari hija parti mid-dibattitu politiku Ewropew dwar it-taħlita ta' sorsi ta' enerġija; Jikkunsidra li, anke kieku l-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari jibqa' jkollha rwol f'xi Stati Membri, deċiżjonijiet f'dan ir-rigward jistgħu jittieħdu biss fuq livell ta' l-Istat Membru skond il-qafas ta' sussidjarjetà;

26.  Jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ewwel prijorità għall-azzjoni għandha tkun fil-qasam ta' miżuri ta' mmaniġġjar tad-domanda sabiex tittejjeb l-effiċjenza ta' l-użu ta' l-enerġija u jitnaqqas il-konsum permezz tal-konservazzjoni; f'dan ir-rigward, jiddispjaċih ħafna dwar id-dewmien fit-tressiq ta' proposti għas-settur tat-trasport; jinnota l-potenzjal ekonomiku li tinħażen ta' l-inqas 20% ta' l-enerġija kkonsmata u jinnota li dan il-potenzjal għandu jitla' mal-prezzijiet ta' l-enerġija li dejjem jitilgħu, mal-progressi teknoloġiċi u ma' l-ekonomiji ta' skala;

27.  Jinnota li s-settur tal-bini, li jlaħħaq 'l fuq minn 40% ta' l-użu ta' l-enerġija kollu fl-EU-25. huwa l-ikbar settur waħdieni li jikkonsma enerġija; jinnota wkoll li l-prezzijiet ta' l-enerġija li qegħdin jitilgħu m'humiex jaffettwaw l-ekonomija kollha kemm hi biss, iżda fuq kollox, lil dawk soċjalment żvantaġġjati; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex joħorġu b'sforz ikkordinat sabiex itejjbu l-istokk tal-bini Ewropew fejn soluzzjonijiet ta' finanzjament innovattivi jiġu proposti b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment;

RIĊERKA U ŻVILUPP

28.  Jirrikonoxxi l-importanza li jiżdied l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp, li jittieħed vantaġġ mit-teknoloġiji eżistenti u li jiġu promossi oħrajn ġodda sabiex l-Ewropa tinżamm fuq quddiem nett meta mqabbla mal-kompetituri tagħha u sabiex jinħolqu impjiegi ġodda, sostenibbli u fit-tul, li tinżamm konsistenza mal-miri ta' l-Aġenda ta' Liżbona u li titħejja t-triq biex jinkiseb, globalment, l-Għan 7 ta' l-Iżvilupp tal-Millenju dwar l-aċċertar tas-sostenibbilità ambjentali;

29.  Jinnota li hemm lok konsiderevoli għal iżjed titjib f'sorsi t'enerġija li jiġġeddu u għall-suq globali f'tagħmir u sistemi ġodda bbażati fuq l-RES, u jappella lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi teknoloġiji ta' enerġija li tiġġedded mgħammrin b'riżorsi suffiċjenti fis-Seba' Programm ta' Qafas ta' Riċerka u biex tgħin l-SMEs f'dan is-settur jużaw it-tmexxija tagħhom fit-teknoloġija biex jiksbu suċċess fis-suq globali;

30.  Jinnota li t-tbassir kollu jindika li l-impjanti għall-enerġija konvenzjonali se jibqgħu jfornu sehem kbir tal-ġenerazzjoni ta' l-elettriku, anke għat-tul, u għalhekk huwa favur il-promozzjoni ta' riċerka u żvilupp rigward l-effiċjenza ta' impjanti għall-enerġija bħal dawn u dwar modi kif din tista ' tiżdied;

31.  Jemmen li l-għarfien tat-teknoloġija tal-fużjoni nukleari u l-applikazzjoni tagħha għandhom valur strateġiku u għandhom ikunu żviluppati aktar fl-UE;

32.  Jinnota li ftehimiet volontarji ikunu utli wkoll biex jiżdiedu l-isforzi fir-riċerka u l-iżvilupp minn kumpaniji taż-żejt u l-gass, bħala parti mir-responsabiltajiet soċjali korporattivi tagħhom, biex jiżviluppaw teknoloġiji ġodda fil-qasam ta' l-enerġija;

33.  Jitlob li, skond is-Seba' Programm ta' Qafas, issir riċerka fil-bijomassa, fis-sorsi ta' enerġija kollha li jiġġeddu, inklużi l-enerġiji mill-mewġ u mit-tifrigħ tal-baħar u l-ħżin ta' l-enerġija, u fit-teknoloġija tal-gassifikazzjoni tal-faħam, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu u jinħoloq suq dinji f'dan is-settur;

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

Avviż legali - Politika tal-privatezza