MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
5.4.2006
- –Charles Tannock, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Aldis Kušķis, Bogdan Klich, Zbigniew Zaleski, Tadeusz Zwiefka, Rihards Pīks, Christopher Beazley, , f'isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (Demokristjani) u Demokratiċi Ewropej
- –Jan Marinus Wiersma, Marek Maciej Siwiec, Thijs Berman, Marianne Mikko, , f'isem il-Grupp Soċjalista fil-Parlament Ewropew
- –Grażyna Staniszewska, Šarūnas Birutis, , f'isem il-Grupp ta' l-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa
- –Rebecca Harms, Milan Horáček, , f'isem il-Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea
- –Helmuth Markov, Esko Seppänen, , f'isem il-Grupp Konfederali tax-Xellug Magħqud Ewropew - Xellug Aħdar Nordiku
- –Guntars Krasts, Inese Vaidere, Zbigniew Krzysztof Kuźmiuk, Michał Tomasz Kamiński, Hanna Foltyn-Kubicka, , f'isem il-Grupp ta' l-Unjoni għal Ewropa tan-Nazzjonijiet
- –PSE (B6‑0235/2006)
- –PPE-DE (B6‑0240/2006)
- –ALDE (B6‑0244/2006)
- –GUE/NGL (B6‑0245/2006)
- –Verts/ALE (B6‑0247/2006)
- –UEN (B6‑0249/2006)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet parlamentari fl-Ukrajna
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-iżviluppi politiċi fl-Ukrajna, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2005,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Politika Ewropea għall-Viċinanzi tad-19 ta' Jannar 2006,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għall-Ukrajna u miżuri oħra li ddeċieda dwarhom il-Kunsill b'appoġġ għal Ukrajna demokratika u orjentata lejn ir-riformi,
– wara li kkunsidra l-istqarrija preliminarja ta' l-OSCE dwar l-elezzjonijiet fl-Ukrajna tas-27 ta' Marzu 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ukrajna kkonfermat b'mod ċar ix-xewqa tagħha li tkun parti mill-Ewropa u l-volontà tagħha li tkun integrata ma' l-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tal-prinċipji u tal-kriterji fundamentali ta' l-UE,
B. billi l-Missjoni Internazzjonali ta' l-Osservaturi ta' l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, l-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa, ta' l-OSCE u tan-NATO u l-OSCE/ODIHR ikkonkludew li l-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta' Marzu 2006 fl-Ukrajna saru b'mod ħieles, ġust u skond l-istandards internazzjonali ta' elezzjonijiet demokratiċi,
C. billi waqt il-kampanja l-midja kienet ġeneralment ibbilanċjata, li tgħin lill-partiti jikkomunikaw il-messaġġ tagħhom u tgħin lill-votanti jesprimu l-għażla tagħhom mingħajr xkiel,
D. billi l-konklużjoni kienet li l-elezzjonijiet tmexxew b'mod demokratiku u trasparenti b'prattikament l-ebda inċidenti, għalkemm problemi fin-numru ta' persunal fil-postijiet ta' votazzjoni u n-numru eċċessiv ta' votanti f'xi postijiet ta' votazzjoni kkawżaw ċertu livell ta' diżordni f'jum l-elezzjoni,
E. billi l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, u l-Ukrajna mxew lejn relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib bbażati fuq ir-rispett reċiproku għall-valuri fundamentali Ewropej,
1. Jilqa' l-fatt li l-elezzjonijiet parlamentari u lokali tas-26 ta' Marzu 2006 saru b'mod sodisfaċenti, kompletament skond l-istandards elettorali internazzjonali u li l-Ukrajna hija fuq it-triq li ssir demokrazija matura u li tieħu postha, kif jixirqilha, fil-komunità Ewropea ta' nazzjonijiet demokratiċi;
2. Jinnota n-nuqqasijiet fl-elezzjonijiet li ġew identifikati mill-Missjoni ta' Osservaturi ta' l-Elezzjoni u jitlob lill-awtoritajiet rilevanti Ukrajni biex jieħdu azzjoni korrettiva u biex jassiguraw li problemi bħal dawn ma jerġgħux jinħolqu f'elezzjonijiet futuri;
3. Jifraħ lill-poplu ta' l-Ukrajna li minkejja ċ-ċirkostanzi xi kultant diffiċli fil-postijiet ta' votazzjoni - wera l-impenn tiegħu lejn il-proċess demokratiku f'pajjiżu;
4. Iħeġġeġ il-membri kollha eletti dan l-aħħar fil-Verkhovna Rada kif ukoll il-Gvern ġdid ta' l-Ukrajna biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ lejn l-irreversibilità tal-proċess demokratiku u biex ikomplu jsaħħu mingħajr eżitazzjoni r-riformi politiċi, soċjali u ekonomiċi;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirreaġixxu fil-pront u b'mod konkret għat-tamiet li qed jitkattru fost il-poplu Ukrajin li dejjem iktar qiegħed iħares lejn l-UE u jikkunsidra tisħiħ aktar tal-miżuri mniżżlin fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea għall-Viċinanzi li għandu l-għan li jappoġġja aktar żvilupp demokratiku fl-Ukrajna, b'mod partikulari fir-rigward tat-tisħiħ tar-rispett għall-istat tad-dritt, u t-tkomplija tat-tisħiħ tar-riformi soċjali u ekonomiċi; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jaħdmu fuq inizjattivi simili u fuq proġetti konkreti ta' appoġġ li jikkontribwixxu għat-tkomplija tal-proċess ta' demokratizzazzjoni u ta' riforma fl-Ukrajna;
6. Jitlob lill-gvern il-ġdid iffurmat wara dawn l-elezzjonijiet biex jikkonsolida l-affermazzjoni tiegħu ta' valuri u objettivi Ewropej billi jieħu aktar passi biex jippromwovi d-demokrazija, d-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u l-istat tad-dritt, billi jkompli r-riformi tas-suq u jegħleb il-qasmiet politiċi fl-Ukrajna;
7. Jappella lill-pajjiżi ġirien kollha biex jirrispettaw l-għażla demokratika tal-poplu ta' l-Ukrajna u biex iżommu lura milli jagħmlu pressjoni ekonomika jew xi forma oħra ta' pressjoni biex jostakolaw aktar żvilupp politiku, soċjali u ekonomiku fil-pajjiż fejn ġie deċiż b'mod demokratiku li jsir dan l-iżvilupp;
8. Jistenna b'ħerqa li ssir ftehima dwar l-iffaċilitar tal-visa bejn l-UE u l-Ukrajna bil-mira aħħarija ta' reġim mingħajr bżonn ta' visa, iżda għalissa li l-Kummissjoni tirrispetta bis-sħiħ il-ftehimiet li diġà jeżistu dwar visas b'xejn li huma validi għal iktar minn żjara waħda ma' seba' stati membri, kif ukoll azzjonijiet oħrajn li jimmiraw lejn il-perspettiva Ewropea ta' l-Ukrajna; jistieden li ssir aktar azzjoni biex l-Ukrajna tersaq lejn sħubija sħiħa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;
9. Jinnota li l-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni attwali tiskadi fl-2008, u jitlob lill-Kummissjoni biex tibda tinnegozja Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Ukrajna;
10. Jistenna b'ħerqa li jżid il-koperazzjoni mal-Verkhovna Rada u li din twassal għal proċess sostenut ta' transizzjoni fl-Ukrajna li għandu jġib il-pajjiż aktar lejn l-objettiv ta' koperazzjoni dejjem aktar intensiva ma' l-Unjoni Ewropea, u jimpenja ruħu biex jgħin u jappoġġja l-Ukrajna f'dan il-proċess;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Gvern ta' l-Ukrajna u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa, ta' l-OSCE u tan-NATO.