MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
5.7.2006
- –Bernd Posselt, Charles Tannock u Simon Busuttil, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano, Marie-Arlette Carlotti, Glenys Kinnock, Alain Hutchinson u Elena Valenciano Martínez-Orozco, f'isem il-Grupp PSE
- –Lydie Polfer u Marios Matsakis, f'isem il-Grupp ALDE
- –Marie Anne Isler Béguin, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Luisa Morgantini u Willy Meyer Pleite, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –Ģirts Valdis Kristovskis, f'isem il-Grupp UEN
- –Verts/ALE (B6‑0399/2006)
- –GUE/NGL (B6‑0403/2006)
- –PPE-DE (B6‑0407/2006)
- –ALDE (B6‑0409/2006)
- –PSE (B6‑0413/2006)
- –UEN (B6‑0416/2006)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar la Mauritanie
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ l-Istati ta’ l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 u b'mod partikulari l-Artikolu 96 tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-EU dwar is-sitwazzjoni fl-Afrika tal-Punent, adottata fl-24 ta' Novembru 2005 f'Edinburgu (Renju Unit),
– wara li kkunsidra 24 impenji li għalihom ingħata l-kunsens mir-Repubblika Islamika tal-Mawritanja fl-okkażjoni tal-konsultazzjonijiet mal-parti ACP dwar ir-Repubblika Islamika tal-Mawritanja fi ħdan l-Artikolu 96 tal-Ftehima ta' Cotonou (Brussell, 30 ta' Novembru 2005),
– wara li kkunsidra r-rapport orali tal-missjoni għall-informazzjoni u l-istudju ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-EU fil-Mawritanja ta' bejn it-23 u 27 ta' Frar 2006,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-grupp ta' ħidma tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Magreb u ta' l-Unjoni tal-Magreb Għarbi (fosthom il-Libja) li sar fil-Mawritanja mit-3 sal-5 ta' Mejju 2006,
- wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà ta' l-Unjoni Afrikana tal-21 ta' Ġunju 2006,
- wara li kkunsidra l-Istqarrija mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea dwar ir-referendum fil-Mawritanja tat-28 ta' Ġunju 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tneħħija mill-kariga tal-president preċedenti Ould Taya, fit-3 ta' Awwissu 2005, seħħet mingħajr tixrid ta' demm,
B. billi l-Kunsill Militari għall-Ġustizzja u għad-Demokrazija affirma l-volontà tiegħu li jispiċċa l-prattiċi totalitarji tar-reġim preċedenti u impenja ruħu biex jistabbilixxi d-demokrazija fil-Mawritanja,
C. billi ġie rrilaxxat il-kunsens fost il-partiti politiċi u s-soċjetà ċivili biex il-proċess preżenti jkun appoġġjat,
D. billi jikkunsidra t-twaqqif ta' kumitat elettorali nazzjonali indipendenti u l-adozzjoni ta' kalendarju elettorali għal referendum kostituzzjonali, għal elezzjonijiet leġiżlattivi, muniċipali u presidenzjali,
E. billi l-awtoritajiet tat-tranżizzjoni s'issa żammew l-impenji tagħhom f'dak li jikkonċerna l-kalendarju elettorali u, b'mod partikulari, għamlu ċens elettorali (RAVEL), li ġie komplut fit-30 ta' April 2006,
F. billi 76,36 fil-mija ta' l-eletturi pparteċipaw fir-referendum tal-25 ta' Ġunju 2006 u 96,96 fil-mija tal-votanti vvotaw favur bidliet kostituzzjonali,
G. billi, madankollu, parti kbira mill-popolazzjoni Mawritana ma setgħetx tipprova l-identità tagħha biex tikseb karta elettorali, b'konformità mal-liġi elettorali li teżiġi kopja taċ-ċertifikat tat-twelid tal-ġenituri u tan-nanniet,
H. billi numru kbir taċ-ċittadini ma setgħux jiksbu l-karti ċivili tagħhom u allura ma setgħux jipparteċipaw fil-votazzjoni tal-25 ta' Ġunju minħabba l-kundizzjonijiet materjali u minħabba l-iskadenza wisq qasira ta' l-organizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet,
I. billi jikkunsidra l-abolizzjoni, li ġiet verifikata fil-prattika, taċ-ċensura tal-midja,
J. billi jinnota l-bidu ta' l-esplorazzjoni għaż-żejt f'April 2006, u l-ftehim ġdid dwar iż-żejt li sar sadanittant bejn il-gvern ta' tranżizzjoni tal-Mawritanja u l-intrapriża għall-iżvilupp Awstraljana Woodside fil-bidu tax-xahar ta' Ġunju 2006,
K. billi ikkunsidra l-impenn ta' l-awtoritajiet ta' transizzjoni biex jiġġieldu l-korruzzjoni u l-adeżjoni tagħhom ma' konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-kwistjoni,
L. billi kkunsidra l-importanza tal-flussi migratorji lejn l-Unjoni Ewropea li għandhom il-punt tat-tluq tagħhom mix-xtajtiet tal-Mawritanja,
M. billi l-ftehima għas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Mawritanja waslet biex tintemm fil-31 ta' Lulju 2006,
1. Jinnota b'sodisfazzjon l-impenji ta' l-awtoritajiet ta' tranżizzjoni għall-instawrazzjoni tad-demokrazija fil-Mawritanja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' tranziżżjoni biex iwasslu għat-twettiq tiegħu dan il-proċess demokratiku b'rispett sħiħ ta' l-impenji li ttieħdu u jenfasizza li se jsegwi b'attenzjoni kbira l-iżvilupp ta' dan il-proċess sat-tmiem tiegħu;
2. Jieħu pjaċir jinnnota l-iżvolġiment tajjeb tar-referendum tal-25 ta' Ġunju u jenfasizza li l-vot massiv tal-Mawritanji favur il-Kostituzzjoni ġdida huwa stadju deċissiv fil-proċess għat-tranżizzjoni demokratika u juri d-determinazzjoni tal-popolazzjoni li tibni demokrazija ta' veru u Stat bbażat fuq il-liġi, u li dan kollu kien apprezzat ħafna mill-osservaturi internazzjonali li kienu preżenti;
3. Jinsisti li l-Mawritanji kollha għandhom ikollhom id-dokumenti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet li ġejjin;
4. Jirrakkomanda li għandu jsir dak kollu li hemm bżonn sabiex il-Mawritanji barra minn pajjiżhom ikunu fis-sitwazzjoni li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-ġejjini;
5. Jifraħ jara li l-forzi dinamiċi tal-pajjiż, partiti politiċi u soċjetà ċivili, ilkoll jemmnu fis-sinċerità ta' dawk involuti fil-proċess tat-tranżizzjoni;
6. Jilqa' l-adozzjoni ta' skadenzi għal meta se jsiru referendum kostituzzjonali u elezzjonijiet leġiżlattivi, muniċipali u presidenzjali u jistieden lill-awtoritajiet biex jirrispettaw dawn l-iskadenzi;
7. Jilqa' l-ħatra ta' Kummissjoni elettorali nazzjonali indipendenti (CENI), li xogħolha se jkun li tagħmel ċensiment tal-votanti (RAVEL) u li tgħodd il-voti fil-votazzjonijiet li ġejjin;
8. Jistieden lis-CMJD, lill-Gvern ta' tranżizzjoni u lill-Kummissjoni elettorali nazzjonali indipendenti (CENI) biex tiddeċiedi li ttemm iċ-ċensiment u t-tqassim tal-karti tal-vot bejn ir-referendum u l-elezzjonijiet l-oħrajn, sabiex tagħmel tajjeb għat nuqqqasijiet bejn iċ-ċensiment ta' l-1995 u l-lista elettorali attwali, inkluż li taċċetta xħieda ta' identifikazzjoni bħala prova ta' l-identità tar-refuġjati li jiġu lura pajjiżhom, u japprezza f'dan ir-rigward il-mod u l-attitudni raġonevoli murijin mill-President tas-CENI fi Brussell fit-30 ta' Mejju 2005;
9. Jinnota li nħolqu bosta partiti politiċi minn wara t-3 ta' Awissu 2005 u jara tendenza għal ragruppamenti f'koalizzjonijiet; jinkoraġġixxi li jkun hemm tfassil ta' pjattaformi elettorali li jagħmlu proposti prattiċi biex tittejjeb il-qagħda soċjali e ekonomika tal-pajjiż;
10. Jirrakkomanda li l-finanzjament tal-partiti politiċi jsir fuq bażi tar-rappreżentanza tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali u li s-sistema ta' rapprezentanza proporjzonali tagħhom tagħmilha aktar faċli li tingħaraf id-diversità tal-pajjiż, u jissuġġerixxi li parti minn dan il-finanzjament għandu jkun taħt forma ta' għajnuna materjali sabiex il-partiti politiċi jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-kampanja elettrorali f'kundizzjonijiet tajbin;
11. Jilqa' l-pożizzjoni ta' prinċipju ta' l-awtoritajiet favur ir-ritorn tar-refuġjati, imma jinnota bi tħassib li fil-prattika dan id-dritt ma ġiex imħaddem wisq għal żewġ raġunijiet: il-faqar tal-mezzi ekonomiċi u l-impossibiltà ta' għadd kbir ta' dawk konċernati biex jippruvaw ċittadinanza Mawritanja;
12. Għalhekk jistieden lill-awtoritajiet ta' tranżizzjoni biex jikkunsidraw bis-serjetà li fl-elezzjonijiet leġislattivi u presidenzjali jifthħu postijiet ta' votazzjoni għal dawk il-Mawritanji li jinsabu barra minn pajjiżhom fl-ambaxxati, kif ukoll fil-kampijiet tar-refuġjati fil-Mali u fis-Senegal;
13. Jieħu nota tad-deċiżjoni li jiġi rriżervat l-20% tal-lista ta' kandidati għan-nisa u f'din id-deċiżjoni jirrikonoxxi progress meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta' qabel, madankollu jibża li fir-realtà din ir-regola titneżża' mill-effettività tagħha jekk il-partiti joħorġu lin-nisa fuq kostitwenza mitlufa minn qabel jew jekk jpoġġu lill-kandidati nisa li mhumiex eliġibbli fuq il-listi tal-kandidati;
14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi biex tibgħat Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali ta' l-Unjoni Ewropea;
15. Jifraħ bl-abolizzjoni, li ġiet verifikata fil-prattika, taċ-ċensura tal-midja;
16. Jifraħ bil-libertà ta' l-espressjoni għar-rappreżentanti tal-partiti politiċi u tas-soċjetà ċivili fil-Mawritanja, li hija sinjal pożittiv ta' demokrazija ħajja u dinamika;
17. Jistieden lis-CMJD u lill-gvern ta' tranżizzjoni, waqt li jirrikonoxxi li dawn ma jistgħux isolvu l-problemi kollha tal-passat, biex jiffokaw fuq il-kwistjoni tad-defiċit umanitarju, tar-refuġjati u tal-konsegwenzji tal-jasar, kif ukoll fuq l-impunità tar-reati ekonomiċi;
18. Jifraħ bil-fatt li l-Membri tas-CMJD impenjaw ruħhom biex ma joħorġux bħala kandidati għall-elezzjonijiet li ġejjin;
19. Jistieden lill-awtoritajiet Mawritani, preżenti u futuri, biex jaffrontaw il-kwistjoni ta' l-inugwaljanzi fit-tqassim tal-ġid u biex idaħħlu minimu ta' ġustizzja soċjali fil-Mawritanja;
20. Jifraħ bl-egħluq tal-konsultazzjonijiet fir-rigward ta' l-Artikolu 96 ġdid tal-Ftehima ta' Cotonou u bil-fatt li terġa tibda l-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u li, minħabba f'hekk, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja mhux se tiġi penalizzata mill-avvenimenti tat-3 ta' Awissu 2005;
21. Jistieden lill-awtoritajiet Mawritani biex javvantaġġaw ruħhom mir-riżorsi ġodda taż-żejt biex jirrispondu għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni, b'mod partikulari fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni;
22. Jifraħ bl-impenn ta' l-awtoritajiet ta' tranżizzjoni biex japplikaw il-prinċipji ta' l-inizjattiva EITI ('Extractive Industries Transparency Initiative');
23. Jifraħ bl-impennji li ħa l-gvern li jiġġieled kontra l-korruzzjoni u li jirratifika l-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam;
24. Jifraħ bir-rieda ta' koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari li qed juru l-awtoritajiet Mawritani, li ppremettiet il-konklużjoni ta' ftehimiet importanti bejn l-UE u l-Mawritanja, fosthom il-proġett Atlantis, kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea li jistabbilixxi l-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi ta' l-UE u l-Mawritanja fis-sorveljanza tal-kosti Mawritani minn għassiesa imħalltin Spanjoli-Mawritani;
25. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet Mawritani biex jikkonkludu fil-ħin in-negozjati dwar il-ftehima dwar is-sajd, u kif ukoll biex jintroduċu politika xierqa għall-ħarsien tar-riżorsi tas-sajd u għall-preżervazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar u ta' l-art ta' l-Arguin Bank li jinsab viċin l-inħawi ta' esplojtazzjoni;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Militari għall-Ġustizzja u d-Demokrazija, lill-Gvern ta' tranżizzjoni u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE.