MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
14.6.2006
- –Hybaskova, Tannock, Posselt u Sonik , f'isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (Demokristjani) u Demokratiċi Ewropej
- –Napoletano u de Keyser , f'isem il-Grupp Soċjalista fil-Parlament Ewropew
- –Neyts, Malmström, Matsakis, Ries u Jäätteenmäki , f'isem il-Grupp ta' l-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa
- –Özdemir u Flautre, f'isem il-Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea
- –Agnoletto, f'isem il-Grupp Konfederali tax-Xellug Magħqud Ewropew - Xellug Aħdar Nordiku
- –Muscardini, f'isem il-Grupp ta' l-Unjoni għal Ewropa tan-Nazzjonijiet
- –ALDE (B6‑0342/06)
- –PSE (B6‑0350/06)
- –GUE/NGL (B6‑0360/06)
- –PPE-DE (B6‑0365/06)
- –Verts/ALE (B6‑0370/06)
- –UEN (B6‑0372/06)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikulari dik tat-8 ta' Settembru 2005,
- wara li kkunsidra l-Ftehima Ewro-Mediterranja, li fiha huma msieħba l-Unjoni Ewropea u s-Sirja, b'mod partikulari l-Artikolu 2 li jistipula li r-rispett tal-prinċipji demokratiċi u għad-drittijiet fundamentali jispiraw il-politiki domestiċi u esterni tal-partijiet u huma element essenzjali tal-Ftehim,
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Proċess ta' Barċellona tat-28 ta' Novembru 1995 u l-prijorità tiegħu biex imexxi 'l quddiem id-Drittijiet tal-Bniedem,
- wara li kkunsidra l-prijoritajiet politiċi tal-Presidenza ta' l-UE ta' l-EMPA fl-2005 sabiex jiżdied id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-parlamenti tal-pajjiżi msieħba,
- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-10 anniversarju tal-Proċess ta' Barċellona u l-għanijiet għall-5 snin li ġejjin, b'mod speċjali l-għan li tingħata attenzjoni lil kwistjonijiet bħall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem,
- wara li kkunsidra r-rapport fl-10 Anniversarju tal-Proċess ta' Barċellona,
- wara li kkunsidra l-linji gwida ta' l-UE immirati lejn pajjiżi terzi dwar il-piena tal-mewt (1998); dwar it-tortura u trattament ieħor krudil, inuman jew degradanti (2001), dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi (2001) u dwar id-difensura tad-drittijiet tal-bniedem (2004),
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-UE tad-19 ta' Mejju 2006 dwar arresti reċenti fis-Sirja;
- wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 177 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jistabbilixxi l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala objettiv tal-politika komuni ta' l-affarijiet barranin u tas-sigurtà (CFSP),
- wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. Billi huwa konxju ta' l-importanza tar-rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali li jeżistu bejn l-Unjoni Ewropea u s-Sirja,
B. Billi l-ħatra tal-president attwali, Bashar Al Assad, tat lok għat-tama fis-Sirja u b'ċertu mod wasslet biex tinfetaħ is-sistema politika Sirjana, li kien ilha ddominata mill-partit Baath għal ħafna snin,
C. Billi l-Parlament Ewropew u l-President tiegħu diġà għamlu bosta interventi favur il-ħelsien ta' parlamentari li jinsabu detenuti fil-ħabsijiet Sirjani, u billi l-Presidenza Ewropea fid-19 ta' Mejju stiednet lill-Gvern Sirjan biex jirrispetta b'mod sħiħ il-libertà ta' l-espressjoni u l-libertà ta' l-għaqda, li huma stipulati fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġiet irratifikata mis-Sirja fl-1969,
D. Billi, wara l-iffirmar ta' petizzjoni għal relazzjonijiet Sirjani-Lebaniżi aħjar fid-dawl tar-Riżoluzzjoni 1680 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, ġew irrappurtati l-arrest u t-tortura ta' diversi attivisti ċivili f'Mejju 2006, fosthom b'mod partikulari l-avukat Anwar al Bunni u l-kittieb Michel Kilo, kif ukoll oħrajn bħal Khalil Hussein, Dr. Safwan Tayfour, Mahmoud ´Issa, Fateh Jammous, Prof. Suleiman Achmar, Nidal Derwiche, Suleiman Shummor, Ghalem Amer, Muhammad Mahfud and Mahmoud Mer´i,
E. Billi Anwar Al Bunni, avukat li jispeċjalizza f'kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem, kien arrestat fit-toroq ta' Damasku fil-punt meta kien se jieħu l-kariga ta' direttur ta' ċentru tad-drittijiet tal-bniedem iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea,
F. Billi jfakkar li diġà f'Novembru tal-2005, NGOs internazzjonali rrappurtaw l-arrest u r-riskju ta' tortura ta' l-attivista paċifiku Kamal Al-Labwani, li issa jinsab jiffaċċja għomor il-ħabs talli stqarr fehmietu,
G. Jieħu nota li huwa rrapurtat li f'dawn l-aħħar xahrejn l-awtoritajiet Sirjani arrestaw ukoll ħafna ġurnalisti u attivisti ċivili,
H. Billi din il-mewġa ta' arresti hija ritaljazzjoni diretta kontra t-tqassim, fit-12 ta' Mejju 2006, ta' petizzjoni ffirmata minn madwar 500 persuna, u li appellat għal normalizzazzjoni fir-relazzjonijiet bejn il-Libanu u s-Sirja; din il-petizzjoni, hija ta' importanza partikulari billi hija inizjattiva konġunta ta' l-intellettwali u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Sirjani u Lebaniżi, l-ewwel waħda ta' dan it-tip,
I. Billi s-sena l-oħra l-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem wera t-tħassib tiegħu fir-rigward ta' l-ostakli imposti fis-Sirja fuq ir-reġistrazzjoni u l-ħidma ħielsa ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi favur id-drittijiet tal-bniedem u fir-rigward ta' l-intimidazzjonijiet u l-fastidji fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.
J. Billi s-Sirja hija gvernata minn liġijiet ta' emerġenza, li ġew introdotti 43 sena ilu, li jintużaw biex jiġġustifikaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem,
1. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani sabiex immedjatament jeħilsu lill-attivisti kollha li għadhom miżmuma talli ffirmaw petizzjoni li kienet tappella għal relazzjonijiet imtejba bejn is-Sirja u l-Libanu;
2. Iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet Sirjani sabiex jerġgħu jikkunsidraw il-każijiet kollha ta' priġunieri politiċi u minnufih jeħilsu l-priġunieri miżmuma minħabba fehmiethom, u sabiex:
- a)jiżguraw li dawk miżmuma jiġu trattati tajjeb u ma jkunux suġġetti għal tortura jew trattament ħażin ieħor
- b)jiżguraw li persuni miżmuma jew mibgħuta l-ħabs jiġu mogħtija aċċess immedjat, regolari u mingħajr restrizzjoni għall-avukati, għat-tobba u għall-familji tagħhom;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni kontra t-tortura u trattament inuman ieħor;
4. Jappoġġja bis-sħiħ id-dikjarazzjoni mill-President ta' l-UE f'isem l-Unjoni Ewropea magħmula fid-19 ta' Mejju 2006 li tirrigwarda l-arresti riċenti;
5. Jirrimarka li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi fattur essenzjali fi kwalunkwe ftehima ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Sirja, u jistieden lis-Sirja sabiex tirrispetta l-impenn tagħha fi ħdan il-qafas tal-proċess ta' Barcelona u f'konformità mal-Politika Ewropea għall-Maġar;
6. Jerġa' jtenni l-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Kunsill wkoll jagħmlu ħilithom sabiex jiżguraw li l-Ftehima ta' Assoċjazzjoni mas-Sirja, li għadha ma ġietx iffirmata, twassal għal titjib fid-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja;
7. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex ta' kull sena tevalwa s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja u l-konformità tagħha mal-obligazzjonijiet skond il-Ftehima Ewro-Mediterranja u sabiex tirrapporta dwar is-sejbiet tagħha fil-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja;
8. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Sirjan u lill-Parlament Sirjan.